Opinjoni | Inkomplu nwettqu l-bidla

Owen Bonnici jagħti ħarsa lejn il-bidliet li wettaq Gvern Laburista fl-aħar sitt snin

Jekk hemm ħaġa li l-Gvern Laburista ta' Joseph Muscat se jibqa' mfakkar għaliha hi l-għatx kbir għall-bidla li hu għandu. Il-Prim Ministru Muscat se jibqa' msemmi bħala dak il-politiku li ma jiqafx mument ibiddel l-affarijiet għall-aħjar.

Taħt it-tmexxija tiegħu, f'inqas minn sitt snin, pajjiżna nbidel ekonomikament, soċjalment u kulturalment. Rajna titjib prattikament fl-oqsma kollha. Il-poplu rrikonoxxa din il-bidla u dan it-titjib u ta l-appoġġ tiegħu favur iktar ħidma għaqlija.

Irridu nkomplu nbiddlu l-affarijiet għall-aħjar. Il-mument li nieqfu nbiddlu jkun il-mument li nwarrbu. Il-bidla u l-għatx għaliha huma kollox.

Iktar informatika fil-Qrati

Waħda mill-affarijiet tajbin li wettaq Gvern Nazzjonalista u aħna komplejna nibnu fuq dak it-tajjeb kienet l-avvanz fis-sistema tal-informatika fejn jidħol aċċess għal-liġijiet, sentenzi u amministrazzjoni ta' kawżi.

Aħna żidna lista sħiħa ta' faċilitajiet tal-informatika li biddlu għall-aħjar il-mod kif joperaw l-avukati u allura dan għall-benefiċċju tal-klijent tagħhom. Dawn il-faċilitajiet saru kollha mingħajr ma żdied xi piż f'taxxi jew drittijiet fuq il-pubbliku.

Irridu nkomplu nbiddlu l-affarijiet għall-aħjar. Il-mument li nieqfu nbiddlu jkun il-mument li nwarrbu. Il-bidla u l-għatx għaliha huma kollox

Din il-ġimgħa ħabbarna miżura oħra li se tagħmel id-differenza; dik li żdiedu l-faċilitajiet tal-informatika fil-Bord dwar l-Arbitraġġ tal-Artijiet.

Aħna rridu nagħmlu iktar u iktar minn dawn l-affarijiet għaliex ifissru servizz aħjar għall-pubbliku.

Is-sena d-dieħla se nniedu proġett eċitanti ħafna għal kull min juża s-servizzi tal-informatika legali fejn b'attenzjoni u reqqa kbira se naġġornaw is-servizz għall-aħjar waqt li naturalment ma nżidux ħlasijiet jew piżijiet ġodda.

Grazzi minn qalbi lill-ħaddiema li jagħmlu dan kollu possibbli.

Kostitwenza

Il-ħidma fil-kostitwenza hi ħidma sabiħa, diretta u ġenwina ħafna fis-sens li ħafna drabi hi bbażata fuq il-kuntatt dirett.

Ġieli niltaqa' ma’ nies u jgħiduli: Owen, jien kieku mħajjar għall-politika iżda l-idea li nkun il-ħin kollu għas-servizz tan-nies tbeżżagħni.

Waħda mill-affarijiet tajbin li wettaq Gvern Nazzjonalista u aħna komplejna nibnu fuq dak it-tajjeb kienet l-avvanz fis-sistema tal-informatika fejn jidħol aċċess għal-liġijiet, sentenzi u amministrazzjoni ta' kawżi

Fil-verità, il-kostitwenza hija l-isbaħ parti tax-xogħol tagħna għaliex tmiss b'idejk in-natura umana fil-ġenwinità kollha tagħha. Meta ngħid ġenwinità m'iniex qed ngħid li kull min ikellmek hu ġentili jew sinċier imma qed ngħid li f'din il-ħidma tara n-natura umana kif inhi. What you see is what you get. U dik togħġobni.

Sintendi l-isfida hi dejjem kif se tibblanċja l-interess individwali mal-interess pubbliku, kif tibbilanċja l-ħtieġa li żżomm lil kulħadd -hu min hu - fiċ-ċentru tal-ħidma waqt li fl-istess ħin tħares il-valuri tal-meritokrazija u governanza tajba.  Biss, xejn ma jirbaħ is-sens ta' sodisfazzjon meta xi ħadd jiġi u jgħidlek - grazzi talli għamilt differenza fil-ħajja tiegħi u ta' familti.

Jekk tneħħi din id-dimensjoni, il-ħidma tagħna tispiċċa ħidma teknokratika fejn id-deċiżjonijiet ikunu sbieħ ħafna fuq il-karta però jfallu t-test tal-ħajja ta' kuljum.

MUŻA u l-għeluq ta' Valletta2018

Fil-ħin li qed nikteb qed nipprepara biex inżur l-Open Day tal-MUŻA u qed inħejji dak li għandi xi ngħid fl-għeluq ta' Valletta 2018.

Jekk tagħsar dawn iż-żewġ affarijiet issib kelma waħda - legat.

Il-MUŻA hi legat ta' Valletta2018. Valletta2018 hu l-bidu ta' vjaġġ għal iktar apprezzament tas-sbuħija straordinarja tal-Belt Valletta.

Grazzi lil kull min għamel dan kollu possibbli!

Se nkomplu naħdmu b'iktar enerġija minn qatt qabel.

More in Blogs