Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Malta: il-Livell li Jmiss

Li nibilgħu anqas dħaħen huwa ta’ benefiċċju għal saħħitna...tikteb l-Ewroparlamentari Miriam Dalli

Miriam Dalli - MEP, PL / 2 t'April 2019 11:20
Fl-aħħar opinjoni li ktibt f’din il-gazzetta, ħeġġiġt lilkom il-qarrejja biex tkunu parteċipi b’mod attiv fil-kampanja elettorali tiegħi għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Għidtilkom li nemmen li din hija l-kampanja tagħkom għax fl-aħħar mill-aħħar jien qed nirrappreżenta lilkom u l-interessi tagħkom fil-Parlament Ewropew.

Ir-rispons tagħkom kien wieħed b’saħħtu - it-teknoloġija għamlitha eħfef biex nikkomunikaw. Iżda mhux biss. Meta niltaqa’ magħkom waqt door-to-door fil-lokalitajiet  jew waqt xi attività tgħiduli l-proposti jew l-ideat tagħkom dwar għalikom xi tfisser Malta fil-Livell li Jmiss.

Hemm prinċipju komuni. In-nies hija kuntenta li pajjiżna għaddej minn ritmu ekonomiku b’saħħtu imma kulħadd jaspira għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Fil-verità, kull ħaġa li mmissu magħha hija dwar ħajja aħjar: għax jekk hemm bżonn xi ħaġa relatata mas-saħħa, opportunitajiet ta’ xogħol jew kif forsi ntejbu l-ambjent fil-komunità, kollha b’xi mod jew ieħor ifisser li nkun qed nagħmlu xi ħaġa biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.

Din il-mixja nistgħu nwettquha sew fuq bażi nazzjonali u anke fuq livell Ewropew fejn bidla pożittiva tista’ sseħħ u tħalli impatt fuq pajjiżna u l-kwalità ta’ ħajja li ngħixu.

“Malta: il-livell li jmiss” hija konferma, li pajjiżna għandu ritmu ekonomiku b’saħħtu u li nistgħu naspiraw biex intejbu ħafna aspetti differenti. Meta nitkellem mal-anzjani u l-pensjonanti jgħiduli li jaspiraw li jkollhom aktar flus biex jgħixu aktar komdi. Meta nitkellem mal-familji jaspiraw li jkollhom aktar ħin mal-familja u aktar spazji miftuħa fejn jistgħu jgawdu ħin ta’ kwalità flimkien.

"Nitkellem ma’ nies li għandhom xogħol u paga stabbli ... il-livell li jmiss ifisser li jkunu jistgħu jibdew familja għalihom, li jkollhom il-proprjetà tagħhom "
Għal oħrajn il-livell li jmiss ifisser aktar miżuri bħal teleworking u flexible working hours. Għal ħafna żgħażagħ il-livell li jmiss ifisser kwalità ta’ arja aħjar, ambjent aktar b’saħħtu. Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se nkompli nsaħħaħ din il-viżjoni. Viżjoni li bdejt naħdem fuqha fl-aħħar ħames snin u li jien kommessa li nkompli naħdem fuqha fis-snin li ġejjin.

Għamilt dan bil-ħidma tiegħi fuq diversi liġijiet biex nippromovu ekonomija li tniġġes anqas, bħal fil-każ tat-trasport. Il-liġi li ħdimt fuqha biex innaqqsu t-tniġġis mill-karozzi kienet esperjenza unika għaliex ġibt flimkien gruppi politiċi differenti u nnegozjajt mal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Fuq il-mejda tan-negozjati żammejt soda quddiem il-pressjoni ta’ pajjiżi kbar li għandhom industrija b’saħħitha tal-karozzi u quddiem pressjoni qawwija li kienet ġejja mill-industrija tal-karozzi u tal-fuel fost l-oħrajn. Għalija din kienet opportunità biex inwettaq bidla pożittiva għalina u għal uliedna. Din kienet l-opportunità tiegħi li ngħid lit-tfal tiegħi li ħdimt għal ġid tagħhom u ta’ sħabhom.

Li nibilgħu anqas dħaħen huwa ta’ benefiċċju għal saħħitna. Imma din hija liġi li se tippromovi l-innovazzjoni u tirriġenera l-manifattura. Hija opportunità ekonomika għas-suq Ewropew. Hija opportunità għal Malta u għal kumpaniji Maltin li jistgħu jimirħu u jkomplu jespandu f’oqsma ġodda. Jien nemmen fl-innovazzjoni, fir-riċerka u l-iżvilupp. Għalija l-livell li jmiss ifisser ukoll li niffukaw aktar fuq dawn l-oqsma.

Jorbot ma’ dan kollu l-impatt fl-edukazzjoni fejn irridu nkomplu naraw li nipprepraw l-istudenti għax-xogħlijiet tal-futur li jistgħu jiggarantulhom suċċess u sodisfazzjoni fil-karrieri tagħhom. Dan ifisser taħriġ aktar speċifiku li fih innifsu jfisser li ż-żgħażagħ u t-tfal Maltin u Għawdxin ikunu esposti għal xogħlijiet ta’ kwalità. Din il-qabża trid issir jekk irridu li x-xogħlijiet li jinħolqu fil-gżejjer Maltin u Għawdxin imorru primarjament għand iċ-ċittadini ta’ dawn il-gżejjer.

Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat saħħaħ il-pedamenti ekonomiċi ta’ pajjiżna u kompla biex ta spinta lil miżuri soċjali biex ħadd ma jinqata’ lura. Hija realtà li għandna min mhux qed igawdi minn dan is-suċċess ekonomiku, u għalhekk li rridu nkomplu naħdmu biex nilħqu lil kulħadd.

"Meta nitkellem mal-anzjani u l-pensjonanti jgħiduli li jaspiraw li jkollhom aktar flus biex jgħixu aktar komdi. Meta nitkellem mal-familji jaspiraw li jkollhom aktar ħin mal-familja"
Nitkellem ma’ nies li għandhom xogħol u paga stabbli iżda li qed isibuha diffiċli biex ikollhom il-propjetà tagħhom. Għal dawn in-nies, il-livell li jmiss ifisser li jkunu jistgħu jibdew familja għalihom, li jkollhom il-proprjetà tagħhom, li jsibu l-għajnuna mill-banek jew mill-Gvern.

Jekk qed nitkellmu dwar miżuri soċjali, il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, li jagħmel parti minnu l-Partit Laburista, imbotta ’l quddiem il-Garanzija tat-Tfal. Dan bl-għan li jkun hemm servizzi tas-saħħa edukattivi, edukazzjoni, childcare, housing diċenti u nutrizzjoni adegwati, li huma ta’ kwalità u b’xejn. F’Malta grazzi għal Gvern Laburista, diġà għandna ċ-childcare b’xejn. Ħafna huma dawk il-kollegi fil-Parlament Ewropew li jfaħħru din il-miżura u kien ta’ sodisfazzjoni li rajt lill-Grupp politiku tagħna jimbotta miżura tried and tested f’pajjiżna.

Malta qed isservi ta’ eżempju għal politiċi oħra u għalhekk li aħna f’Malta rridu nkomplu naspiraw biex intejbu l-ħajja taċ-ċittadini tagħna.

Naspiraw għal-livell li jmiss għax iċ-ċittadini ta’ Malta u Għawdex ma ħaqqhom xejn anqas minn hekk.

Miriam Dalli hija MEP f’isem il-Partit Laburista

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook