Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Id-dokument ġdid tal-Papa Emeritu

Dun Anġ Seychell jikteb dwar id-dokument li ħareġ dan l-aħħar il-Papa Emeritu dwar l-għeruq storiċi tal-abbuż sesswali minn membri tal-kleru

Dun Anġ Seychell / 10 ta' Mejju 2019 12:42
Il-Papa Emeritus Benedittu XVI, dan l-aħħar ħareġ dokument ta’ 6,000 kelma biex jispjega l-għeruq storiċi tal-abbuż sesswali minn membri tal-kleru Kattoliku.

Hu jargumenta li r-rivoluzzjoni morali tas-snin Sittin ġabet taħwid mentali li fih il-pedofilja jew l-abbuż tat-tfal dehret bħallikieku permessa u f’postha. Hu jgħid li fis-snin Sittin seħħet ġrajja mingħajr preċedent fl-istorja li biha r-regoli li jmexxu s-sesswalità waqgħu ħesrem. It-tagħlim tal-Knisja dwar prinċipji assoluti sabu l-oppożizzjoni ta’ teologi li jipprietkaw ir-relativiżmu. Ir-riżultat kien li s-seminarji u l-kultura saċerdotali ġew f’idejn rabtiet radikalment miftuħa għad-dinja u f’xi postijiet bdew jinbtu “klikek omosesswali.” Ir-riżultat kien li l-liġijiet tal-Knisja bdew iżjed ħsiebhom kif jipproteġu l-akkużati milli jipproteġu l-fidi.

Interess kbir

Id-dokument tal-Papa Emeritus iħeġġeġ biex “aħna nitgħallmu mill-ġdid kif nagħrfu li Alla bħala l-pedament ta’ ħajjitna flok ma nħalluh fil-ġenb”.

Dan id-dokument qajjem interess kbir fost l-isqfijiet kif ukoll fost il-kleru u l-lajċi. L-Isqof Joseph Strickland ta’ Tyler, Texas għamel sejħa: “Ejjew nagħtu importanza lill-analiżi ċara tal-ħażen li qed imarrad id-dinja u l-Knisja tagħna. Ejjew nagħtu widen għas-sejħa biex nitbiegħdu mid-dnub u nħaddnu l-virtù”.

Michael Brendan Dougherty kiteb li Benedittu mar lil hinn mill-analiżi konservattiva tal-kriżi li ġab miegħu l-abbuż - li jwaħħal fil-laxkezza morali u l-gruppi ta’ saċerdoti li sesswalment huma kompromessi u tbiegħed ukoll mill-analiżi liberali li jagħti t-tort lill-idea klerikalista awtoritarja tas-saċerdozju.

Mhux kulħadd qabel

Mhux kulħadd qabel mal-argumenti ta’ Benedittu.

Fil-gazzetta New York Times, Ross Douthat qal li l-kawżi tal-kriżi t’abbuż huma iżjed wiesgħa minn dak li ammetta Benedittu. Kemm il-klerikaliżmu qadim kif ukoll il-kaos tas-Sittinijiet għandhom ħtija.

Il-Ġiżwita Amerikan; Thomas Reese, ħareġ bl-opinjoni li Benedittu injora l-fatti dwar il-kriżi Kattolika tal-abbuż sesswali. Benedittu għandu punt meta jgħid li l-kriżi seħħet meta waqgħu l-prinċipji dwar is-sesswalità fis-Sittinijiet. L-abbuż beda jikber f’nofs is-Sittinijiet u laħaq l-ogħla grad fis-Sebgħinijiet. Min-naħa l-oħra, però, l-abbuż sesswali kien qed iseħħ qabel is-Sittinijiet imma kemm il-Knisja kif ukoll l-awtorità ċivili ħadu l-linja li jaħbu l-eżistenza tiegħu.

Imma Benedittu jagħti t-tort lit-teologi morali dawk li kkritikaw l-etika morali tradizzjonali, speċjalment kif tapplika għall-etika sesswali.

Meta kien il-Kardinal Ratzinger, prifett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi mill-1981 sal-2005, għexieren ta’ teologi Kattoliċi tneħħew mis-seminarji, ikkritikati jew imsikkta. Oħrajn għamluha ta’ ċensuri tagħhom infushom biex jevitaw is-saħna ta’ Ruma.

Xejn ma tqies il-fatt li l-ebda teologu ma kien hemm li kien favur l-assalt sesswali u r-rapiment tat-tfal. Imma l-fatti ma jgħoddux. U dawk li abbużaw ma ġewx biss minn fost il-liberali bħal Theodore McCarrick imma wkoll minn konservattivi bħal Marcial Maciel, il-fundatur tal-Leġjun ta’ Kristu.

Minnu imma...

Hu minnu dak li jgħid Benedittu li f’ċerti seminarji nibtu klikek omosesswali imma mhux dawn fetħu t-triq għall-abbuż tal-minorenni. Il-biċċa l-kbira tas-saċerdoti li abbużaw fis-Sebgħinijiet kienu prodott tas-sistema qadima li kien hemm fis-seminarji qabel il-Konċilju Vatikan II li iżolat lis-seminaristi mill-istess irġiel u nisa li fosthom kellhom jeżerċitaw il-ministeru tagħhom.

Huwa fatt importanti li d-dokument ta’ Benedittu jiskot dwar l-iskandlu ta’ dawk l-isqfijiet li ma neħħewx lil dawn is-saċerdoti mill-ministeru fejn setgħu jabbużaw għal darba tnejn. Il-kriżi ma kinitx ġejja biss mill-abbuż imma wkoll mill-ħabi.

Imma biex inkunu ġusti bħala prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttruba tal-Fidi għamel iżjed minn kulħadd biex jieħu passi dwar il-kriżi tal-abbuż. Però Fr Reese hu tal-fehma li Benedittu kien jagħmel aħjar kieku wera l-fehma tiegħu mal-Papa Franġisku biss imma Franġisku qatt ma beża’ mid-diskussjoni ħielsa fi ħdan il-Knisja.

Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur tal-Fondazzjoni Dar Nazareth

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook