Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Teatru Malta – Pont Kulturali

Il-pont bejn it-teatru popolari u magħruf u t-teatri fl-ibliet u l-irħula tal-komunitajiet

Ministru Owen Bonnici / 1 ta' Frar 2019 17:57
2016: Stabbilita l-Organizzazzjoni Kulturali Pubblika ġdida Teatru Malta biex tassumi r-responsabbilitajiet tal-ħolqien tal-entità Teatru Nazzjonali. Dan il-proġett huwa parti mill-Istrateġija 2020 tal-Kunsill Malti għall-Arti, bl-għan li Teatru Malta jkun il-pont bżonjuż bejn it-teatru popolari u magħruf u t-teatri fl-ibliet u l-irħula tal-komunitajiet.

Sa mill-qedem il-bniedem għaraf l-importanza li jkollu mezz biex tradizzjonijiet – f’dan il-każ rakkonti tradizzjonali – ma jintilfux biż-żmien, imma jibqgħu għaddejjin minn ġenerazzjoni għal oħra. L-istudji juru li din il-forma ta’ kultura nbdiet u xterdet mill-Greċja u mxiet lejn il-kumplament tad-dinja. Mhux l-anqas f’Malta.

Tista’ tgħid li kważi kull belt jew raħal kellhom it-teatru tagħhom, jew tal-anqas kien hemm l-użu tas-Sala tal-Kappillan. Mal-mogħdija taż-żmien u wkoll bl-avvanzi teknoloġiċi, dawn l-imkejjen imxerrda mal-pajjiż naqqsu mill-popolarità tagħhom.

Wieħed mill-proġetti li ħassejt li kelli nidħol għalih bħala l-ministru responsabbli mill-Kultura, kien propju li nerġa’ nagħti l-ħajja lid-diversi teatri li għad fadal. U propju waħda mill-inizjattivi li ħdimna fuqha bħala ministeru hija dik li nressqu l-kultura lejn il-poplu u ma nibqgħux niddependu fuq l-udjenza tiġri wara l-kultura. Irridu nerġgħu naraw dawn il-postijiet jieħdu l-ħajja u jkunu parti integrali mill-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

Hawnhekk nibtet ukoll Teatru Malta, entità li qed tagħmel rivoluzzjoni fejn jidħol it-teatru. X’inhi eżatt din l-entità? Teatru Malta ġiet stabbilita fl-2016. Dan il-proġett huwa parti mill-Istrateġija 2020 tal-Kunsill Malti għall-Arti, bl-għan li Teatru Malta jkun il-pont bżonjuż bejn it-teatru popolari u magħruf u t-teatri fl-ibliet u l-irħula tal-komunitajiet.

Teatru Malta huwa l-ewwel Teatru Nazzjonali ta’ Malta mingħajr ħitan. Din il-frażi “mingħajr ħitan” għandha ħafna tifsiriet. Mingħajr ħitan tfisser li ma jkunx hemm limitazzjonijiet biex jinħoloq teatru li jħoss il-polz tal-udjenza. Mingħajr ħitan tfisser aktar libertà li jinħoloq xogħol li tixtieq tara int. Mingħajr ħitan tfisser li Malta u Għawdex huma l-palk ta’ Teatru Malta. Mingħajr ħitan tfisser li Teatru Malta jaħdem ma’ kulħadd; kreattivi, professjonisti, dilettanti u kull min jaħseb li t-teatru jagħmilna nies aħjar.

Teatru Malta huwa innovattiv għalkollox u rilevanti għaż-żminijiet tal-lum.

Id-Diretur Artistiku tal-entità, Sean Buhagiar,  jiddeskrivi sew lil Teatru Malta billi jgħid li Teatru Malta huwa vjaġġ, mhux destinazzjoni.

B’dan l-isfond dwar din l-entità, din il-ġimgħa ħadt gost inħabbar l-istaġun ta’ Teatru Malta għall-2019;  kalendarju kulturali msejjes fuq l-għan ta’ din l-entità;  kalendarju kulturali mimli b’avvenimenti u proġetti eċitanti; kalendarju li jkompli dejjem jibni fis-sod fuq l-istaġun tas-sena li għaddiet.

Ngħidha b’wiċċi minn quddiem li huwa grazzi għall-programmi ta’ dan it-tip li nkunu nistgħu nkomplu nsaħħu l-istrateġija kulturali tagħna biex inkomplu nagħmlu l-kultura u l-arti aktar aċċessibbli għall-komunità tagħna.

"Nawgura mhux biss lil Teatru Malta għas-sena ta’ ħidma tiegħu, imma nawgura wkoll lill-udjenza li se tipparteċipa biex tgawdi dejjem aktar mill-kultura tagħna"
F’dan il-programm imħabbar Teatru Malta se jivvjaġġa lejn postijiet differenti madwar Malta u Għawdex, biex jiżgura li t-teatru jersaq aktar qrib l-udjenzi mxerrdin mal-gżejjer kollha. Il-programm jinkludi wkoll is-sehem ta’ għadd ta’ prattikanti tat-teatru lokali u artisti internazzjonali, biex b’hekk tkompli tissaħħaħ il-kwalità u tissokta d-diversità fil-proġetti kollha.

X’se jippreżentalna allura Teatru Malta matul din is-sena? Il-programm jinkludi spettakli ta’ ċirklu tat-triq, masterclasses dwar il-monologi, u festival għat-tfal. Il-proġett li jmiss huwa opra għat-tfal ibbażata fuq il-ktieb tat-tfal ta’ Clare Azzopardi ‘Il-Qtates ta’ max-Xatt’, taħt id-direzzjoni ta’ Denise Mulholland.

Fost l-oħrajn, fl-istaġun ta’ din is-sena hemm kompożizzjoni ta’ The New Victorians għat-tfakkira taċ-ċentinarju tas-Sette Giugno fil-Forti Sant’Iermu, ix-xogħol ta’ Anthony Burgess ‘A Clockwork Orange’ tradott u interpretat mill-ġdid għal udjenza żagħżugħa kontemporanja, u addattament għall-palk tar-rumanz popolari Pope Joan, li se jittella’ fuq barra, fil-Foss tal-Imdina.

Teatru Malta għandu wkoll għadd ta’ opportunitajiet imħejjija għal din is-sena, b’inizjattivi bħall-proġett ta’ kollaborazzjoni Spazji Teatrali li għandu l-għan li jsostni l-ispazji teatrali li jiffunzjonaw f’Malta. Se naraw ukoll it-tieni sena tal-proġett Klassiċi li hija inizjattiva mmirata biex ikun hawn aktar pubblikazzjonijiet u produzzjonijiet ta’ klassiċi magħrufin tradotti għall-Malti. Fl-2019 Teatru Malta se jtella’ ‘Rinoċeronti’ ta’ Eugène Ionesco taħt id-direzzjoni ta’ Michael Fenech, u se jippubblika wkoll traduzzjoni ta’ Clare Azzopardi u Dr Albert Gatt flimkien ma’ pubblikazzjonijiet oħra ta’ Ionesco li wkoll se jiġu tradotti għall-Malti

Teatru Malta se jerġa’ jtella’ wkoll uħud mill-iktar spettakli popolari tal-2018 bħala parti mill-programm il-ġdid tar-repertorju.

Naqbel perfettament ma’ dak li qal iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall. Ta’ min isemmi hawnhekk li Teatru Malta jaħdem taħt il-kappa ta’ dan il-Kunsill. Marshall tkellem dwar kif Teatru Malta qiegħed jagħti lok għall-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni bla biża’, juża l-espressjoni teatrali biex jiffaċilita d-dibattitu pubbliku, iniedi kummentarju soċjali attwali u relevanti, joħloq udjenzi ġodda, jimbotta t-teatru lejn il-limiti tiegħu,  u jaħdem mill-qrib mal-komunitajiet – fi ftit kliem, jaħseb, joħloq, u jaġixxi b’mod mhux ‘konvenzjonali’ u jagħmel mezz li jiċċelebra l-inklussività, id-diversità, u d-differenza.

Teatru Malta qed jagħmel xogħlu tajjeb ferm. Aħna qed ninvestu fih għaliex nemmnu fil-proġett u qed naraw ir-riżultati mixtieqa. Tant huwa hekk li fl-aħħar baġit Teatru Malta kellu żieda sinifikanti fl-allokazzjoni – dik  ta’ €450,000.

Il-programm qiegħed hemm, lest għall-udjenza. Għalhekk nawgura mhux biss lil Teatru Malta għas-sena ta’ ħidma tiegħu, imma nawgura wkoll lill-udjenza li se tipparteċipa biex tgawdi dejjem aktar mill-kultura tagħna. F’dan il-każ, kultura u programm imfassla propju għal din l-udjenza.

Għal aktar tagħrif dwar il-programm ta’ avvenimenti ta’ Teatru Malta għall-2019 żuru www.teatrumalta.org.mt jew ċemplu fuq 2122025.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook