Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Il-ħidma bdiet mill-ewwel ġurnata

L-ewwel opinjoni ta' Alex Agius Saliba wara li ġie elett Ewroparlamentari

Alex Agius Saliba / 5 ta' Ġunju 2019 09:53
Elezzjoni tiġi u tmur, imma l-esperjenzi marbutin ma’ kull appuntament elettorali huma uniċi u ma jintesew qatt. Hekk kif għaddew l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali kelli ċans inħares ftit lura lejn dawn l-aħħar 11-il xahar, eżattament minn meta sejjaħli l-Prim Ministru u wera x-xewqa li nikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Iltqajt ma’ ħafna nies, kull persuna bis-sitwazzjonijiet u d-diffikultajiet uniċi tagħha, kollha jgħidulek x’jixtiequ jaraw iktar jew aħjar f’Malta. Forsi ftit ikunu dawk li joħolqu l-konnessjoni diretta bejn dak li jkun qed jiġi deċiż fi Brussell u dak li jkun qed jiġri ġewwa Malta, u għaldaqstant forsi wieħed jinnota wkoll kemm għad irridu naħdmu aktar sabiex nassiguraw li nressqu lin-nies aktar viċin tal-Unjoni Ewropea.

Ir-riżultat elettorali miksub mill-Partit Laburista f’dawn iż-żewġ settijiet t’elezzjonijiet huwa wieħed ferm importanti għal Malta. L-ewwel nett, il-poplu tkellem bl-aktar mod ċar li jrid rappreżentanti fil-Parlament Ewropew li jieħdu ħsieb l-interessi tiegħu dejjem u bla ebda riżervi. Wera bl-aktar mod ċar li l-Partit Laburista jista’ jiggarantixxi dan is-serħan tal-moħħ, tant li l-poplu eleġġa erba’ rappreżentanti tiegħu mil-lista tal-Partit Laburista.

"Il-poplu tkellem bl-aktar mod ċar li jrid rappreżentanti fil-Parlament Ewropew li jieħdu ħsieb l-interessi tiegħu dejjem u bla ebda riservi"
Tkellem bl-aktar mod ċar ukoll fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fejn minbarra li rebaħ il-maġġoranza f’numru ta’ lokalitajiet li huma tradizzjonalment meqjusa bħala Nazzjonalisti, bħall-Belt Valletta, il-Mosta u s-Siġġiewi, il-Partit Laburista kiseb ukoll rebħa storika b’distakk ta’ 47,000 vot li qatt ma rajna bħalha f’dawn l-elezzjonijiet.

Ċertament, dawn ir-riżultati elettorali mhumiex b’kumbinazzjoni. Ħdimna għalihom, waslu u issa filwaqt li ninsabu kuntenti u mimlija b’ħafna kuraġġ għaliex nafu li l-poplu qiegħed warajna, għandna aktar enerġija biex inkomplu nsarrfu din il-fiduċja f’ħafna aktar xogħol għaċ-ċittadini f’kull livell, kemm dak lokali, nazzjonali u kif ukoll Ewropew.

Fuq nota aktar personali, li hu żgur hu li l-kampanja elettorali kienet biss il-bidu ta’ dan il-vjaġġ għalija. Il-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minnha li nagħżlu li nservu fil-politika għandha tkun li nibqgħu qrib in-nies sabiex nisimgħu x’għandhom xi jgħidu u nkunu nistgħu naħdmu biex inħarsu l-interessi tagħhom u nieħdu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tagħhom.

Infatti hekk kif għamilt sa minn meta bdejt ninvolvi ruħi fil-politika u aktar u aktar matul din l-aħħar sena, l-għada li ġejt elett komplejt indur u nitkellem man-nies u għaqdiet. Dejjem emmint fil-kuntatt dirett u biħsiebni naħdem sabiex ir-relazzjoni li bnejt man-nies inkompli nsaħħaħha u nara li tagħti l-frott fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew.

"Għad irridu naħdmu aktar sabiex nassiguraw li nressqu lin-nies aktar viċin tal-Unjoni Ewropea"
Issa li għadda kollox, ma jistax jonqos li pubblikament nirringrazzja lil kull min wera fiduċja fija u fi sħabi l-kandidati kollha tal-Partit Laburista. Però nixtieq ukoll nagħmel stedina, anke lil dawk li forsi kienu għadhom xettiċi u ma ħassewx li kellhom jagħżlu minn dan it-tim ta’ kandidati.

Stedina sabiex ningħaqdu lkoll flimkien u naraw li l-ħames snin li ġejjin nisfruttawhom bl-aħjar mod possibbli ħalli nwasslu lil Malta fil-quċċata. Jien inwiegħed li ser inkun qed nagħmel lili nnifsi disponibbli sabiex niltaqa’ ma’ kull min ikollu xi ħsibijiet, ideat jew suġġerimenti li jixtieq jaqsam miegħi jew iħoss li permezz tal-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew nista’ nkun ta’ għajnuna.

Grazzi talli tajtuni l-unur li nservi u naħdem għalikom u għal Malta li tant inħobbu.

Alex Agius Saliba huwa MEP tal-Partit Laburista

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook