Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Il-PN tilef il-vokazzjoni Ewropea

Il-Partit Nazzjonalista kien kapaċi jwassal lil Malta għad-destinazzjoni Ewropea iżda issa, 15-il sena biss wara li dħalna fl-Unjoni Ewropea, donnu m’għadux konvint

Robert Micallef / 23 ta' Mejju 2019 09:58
F’diskors li għamilt ftit ġranet ilu waqt attività politika tal-Partit Laburista mal-Prim Ministru Joseph Muscat tkellimt dwar kif il-Partit Nazzjonalista tilef il-vokazzjoni Ewropea għax qed jipproponi politika li tmur lil hinn mill-valuri u prinċipji tal-Unjoni Ewropea.

Ċertu diskors li qed jingħad mill-Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista qed jindika sentiment favur li ntellgħu l-ħitan u nikkontrollaw l-influss ta’ ħaddiema barranin minkejja li l-maġġoranza kbira ta’ ħaddiema li jiġu Malta huma minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jdumu jaħdmu f’pajjiżna inqas minn sentejn.

Dan il-messaġġ jista’ jnaffar l-investiment barrani li l-ekonomija tant teħtieġ biex inkomplu fuq ir-rotta tas-suċċess ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol. L-investituri jeħtiġilhom li jkollhom moħħhom mistrieħ dwar id-disponibbiltà tal-impjegati ħalli fejn ma jsibux biżżejjed ħaddiema Maltin għall-intrapriżi tagħhom xorta waħda jkomplu bl-investiment tagħhom. Jekk dan jitpoġġa fid-dubju allura jkun ipperikolat l-impjieg tal-ħaddiema Maltin fl-istess intrapriża.

Il-pedament prinċipali tal-Unjoni Ewropea hu suq uniku u bid-diskorsi tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni, qed jindika li l-Partit Nazzjonalista m’għadux konvint mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea fosthom dwar iċ-ċirkulazzjoni libera tal-persuni u tal-ħaddiema.

Għall-kuntrarju ta’ dan, l-istrateġija li qed joffri l-Partit Laburista tfisser investiment għaqli għall-futur ta’ Malta u Għawdex. Din hi strateġija bbażata fuq investiment fl-infrastruttura li toħloq klima serja għall-investiment u toffri faċilitajiet adekwati għall-popolazzjoni li kibret. Ibbażata wkoll fuq l-innovazjoni u l-ħolqien tax-xogħol f’setturi ġodda kif ukoll l-inklużjoni soċjali biex il-ġid ekonomiku li qed jinħoloq jitqassam b’mod ġust u ħadd ma jaqa’ lura.

Il-Partit Nazzjonalista kien kapaċi jwassal lil Malta għad-destinazzjoni Ewropea iżda issa, 15-il sena biss wara li dħalna fl-Unjoni Ewropea, donnu m’għadux konvint. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista qed juri li hu kapaċi javvanza l-interessi ta’ Malta ’l quddiem bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea bl-isfidi u l-opportunitajiet kollha li jiġu ma’ din ir-realtà ta’ pajjiżna.

"L-istrateġija li qed joffri l-Partit Laburista tfisser investiment għaqli għal futur ta’ Malta u Għawdex "
Bil-vot fil-25 ta’ Mejju, fil-lokalitajiet kollha ta’ pajjiżna għandna l-opportunità li nagħmlu għażla dwar il-futur ta’ pajjiżna. Irridu nagħżlu bejn min għandu strateġija ċara u soda dwar kif ninvestu fil-futur ta’ pajjiżna b’viżjoni għat-tul u bejn min iħares biss sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Għażla bejn min jaħdem bla qies biex joħloq opportunitajiet ekonomiċi għal pajjiżna permezz ta’ investiment lokali u barrani u min qiegħed ibeżża’ bil-barranin.

L-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju huma importanti wkoll għaliex ser neleġġu sitt deputati fil-Parlament Ewropew. Jien wieħed mill-kandidati li qed jippreżenta l-Partit Laburista għal dawn l-elezzjonijiet u qed indur ma’ kull rokna ta’ Malta u Għawdex nispjega għalfejn dawn l-elezzjonijiet huma daqstant importanti.

Qabelxejn fil-Parlament Europew jgħaddu liġijiet li jolqtu direttament lill-poplu Malti u Għawdxi u għaldaqstant neħtieġu rappreżentanti kompetenti u ppreparati biex jantiċipaw il-bżonnijiet tal-Maltin u Għawdxin. Il-pajjiż jeħtieġ ukoll Membri tal-Parlament Ewropew li jiddefendu l-isem ta’ Malta u jaħdmu għal opportunitajiet ekonomiċi u soċjali għall-Maltin u l-Għawdxin kollha mingħajr ma jħarsu lejn kuluri ta’ partiti politiċi.

"Il-pedament prinċipali tal-Unjoni Ewropea hu suq uniku u bid-diskorsi tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni, qed jindika li l-Partit Nazzjonalista m’għadux konvint mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea"
L-elettorat għandu jagħżel bejn min kapaċi jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi għall-futur ta’ pajjiżna u min joqgħod biss fuq x’qed jgħidu s-sondaġġi. Bejn partit magħqud fil-Gvern, immexxi minn Prim Ministru li għandu track record b’saħħtu ta’ suċċess ekonomiku u Kap tal-Oppożizzjoni mingħajr viżjoni jew strateġija.

L-istrateġija tal-Gvern għall-futur ta’ pajjiżna tinkludi lil Għawdex fil-qofol tagħha. Għawdex irridu nagħmluh mudell ta’ prattika tajba u flok nibqgħu nitkellmu dwar kif Għawdex se jlaħħaq ma’ Malta għad jiġi żmien meta nitkellmu dwar kif il-kumplament ta’ Malta se jkollha tlaħħaq mar-ritmu t’Għawdex. Għawdex jeħtieġ mudell ekonomiku sostenibbli bbażat fuq servizzi, teknoloġija u innovazzjoni u ħolqien ta’ xogħol dejjem b’rispett tal-ambjent naturali. Il-konnettività hi parti neċessarja minn din il-viżjoni.

Fuq nota personali, jiena dejjem mexxejt ’il quddiem l-interessi ta’ Malta u Għawdex fil-ħidma tiegħi mal-istituzzjonijiet Ewropej u b’mod partikolari meta servejt lil Malta b’ħidma diplomatika fi Brussell fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dejjem ħdimt minn wara l-kwinti favur Malta u Għawdex u qatt ma fittixt xi glorja jew pubbliċità.

Beħsiebni nuża l-esperjenza Ewropea li ksibt matul is-snin sabiex navvanza l-interessi ta’ pajjiżna fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew dejjem jekk ikolli l-fiduċja tal-elettorat. Filwaqt li nagħmel dan, jien noffri li nkompli b’laqgħat regolari mas-setturi u kategoriji differenti tal-elettorat Malti u Għawdxi biex inżomm lil kulħadd informat b’ħidmieti u nikkunsidra l-veduti ta’ kulħadd.

Beħsiebni naħdem b’mod partikolari fil-Parlament Ewropew, dejjem fi spirtu ta’ kollaborazzjoni anke ma’ MEPs ta’ kulur politiku differenti, favur iktar fondi Ewropej, favur iktar opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, favur l-istatus uffiċjali tal-lingwa Maltija, favur soluzzjoni għall-isfida tal-migrazzjoni kif ukoll favur liġijiet li jirrispettaw l-iżvilupp sostenibbli. Ser inpoġġi dejjem l-ewwel l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u flok inħares lejn il-kuluri tal-partiti politiċi, inħares biss lejn l-aħmar u l-abjad tal-bandiera Maltija.

Robert Micallef huwa kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook