Editorjal | Il-Kummerċ nużawh biex insaħħu d-drittijiet umani, mhux biex ninjorawhom

Il-kummerċ għandu jkun l-għodda diplomatika biex nassiguraw il-libertajiet u d-drittijiet umani, mhux nużawh biex ninjoraw il-libertajiet u d-drittijiet umani

Marie-Louise Coleiro Preca żaret it-Turkija u magħha kien hemm delegazzjoni li, kif mistenni, tinkludi l-Ministru tal-Affarijiet Barranin. S’hemmhekk xejn ħażin u kollox skont in-norma diplomatika.

Imma ejja nagħtu ħarsa ħafifa lejn dak li kien qed iseħħ f’dan il-pajjiż, u li forsi ħafna f’Malta ma tantx taw kas, għax ngħiduha kif inhi, dak li jiġri fit-Turkija mhux neċessarjament ta’ interess dirett għal ħafna Maltin.

It-Turkija saret qawwa ekonomika. Biss biss il-linja tal-ajru Torka, it-Turkish Airlines, saret fost l-akbar u l-aqwa fid-dinja kif l-Ajruport Ataturk ta’ Istanbul sar hub importanti u kruċjali fil-qasam tal-ivvjaġġar. Apparti li huwa pajjiż ekonomikament b’saħħtu huwa wkoll pajjiż mill-isbaħ bi storja rikka, Mediterranja u Musulmana.

Issa fil-kontroll ta’ dan il-pajjiż hemm raġel, Recep Tayyip Erdogan, li minkejja s-suċċessi ekonomiċi kbar u minkejja l-popolarità tiegħu, speċjalment mas-sezzjoni kbira konservattiva tal-poplu, għandu rekord fqir f’dak li jirrigwarda d-drittijiet umani.

Għax għandna bżonn il-kummerċ m’għandniex nagħlqu għajnejna għall-oxxenitajiet li jiġru f’pajjiż ieħor u li kieku jiġru f’pajjiżna ħoll xagħrek u ġib iż-żejt

Fl-2016, wara kolp ta’ stat li falla, Erdogan fetaħ il-kanuni kontra l-forzi tal-verità u tal-libertà tal-espressjoni. 120 ġurnalist sfaw arrestati biex kien u għadu l-aktar pajjiż li jarresta ġurnalisti.

3,000 Tork iffaċċja interrogazzjonijiet u/jew ħabs talli fetħu ħalqhom kontra Erdogan u madwar 150 negozju ta’ nies meqjusin kontra Erdogan kienu mġiegħla jagħlqu.

Ir-rapport dinji tal-Human Rights Watch 2017 ifakkar: “Iktar minn 100,000 uffiċjal pubbliku u ħaddiema fiċ-ċivil kienu sospiżi jew imkeċċijin. Dawn jinkludu 28,000 għalliem akkużati li huma attivisti ta’ Gülen (persuna li topponi t-tmexxija ta’ Erdogan). Ħafna minn dawk detenuti, li jinkludu għalliema, pulizija,  u uffiċjali pubbliċi, inżammew f’detenzjoni minkejja nuqqas ta’ evidenza ta’ att kriminali.”

F’Jannar tal-2016, 1,000 lettur ġew investigati kriminalment wara li kkritikaw lil Erdogan u ġew sospiżi d-digrieti ta’ 370 assoċjazzjoni mhux governattiva, inkluż gruppi ta’ drittijiet tat-tfal, drittijiet tan-nisa, u organizzazzjonijiet umanitarji.

U tgħid lill-Eċċellenza tagħha, il-President ta’ Malta, fakkarha f’dak li qal hu stess fl-2014 dwar in-nisa? Ħa nfakkru x’kien qal: “Ir-reliġjon tagħna għandha pożizzjoni definita ta’ fejn għandha tkun il-mara fis-soċjetà: tkun omm. Ftit nies ma jistgħux jifhmuha din ... ma tistax tispjegaha lill-femministi li ma jaċċettawx il-kunċett li tkun omm.”

Mur għidha f’Malta din! Kieku BBQ jagħmluha lill-persuna li tgħidha!

Imbagħad hemm l-attitudni ta’ Erdogan lejn persuni LGBTIQ. Biżżejjed insemmu li dan ipprojbixxa marċi favur l-omosesswalità (Pride March) filwaqt li diversi postijiet illi fihom kienu jinġabru persuni LGBTIQ ingħalqu.

Allura?, tistaqsu. Tort tal-President tar-Repubblika? U dażgur li le! Din kienet qed tmexxi delegazzjoni Maltija u mhix il-factotum fejn jirrigwarda politika barranija. Allura għandna naqtgħu r-rabtiet ma’ dan il-pajjiż? Meta wieħed iqis li qed ngħixu f’dinja globalizzata bl-ekonomija Torka tkun dik li hi, dan assolutament ma jagħmilx sens.

Id-diplomazija u l-kummerċ jistgħu jintużaw biex kull pajjiż membru prospettiv tal-UE jħaddan is-sekulariżmu, l-uwgwaljanza, u jħaddan kull tip ta’ libertà: tal-kelma u anke reliġjuża

Imma għax mhux tort tal-President jew għax il-kummerċ mat-Turkija huwa tajjeb ma jfissirx li m’għandniex, kemm l-awtoritajiet Maltin u bil-wisq aktar l-awtoritajiet Ewropej, ninsistu li fejn qed jinkisru d-drittijiet, jinbnew il-pontijiet;  ninsistu illi s-sistema demokratika tat-Turkija tibqa’ intatta, mhux tersaq lejn teokrazija.

Għax għandna bżonn il-kummerċ m’għandniex nagħlqu għajnejna għall-oxxenitajiet li jiġru f’pajjiż ieħor u li kieku jiġru f’pajjiżna ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.

U dawn l-assigurazzjonijiet mingħand dak li jidher illi kkonsolida l-qawwa li għandu fuq it-Turkija jridu jingħataw qabel, anzi ħafna qabel, ma biss nikkunsidraw li t-Turkija ssir membru tal-Unjoni Ewropea.

Id-diplomazija u l-kummerċ jistgħu jintużaw biex kull pajjiż membru prospettiv tal-UE jħaddan is-sekulariżmu, l-uwgwaljanza, u jħaddan kull tip ta’ libertà:  tal-kelma u anke reliġjuża.

Il-kummerċ għandu jkun l-għodda diplomatika biex nassiguraw il-libertajiet u d-drittijiet umani, mhux nużawh biex ninjoraw il-libertajiet u d-drittijiet umani.

More in Blogs