Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Servizz Soċjali għall-iżviluppaturi

Li nżidu l-barrieri biex fihom jitqiegħed l-iskart tal-kostruzzjoni mhu ser isolvi xejn, jgħid Carmel Cacopardo

Carmel Cacopardo / 20 ta' Frar 2019 10:21
Iktar kmieni dan ix-xahar l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin  (MDA) permezz tal-President tagħha Sandro Chetcuti ħeġġet lill-Gvern biex jindirizza sewwa l-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni.

Flok ma jaġixxi kif mitlub, il-Gvern għandu jitlob lill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi bħala r-rappreżentant ta’ dawk li jipproduċu l-parti l-kbira ta’ dan l-iskart biex tassumi responsabbilità diretta għall-iskart tal-kostruzzjoni ġġenerat mill-membri.

Il-lobby tal-iżviluppaturi kontinwament jemfasizza li jemmen bis-sħiħ fl-iżvilupp sostenibbli. Forsi wasal iż-żmien li jibdew jipprattikaw dak li jgħidu li jemmnu fih. Dan billi japplikaw il-prinċipji li (jgħidu li) jemmnu fihom biex isolvu l-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni li jiġġeneraw u b’hekk inaqqsu l-impatti ambjentali tal-industrija tal-kostruzzjoni.

Hawn kunsens ġenerali li l-ġebla hi riżorsa skarsa. Imma ma hawn l-ebda sforz fis-seħħ biex l-iskart iġġenerat mill-kostruzzjoni jkun riċiklat, kollu inkella in parti. Il-ġebla tifforma parti sostanzjali mill-iskart iġġenerat mill-industrija tal-kostruzzjoni.

"Hawn kunsens ġenerali li l-ġebla hi riżorsa skarsa. Imma ma hawn l-ebda sforz fis-seħħ biex l-iskart iġġenerat mill-kostruzzjoni jkun riċiklat"
Ir-riċiklaġġ ifakkarna fil-kontenituri kbar għall-karta, plastik, metall jew ħġieġ f’uħud mit-toroq tagħna. Illum ma’ dan ninkludu l-iskart organiku kif ukoll l-iskart elettriku u elettroniku.

Imma meta ser nibdew nindirizzaw il-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni bis-serjetà u nirriċiklawh?  Qatt kellek bżonn xi xorok tal-franka biex tibdel oħrajn li kienu maqsumin? Mhux qed nirreferi biss għal dawk ta’ daqs żgħir li nsibu f’uħud minn djarna imma wkoll għal dawk ferm ikbar fid-daqs li fl-industrija nirreferu għalihom bħala xorok tal-qasba li ħafna drabi ssibhom f’bini qadim, inkluż irziezet, u li għalihom tħallas minn imnieħrek.

Ma nafx jekk qattx rajtu reklami ta’ bejgħ ta’ garigor tal-ġebel żarmat li jkun ġie salvat minn bini, x’aktarx qadim, li jkun twaqqa’? 

Għax bħala fatt ir-riċiklar ta’ dak li wħud iqisu bħala skart tal-kostruzzjoni diġà qiegħed isir, avolja fuq skala żgħira. Ir-realtà hi li dan hu mod prattiku kif tista’ tkun indirizzata din il-materja b’mod sostenibbli. Irridu nsibu użu għal dak kollu li llum inqisuh bħala skart sostenibbli.

L-Istrateġija dwar l-Immaniġjar tal-Iskart għall-Gżejjer Maltin addottata fl-2014 għandha sotto-titlu li jemfasizza l-ħtieġa li din l-istrateġija twassal għall-immaniġjar aħjar tar-riżorsi. B’referenza għall-iskart tal-kostruzzjoni dan ifisser  li titwal il-ħajja utli tar-riżorsi u bħala riżultat ta’ dan il-ġebla tintuża aħjar. Din hi opportunità biex nissalvagwardjaw ir-riżorsi limitati ta’ pajjiżna.

"L-industrija tal-kostruzzjoni teħtieġ li taġixxi b’mod responsabbli u dan billi terfa’ b’mod dirett ir-responsabbiltà għall-impatti ambjentali tagħha"
Li nżidu l-barrieri biex fihom jitqiegħed l-iskart tal-kostruzzjoni mhu ser isolvi xejn. It-tħabbira riċenti dwar il-ħlas miżjud ta’ €8 għal kull tunellata ta’ skart tal-kostruzzjoni li jinġabar fil-barrieri huwa baxx. Il-piz fuq il-pajjiż bħala riżultat tal-iskart tal-kostruzzjoni hu ferm iktar minn miżerja ta’ €8-il tunellata. Fil-prattika dan ifisser li l-industrija tal-kostruzzjoni hi ssussidjata.

Lura fl-2012 kien irrapportat fil-midja lokali li l-Wasteserve kienet qed titlob ħlas ta’ €20 għal kull tunellata ta’ skart mingħand il-Gvern. Il-parti l-kbira ta’ dan il-ħlas dakinhar kien issussidjat u mħallas minn fondi pubbliċi.

Flok rata ta’ €8-il tunellata l-iskart tal-kostruzzjoni għandu jkun soġġett għall-ħlas ferm ogħla ta’, ngħidu aħna  €100-il tunellata: €8 jkunu ħlas għall-operaturi tal-barriera u l-bqija taxxa ambjentali. Dan jassigura li l-industrija tal-kostruzzjoni tagħmel tajjeb għall-ħsara li qed tikkawża. Ħlas sostanzjali jkun ukoll xprun biex l-industrija tal-kostruzzjoni tibda tipprattika r-riċiklaġġ fuq skala kbira.

Dak li llum inqisuh skart tal-kostruzzjoni jista’ jinstablu użu divers. Ikun ifisser imma li t-twaqqigħ tal-bini, meta dan ikun neċessarju, isir b’mod ordnat li jassigura l-inqas ħsara possibli fl-elementi tal-bini li jkun ser jitwaqqa’ biex ikun assigurat l-użu mill-ġdid tagħhom. Għax il-parti l-kbira tal-materjali li nsibu fil-bini li jitwaqqa’ jista’ jerġa’ jintuża.

L-industrija tal-kostruzzjoni teħtieġ li taġixxi b’mod responsabbli u dan billi terfa’ b’mod dirett ir-responsabbiltà għall-impatti ambjentali tagħha. Huwa b’dan il-mod li nistgħu nindirizzaw bis-serjetà l-kostruzzjoni u mhux bis-“servizzi soċjali” għall-iżviluppaturi, permezz ta’ tariffi baxxi jew issussidjati. 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook