Opinjoni | Akkomodazzjoni b’attenzjoni individwali

Dan hu kunċett ġdid. Il-Gvern qed jagħraf li hemm faxex speċifiċi ta’ nies vulnerabbli li għandhom bżonnijiet partikolari u attenzjoni individwali

Din il-ġimgħa nikkunsidraha waħda speċjali, għaliex fiha nedejna l-ewwel inizjattiva li qatt ħa gvern favur programmi ta’ Akkomodazzjoni Speċjalizzata.

Il-mistoqsija tiġi waħidha: x’inhi Akkomodazzjoni Speċjalizzata u lil min tolqot? Dan hu kunċett ġdid. Il-Gvern qed jagħraf li hemm faxex speċifiċi ta’ nies vulnerabbli li għandhom bżonnijiet partikolari u attenzjoni individwali.

Hemm bosta eżempji li wieħed jista’ jsemmi, fosthom persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali, vittmi ta’ vjolenza domestika, nies li qed jirkupraw minn xi vizzju, u faxex oħra ta’ nies vulnerabbli. L-isfidi ta’ dawn ħutna ma jissolvewx jekk ittihom biss ċavetta ta’ post u tagħlaq il-bieb warajk.

Għal dawn in-nies, f’Malta diġà titħaddem sistema ta’ akkomodazzjoni speċjalizzata għalihom minn NGOs li jagħmlu xogħol imprezzabbli. Iżda għal dawn l-għaqdiet ma jfisser xejn li tinżgħalhom il-kappell biss. Ridna ngħinuhom b’mod konkret.

Għalhekk nhar l-Erbgħa li għadda ftaħna sejħa ta’ interess għal dawn l-għaqdiet biex jibbenefikaw minn dan l-ewwel programm ta’ Akkomodazzjoni Speċjalizzata li għalih allokajna nofs miljun ewro. L-għaqdiet jistgħu jibbenifikaw minn spazji adekwati u għajnuniet finanzjarji biex dawn il-postijiet jiġu tranġati.

Ċert li dan il-programm ta’ Akkomodazzjoni Speċjalizzata se jħalli bosta benefiċċji. L-ewwel nett, se nkunu qed noffru soluzzjoni għal bżonnijiet partikolari ta’ membri vulnerabbl

Ta’ min isemmi wkoll li permezz ta’ dan il-programm, qed nagħmlu użu minn djar battala u abbandunati li kienu tal-gvern iżda li amministrazzjonijiet preċedenti dejjem naqsu milli jagħmlu użu minnhom għal għexieren ta’ snin. 

Hawnhekk nixtieq nirrimarka li dan il-programm hu frott ta’ bord ta’ esperti li ħtart f’Jannar u li f’inqas minn xahar, ħadem fuq dan il-programm, identifika l-prijoritajiet u ppubblika gwidi ċari ta’ prattiċi ideali għall-użu ta’ dawn l-għaqdiet. Fil-jiem li ġejjin il-membri tal-istess bord se jkunu qed jiltaqgħu direttament mal-NGOs interessati biex iħejju t-triq għal din il-kollaborazzjoni.

Ċert li dan il-programm ta’ Akkomodazzjoni Speċjalizzata se jħalli bosta benefiċċji. L-ewwel nett, se nkunu qed noffru soluzzjoni għal bżonnijiet partikolari ta’ membri vulnerabbli. Fi kliem ieħor, qed nanalizzaw aktar il-każijiet ta’ akkomodazzjoni b’attenzjoni individwali u nitfgħu fil-ġenb il-politika ta’ one-size-fits-all.

It-tieni nett, permezz ta’ din il-miżura tal-Baġit qed nassistu wkoll biex dawn in-nies vulnerabbli jibqgħu integrati fis-soċjetà waqt li qed jirċievu s-servizzi li għandhom bżonn. Għaldaqstant, din l-istrateġija qed tmur oltre l-qasam tal-Akkomodazzjoni għaliex b’din l-inizjattiva qed tevita wkoll li wieħed jispiċċa eskluż mis-soċjetà.

It-tielet benefiċċju li hu evidenti jikkonċerna s-servizz professjonali tal-istess NGOs. B’din l-għajnuna sostanzjali li se ntuhom, se nkunu qed ngħinu biex dawn is-servizzi professjonali jitkattru għall-ġid tas-soċjetà. Qatt ma rridu li nagħlqu l-bieb lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna biex hu wkoll jimxi ‘l quddiem.

Il-programm ta’ Akkomodazzjoni Speċjalizzata diġà hu r-raba’ miżura maġġuri li qed inħabbru fl-ewwel xahar u nofs ta’ din is-sena. F’Jannar bdejna billi saħħaħna l-benefiċċju tal-kera għal familji bi dħul baxx u medju, kif ukoll twaqqfu żewġ bordijiet ta’ esperti li qed jaħdmu fuq il-politika ta’ akkomodazzjoni bi prezz li jintlaħaq, u l-programm ta’ Akkomodazzjoni Speċjalizzata li l-frott tiegħu bdejna narawh din il-ġimgħa.

Ma’ dawn kien hemm ukoll il-ftehim għal finanzjament ta’ 500 appartament ġdid għal akkomodazzjoni soċjali li ffirmajna fil-preżenza tal-Prim Ministru. Il-bini ta’ 680 appartament ieħor li diġà qed isir ix-xogħol fuqhom jagħmel dan il-proġett tal-Gvern bħala l-akbar investiment fl-akkomodazzjoni soċjali minn żmien Mintoff lil hawn.

B’umiltà nistqarr li dan kollu juri l-impenn u l-ħidma bla heda li għaddejjin biha biex nindirizzaw bosta sfidi li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħi. Ħidma li hija mnebbha minn politika infurmata u riċerka biex inħallu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies.

Dan il-Gvern se jibqa’ jippreżenta inizjattivi differenti u jaħdem qatigħ f’dan is-settur, biex ħadd ma jinqata’ lura u anke dawk l-aktar vulnerabbli jibqgħu mexjin ‘il quddiem.

More in Blogs