Jean Vanier: benefattur kbir tal-persuni b’diżabbilità

Dun Anġ Seychell jsellem il-memorja ta' Jean Vanier

Jean Vanier
Jean Vanier

Nhar it-Tlieta, 7 ta’ Mejju miet Jean Vanier, il-fundatur ta’ L’Arche, jew komunitajiet tal-persuni b’diżabbilità, fl-għomor ta’ 90 sena. L-ewwel komunità bdiet fi Franza f’Awwissu 1964 u llum huma 150 l-komunitajiet ta’ L’Arche mxerrda mad-dinja kollha.

Jean Vanier, iben il-gvernatur ġenerali tal-Kanada, għamel żmien fin-navy Kanadiża u wara mar jgħallem fl-università. Fl-1963, irċieva stedina minn patri Dumnikan, Thomas Philippe, biex imur fir-raħal ċkejken ta’ Trosly-Breuil fi Franza biex jiltaqa’ ma’ xi ħbieb ġodda tiegħu, persuni b’diżabbilità mentali li kienu qed jgħixu ġo dar li tagħha hu kien kappillan. Dawn in-nies kienu jħossuhom imwarrbin mis-soċjetà, saħansitra anke mill-familja tagħhom.

Impressjoni profonda

Dil-laqgħa ħalliet impressjoni profonda f’Jean Vanier. Beda jmur fl-isptarijiet psikjatriċi jżur lil min kien qed jgħix fihom u jsir jaf bit-tbatijiet tagħhom bħallikieku kienu rrifjutati u mwarrbin mill-bqija tan-nies.

F’waħda minn dawn iż-żjarat, Jean iltaqa’ ma’ żewġ irġiel b’diżabilità mentali, Rafel Simi u Filip Seux. Rafel marad bil-meninġite meta kien żagħżugħ u din ħallietu kważi mhux kapaċi jitkellem u mhux kapaċi jiċċaqlaq bil-libertà. Filip kien kapaċi jitkellem imma l-marda tal-encefalitis ħallietu b’waħda minn saqajh u waħda minn dirgħajh ipparalizzati. Wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom it-tnejn sabu rwieħhom magħluqin f’dar għall-persuni b’diżabilità.

Inħobbha lil dil-Knisja. Naf li għandha d-difetti, l-istess difetti tan-nies li hemm fil-Knisja

L-ewwel pass ta’ Jean Vanier kien li mar jixtri dar żgħira u mitluqa fi Trosly u bil-permess tal-awtoritajiet stieden lil Rafel u lil Filip biex imorru joqogħdu miegħu. Hekk bdiet l-ewwel komunità ta’ L’Arche qalb nies preġudikati kontrihom b’uħud jevitawhom u b’oħrajn jitħassruhom.

Komunitajiet ‘Fidi u Dawl’

Fl-1971, Jean Vanier u Marie-Helen Mathieu waqqfu wkoll il-komunitajiet Fidi u Dawl li jiġbru flimkien lill-persuni b’diżabilità mentali, lill-ġenituri tagħhom u lil ħbiebhom mhux biex jgħixu flimkien imma biex jiltaqgħu flimkien. Illum mad-dinja kollha hawn 1,300 komunità ta’ Fidi u Dawl imxerrdin f’70 pajjiż fil-kontinenti kollha.

Il-kotba tiegħu

Ħafna huma l-kotba li kiteb Jean Vanier matul il-ħajja twila tiegħu. Ngħid għalija fil-kollezzjoni tiegħi huma ħafna l-kotba u l-pubblikazzjoniet li għandi tiegħu. Fosthom insemmi Community and Growth, Man and Woman He created them, An Ark for the Poor, Our Journey Home, Becoming Human, Un ritiro con Jean Vanier, Eruption to Hope, Be Not Afraid, Jesus The Gift of Love, Made for Happiness, Do I Dare believe in Love?, The Poor: Path to Unity, To My Brothers and Sisters in prison, After Eleven Years, Lettres a des Amis, Opening Our Hearts to the Poor, Followers of Jesus, Learn to Live, The Scandal of Service, Finding Peace u The Broken Body.

Waqqfu wkoll il-komunitajiet Fidi u Dawl li jiġbru flimkien lill-persuni b’diżabilità mentali, lill-ġenituri tagħhom u lil ħbiebhom

Kont ippubblikajt bil-Malti antoloġija żgħira tal-kitbiet tiegħu. Kelli wkoll ix-xorti nieħu sehem f’irtir li kien ġie jagħmel għall-attivisti Maltin.

Meta ġejt biex niftaħ Dar Nazareth, kont stedint membri mid-dar tal-Arche f’Londra u kienu ġew joqogħdu fostna fiż-Żejtun għal 20 jum li fihom jiena u l-ħbieb tiegħi tgħidx kemm tgħallimna minn għandhom. Aħna mbagħad għamilna l-istess meta morna ngħaddu xi jiem fid-Dar tagħhom f’Londra.

Wara mewtu

Meta tħabbret il-mewt tiegħu kien hemm min stqarr li ħajtu kienet l-aqwa eżempju fid-dinja moderna ta’ kif tgħix il-valuri tal-Evanġelju. U l-opra tiegħu L’Arche ssejħet bħal fost l-eżempji l-iżjed imdawla ta’ xi jfisser tgħix it-tagħlim soċjali Kattoliku u l-valuri tal-Evanġelju fid-dinja moderna. Hija wkoll l-kontro-xhieda għall-kultura tal-mewt u tal-qawmien ewġeniku li wassal lil ċerti pajjiżi jiftaħru li eliminaw d-Down Syndrome.

F’wieħed mill-kotba tiegħu Jean Vanier jistqarr: “Jiena dixxiplu ta’ Ġesù u nfittex li ngħix ħajti fid-dawl tal-Evanġelju. Imwieled Kattoliku nieħu saħħti mill-Knisja li fiha għandi l-għeruq tiegħi. Inħobbha lil dil-Knisja. Naf li għandha d-difetti, l-istess difetti tan-nies li hemm fil-Knisja.”

More in Blogs