Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Rikkezza kulturali taħt il-baħar

Malta għandha l-akbar densità ta’ wirt storiku fid-dinja. Dan huwa xhieda tal-istorja rikka ta’ pajjiżna li jinsab f’salib it-toroq tal-kultura Mediterranja

Ministru Owen Bonnici / 1 ta' Marzu 2019 16:07
Huwa magħruf sew li Malta għandha l-akbar densità ta’ wirt storiku fid-dinja. Dan huwa xhieda tal-istorja rikka ta’ pajjiżna li jinsab f’salib it-toroq tal-kultura Mediterranja. Huwa magħruf ukoll li f’pajjiżna nsibu wħud mill-aktar siti storiċi u arkeoloġiċi affaxxinanti li jeżistu madwar id-dinja.

X’għandna fuq wiċċ l-art nafu u qed nagħmlu minn kollox biex nippreservawh. Hemm siti importanti wkoll u ta’ sinifikat kbir taħt wiċċ l-art, b’oħrajn li jiġu skoperti minn żmien għal żmien. Bħal pereżempju l-iskoperta li tħabbret dan l-aħħar meta waqt li qed isir xogħol fil-viċinanzi ta’ Għar Dalam skoprejna għadam ta’ annimali. Fosthom sinna ta’ volpi, li jkomplu jiddefenixxu u jikkonfermaw kemm dan is-sit huwa wieħed mill-iprem siti paleontoloġiċi, arkeoloġiċi u naturali tal-gżejjer tagħna.

Madankollu, u dan huwa s-sabiħ tal-gżejjer tagħna, ir-rikkezza arkeoloġika ma tiqafx hemm.

Għandna wirt ieħor li jinsab f’qiegħ il-baħar. Għalkemm fil-passat kien hemm tentattivi biex dan il-wirt jingħata l-attenzjoni li jixraqlu, imma din it-tip ta’ arkeoloġija fil-ġżejjer Maltin imxiet kemxejn bil-mod.

Dan huwa wirt li għandu mhux biss ikun mħares, imma anke jkun aċċessibbli l-ewwel nett għalina bħala poplu biex ingawduh u napprezzawh, imma wkoll biex niftaħru bih mat-turist li jiġi jżurna.

Għalhekk tajjeb li nfakkar fix-xogħol li qed isir mill-Ministeru li jien responsabbli għalih, biex nagħtu spinta lill-wirt storiku ta’ taħt il-baħar.

Quddiem il-Parlament hemm Abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, li bħalissa għadu kemm għadda minn quddiem Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi bi qbil unanimu. Emendi li għandhom l-għan li jirregolaw aħjar il-professjoni tal-konservazzjoni-restawr u fornituri oħra ta’ servizzi kulturali u biex jagħmel provvedimenti dwar il-patrimonju kulturali ta’ taħt l-ilma. Il-bżonn li tkun emendata l-liġi tal-2002 ilha tinħass mill-2014.

Hemm ukoll ix-xogħol impekkabbli li daħlet għalih Heritage Malta, l-entità Nazzjonali li taħt il-kappa tagħha tiġbor mużewijiet, il-konservazzjoni tal-wirt storiku u wkoll il-wirt kulturali.

Anki din qed tagħmel proġett wara proġett, restawr wara restawr f’dan is-settur. Proġetti wkoll innovattivi bħall-Underwater Cultural Heritage Unit bl-għan li nipproteġu, niddokumentaw, nippromovu u nagħmlu aktar aċċessibbli l-patrimonju kulturali ta’ taħt il-baħar. Dan kien pass wara li twettaq l-impenn li ngħata fl-Our Ocean Conference organizzata f’Malta fl-2017.

Dwar din mexjin u ħa nkomplu naħdmu bis-sħiħ biex inwettqu dak li nwiegħdu anki f’dan il-qasam tant importanti tal-wirt storiku.

U hawnhekk nasal għal dak li bi pjaċir ħabbart din il-ġimgħa - ftehim ta’ self bejn il-Fundazzjoni Cousteau u Heritage Malta li permezz tiegħu se jkunu esebiti selezzjoni ta’ oġġetti li kienu jintużaw mill-Kaptan Jacques-Yves Cousteau.

Din l-esebizzjoni hija ppjanata għall-2021 meta x-xogħlijiet strutturali maġġuri fil-Mużew Marittimu jkunu konklużi.

X’kisba din! B’għaqal u diskussjonijiet ferm interesanti wasalna wkoll għal dan il-ftehim.

U grazzi għal dan il-ftehim se nkomplu nsaħħu l-mużewijiet u l-wirjiet tagħna biex nipprovdu s-soċjetà, kif ukoll lit-turisti tagħna b’opportunità unika li jaraw numru ta’ oġġetti li ntużaw mil-leġġendarju Kaptan Cousteau, li verament kellu għal qalbu lil pajjiżna.

Intenni dak li għidt kemm-il darba li bħala Gvern ninsabu impenjati li nkomplu nipprovdu aktar aċċessibbiltà fis-settur kulturali u grazzi għal dawn it-tipi ta’ inizjattivi nistgħu nkomplu nżidu aktar għarfien dwar l-istorja tagħna bħala gżira, b’mod biex din tkun apprezzata mill-pubbliku.

+++

Ħafna huma dawk li jiftakru d-dokumentarji li kienu jsaħħru lil dawk dilettanti u wkoll li mhumiex ta’ Jacques Cousteau.

Esploratur famuż tal-oċeani, ko-inventur tal-Aqua-Lung, u pijunier fir-riċerka ta’ taħt il-baħar, Cousteau ħoloq rabta interessanti ma’ Malta meta uża l-vapur Calypso biex jakkumpanjah matul il-vjaġġi avventurużi tiegħu.

Il-baħar kien jaffaxxinah wisq lil Cousteau u kellu wkoll xewqa kbira li juri lill-pubbliku postijiet mhux magħrufa jew inaċċessibbli. Peress li qatt ma kien ikun sodisfatt bil-ħin li seta’ joqgħod taħt l-ilma kien kontinwament ifittex modi ġodda ta’ kif se jestendi t-tul tal-għadsa. Hu magħruf li tejjeb id-disinn tal-Aqua-Lung li eventwalment wassal għat-teknoloġija tal-iskuba b’ċirkwit miftuħ kif nafuh illum. Bl-assistenza tal-Inġinier Jean Mollard, ta l-ħajja lil diving saucer li kienet vettura esperimentali li taħdem taħt l-ilma u li setgħet tilħaq il-fond ta’ 350 metru, u aktar tard anke 500 metru. Ipparteċipa fl-ewwel operazzjoni arkeoloġika taħt il-baħar fuq ir-relitt Ruman f’Mahdia, it-Tuneżija, bl-użu ta’ għads awtonomu, li fetħet it-triq għall-arkeoloġija xjentifika taħt il-baħar.

Cousteau pproduċa aktar minn 120 film u iżjed minn 50 ktieb iżda probabbilment hu l-iktar magħruf għas-serje televiżiva The Undersea World of Jacques Cousteau li introduċiet filmati mill-isbaħ ta’ kreaturi tal-baħar, koralli, teżori u relitti mgħerrqa, diving saucers u djar taħt il-baħar, lill-udjenza dinjija. Il-vapur Calypso sar ukoll ikona.

Oriġinarjament użat bħala bastiment manjetiku li jiġbed il-mini tal-gwerra u wara bħala lanċa li taqsam bejn Malta u Għawdex, Cousteau mmodifika dan il-vapur biex jaħdem fl-oċeani. Għal dan il-għan il-vapur ġie mogħni bi strumenti li jintużaw għall-għads u għar-riċerka xjentifika. Fl-1996, il-vapur Calypso intlaqat aċċidentalment minn barkun u għereq fil-port ta’ Singapore. Madanakollu hu ttella’ mill-qiegħ sabiex jiġi rranġat. Cousteau miet sena wara fl-età ta’ 87 sena.

L-esebiti fil-Mużew Marittimu, il-Birgu, se jinkludu majjiera tal-injam li ttieħdet mill-vapur Calyspo. Din se tkun mogħtija lil Heritage Malta biex tifforma parti mill-kollezzjoni nazzjonali ta’ Malta. Esebizzjoni bħal din se tkun qed tiffaċilita lill-mużew biex jiddiskuti temi bħat-tniġġis tal-baħar u aspetti oħra relatati mal-ħajja tal-baħar u l-importanza tal-oċeani għall-ħajja fuq id-dinja. Dan hu pass ieħor ’il quddiem li se jgħin lill-mużew ikun aktar rilevanti mal-kwistjonijiet moderni tal-lum waqt li fl-istess ħin se jgħaqqad il-patrimonju marittimu lokali ma’ dak tal-bqija tad-dinja.

Dan huwa s-sabiħ tal-kollaborazzjoni bejna l-Maltin u entitajiet u individwi biex inkomplu ngħollu ’l fuq l-esperjenza tagħna fil-qasam kulturali – anki dak ta’ taħt il-baħar.

Grazzi Familja Cousteau!

+++

Xtaqt insemmi wkoll ix-xogħol impenjattiv tad-Direttorat tar-Restawr li jaqa’ taħt il-Ministeru. Programmi ta’ restawr li ma jiqfux li ma niddejjaqx ngħid li qed ibiddlu wiċċ il-ġżejjer tagħna.

Flimkien mal-kollegi tiegħi żorna x-xogħol ta’ restawr li issa jinsab lejn tmiemu, tal-Kappella ta’ San Ġwann il-Battista fis-Siġġiewi.

Id-Direttorat tar-Restawr bħalissa għandu 71 proġett ta’ restawr għaddejjin fi stadji differenti ta’ implimentazzjoni. Dan in-numru ma jinkludix progetti oħra ta’ restawr li qed isiru minn entitajiet oħrajn bħal Heritage Malta. Din il-Kappella hija waħda minnhom.

Grazzi għal dawn il-proġetti, qegħdin inkomplu nipproteġu u nsaħħu l-wirt lokali tagħna biex dan ikun verament disponibbli għal kulħadd, speċjalment għal ġenerazzjonijiet futuri biex dawn japprezzaw l-istorja ta’ pajjiżna. Bis-saħħa ta’ proġetti ta’ restawr u konservazzjoni, s’issa diġà ħdimna f’70% mil-lokalitajiet, u grazzi għal aktar proġetti li huma għaddejjin, u oħrajn li qed jiġu ppjanati, qegħdin verament insaħħu s-settur kulturali, filwaqt li nipprovdu aktar sostennibbiltà u professjonalizzazzjoni fi ħdanu. Apparti minn dan, qegħdin insaħħu wkoll il-prodott lokali bħala destinazzjoni kulturali.

+++

Tajjeb li kulħadd igawdi minn dak li għandhom x’joffru l-gżejjer tagħna. Inħarsuh, nipproteġuh u nħalluh bħala legat għal dawk ta’ warajna.

Jien u t-tim tiegħi qed nagħmlu l-parti tagħna u minn qalbi ngħid li meta nħares lejn ix-xogħol li sar, dak li qed isir u dak li hemm ippjanat li jsir, inħossni kuntent li dan is-settur tajnieh l-importanza li tistħoqqlu.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook