Opinjoni | Trump jegħreq aktar

Joe Ellis jikteb dwar l-aħħar kontroversji li qed joħonqu l-amministrazzjoni tal-President Donald Trump

Il-ġurnata minn filgħodu turik jgħid il-Malti. U Presidenza li bdiet fil-kontroversja ma tistax ma tkomplix fil-kontroversja. Il-kwistjoni llum hi jekk din il-Presidenza hix ser tispiċċa qabel iż-żmien jew le, prospett illi verament ilu jissemma’ imma illi issa qiegħed jissemma’ aktar u aktar.

Din il-ġimgħa l-president Trump laqqa’ mal-kap tad-Demokratiċi fil-Kamra tar-Rappreżentanti u fis-Senat, Nancy Pelosi u Chuck Schumer sabiex jitkellmu dwar il-possibilità illi jintlaħaq ftehim dwar il-baġit federali. Fil-21 ta’ Diċembru li ġej, il-Gvern federali jispiċċa bla flus sakemm ma jintlaħaqx ftehim fil-Kungress dwar il-baġit. Il-laqgħa li saret fil-White House taħt il-bust ta’ Winston Churchill saret biex jintlaħaq ftehim dwar il-baġit imma ma damitx ma ddeġenerat fi ġlied u għajjat quddiem l-istampa.

Kien tassew spettaklu bla preċedent u indekoruż. Malli d-diskors tal-President Trump mar fuq il-ħajt li jrid jibni mal-Messiku, Nancy Pelosi ġibdet l-attenzjoni ta’ Trump illi issa m’għadx għandu l-maġġoranza fil-Kamra tar-Rappreżentanti sabiex ikollu l-flus sabiex jibni dan il-famuż ħajt. Kienet qisha qiegħda tperper ħarira ħamra quddiem barri feroċi għax Trump mill-ewwel xegħel u beda jiżbel.

U Chuck Schumer ta' makakk li hu kompla jitfa’ l-ħatab fuq in-nar u Trump stqarr li mhux ser jiddejjaq illi jagħlaq il-Gvern federali basta jkun jista’ jibni l-famuż ħajt mal-Messiku. Kliem li għad jistgħu jispiċċaw biex joħolqu ħafna problemi lil Trump u lir-Repubblikani għax fl-Amerika ix-shutdown tal-Gvern federali mhu populari xejn.

Il-kwistjoni llum hi jekk din il-Presidenza hix ser tispiċċa qabel iż-żmien jew le, prospett illi verament ilu jissemma’ imma illi issa qiegħed jissemma’ aktar u aktar.

Għal darb’oħra Trump wera kemm hu bniedem irraxxibli, faċilment ipprovokat u fl-istess ħin, wieħed faċilment jieħu vantaġġ minnu. Kif għamel id-dittatur Kim Jong-Un illi wara illi tgħidx kemm faħħar lil Trump u wegħdu xorti sabiex jiltaqa’ miegħu, spiċċa ma ċeda kważi xejn biex kollox baqa’ kif kien. Imma għal Kim li rnexxielu jkollu summit mal-President Amerikan kien suċċess diplomatiku kbir li serva biex isaħħaħ il-pożizzjoni domestika tiegħu.

Imma issa jidher illi l-inkwiet ġudizzjarju ta’ Trump qiegħed tassew jikber b’mod u manjiera illi l-Presidenza tiegħu qiegħda tiġi pperikolata. Barra dan l-inkwiet legali, Trump qed jaffaċja problemi oħra minħabba l-personalità volatili tiegħu. Ftit jiem ilu tħabbar illi ċ-chief of staff tiegħu, l-eks ġeneral tal-morini, John Kelly kien irriżenja (jew tkeċċa) mill-pożizzjoni tiegħu.

F’anqas minn sentejn, kien it-tieni chief of staff illi spiċċa ħażin ma’ Trump. Imma l-aktar ħaġa straordinarja kien il-fatt li ħadd ma ried jassumi din il-pożizzjoni li normalment hija waħda mill-aktar mixtieqa f’Washington.  Eventwalment, Trump kellu jinnomina bħala aġent chief of staff lid-direttur tal-uffiċju tat-tmexxija u baġit, Mick Mulvaney. 

Fl-istess ħin, tħabbar illi s-segretarju tal-intern, Ryan Zinke ħabbar li rriżenja wara sensiela ta’ allegazzjonijiet dwar l-imġiba tiegħu illi żgur kienet ħa tagħti lok għall-investigazzjoni mid-Demokratiċi meta jieħdu kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Jannar li ġej.

Kollox juri illi aktar ma jgħaddi ż-żmien l-ingassa madwar għonq Trump qiegħda dejjem tissikka aktar

Imma l-aktar li għandu jinkwieta lil Trump hija s-sensiela ta’ aħbarijiet fuq il-front ġudizzjarju. Din il-ġimgħa, l-eks avukat ta’ Trump, Michael Cohen intbagħat tliet snin ħabs wara li ammetta bosta akkużi kontrih, inkluż illi gideb lill-Kungress illi Trump kien għadu f’kuntatti ma’ nies qrib ta’ Putin matul il-primarji Repubblikani dwar proġett ta’ binja f’Moska.

Cohen ammetta wkoll illi kien ħallas lill-attriċi pornografika, Stormy Daniels $130,000 u $150,000 lil eks mudella ta’ Playboy Karen McDougal sabiex ma tinkixifx ir-relazzjoni adultera li kellhom ma’ Trump fl-eqqel tal-kampanja elettorali. Huwa illegali fl-Amerika li jsir ħlas li ma jiġix iddikjarat sabiex jinfluwenza kampanja elettorali.

Wieħed irid isemmi illi dan l-każ inġieb kontra Michael Cohen fid-distrett tan-Nofsinhar ta’ New York u huwa differenti mill-investigazzjoni li qed iwettaq l-Ispecial Counsel Robert Mueller dwar l-allegata kollużjoni bejn il-kampanja ta’ Trump u s-servizzi sigrieti Russi. Imma huwa ferm interessanti illi rappreżentanta tal-uffiċju ta’ Mueller stqarret fil-qorti ta’ Manhattan waqt it-trattazjoni dwar il-piena li għandu jieħu Cohen illi Cohen ikkopera estensivament mal-Uffiċju ta’ Mueller dwar il-kuntatt li kien hemm mar-Russi.

Cohen iddikjara wkoll waqt intervista fuq it-televiżjoni illi Trump kien jaf illi dawn il-ħlasijiet lil dawn iż-żewġ nisa kien kontra l-liġi u stqarr li kien preżenti meta sar ftehim bejn il-magazine popolari Amerikan National Enquirer  u l-eks playmate Karen McDougal sabiex il-magazine jixtri l-istorja tagħha u jidfinha fl-eqqel tal-kampanja elettorali. Il-proprjetarji ta’ dan il-magazine illi jgħix fuq it-tkeskis ukoll ammettew din il-ġimgħa illi wettqu dan il-ħlas bi ftehim mal-kampanja ta’ Trump sabiex ma jittiħdux passi kontrihom.

L-inkwiet ġudizzjarju ta’ Trump din il-ġimgħa kompla jikber għaliex skont il-Wall Street Journal, prosekuturi federal qed jinvestigaw il-kumitat inawgurali ta’ Trumo minħabba kontribuzzjonijiet illegali minn barra l-pajjiż u ħlasijiet li setgħu saru sabiex jirbħu influwenza fl-amministrazzjoni l-ġdida. Barra minn hekk l-ispjuna Maria Butina kienet l-ewwel Russa li ammettiet illi ppruvat tinterferixxi fl-elezzjoni tal-2016 billi infiltrat in-National Rifle Association u l-partit Repubblikan u kkultivat “Amerikani influwenti” illi għadhom ma ssemmewx u l-kampanja ta’ Trump. 

Imma ċertament Trump mhux ser jgħaddi Milied ħieni għax aktar ma jgħaddi ż-żmien, ser tikber il-pressjoni fuqu. F’dan l-istadju, assolutament xejn mhu eskluż u kulħadd qed jistenna l-mossa li jmiss tal-eks kap tal-FBI, Robert Mueller

Fi żvilupp separat, l-avukati tal-ewwel National Security Adviser ta’ Trump, Michael Flynn, li rriżenja wara biss ftit ġimgħa minħabba li kien gideb dwar il-kuntatti tiegħu mar-Russi, ippreżentaw memorandum dwar is-sentenza li għandu jieħu wara illi ammetta l-akkużi kontrih u semmew il-kooperazzjoni illi wera ma’ Mueller f’19-il laqgħa li b’kollox damu 62 siegħa u 45 minuta. Mueller irrikonoxxa l-koperazzjoni kbira ta’ Flynn u rrakkomanda illi m’għandux jintbagħat ħabs.

Ta’ min isemmi illi Mueller kixef idejh dwar il-koperazzjoni li kellu minn Michael Cohen wara illi Trump wieġeb bil-miktub għall-mistoqsijiet ta’ Mueller. Ħafna osservaturi qed jisħqu illi Mueller qed jadotta l-istess metodi illi prosekuturi jadottaw kontra l-kapijiet mafjużi billi l-ewwel jibdew jiżolaw lill-kollaboraturi tagħhom wieħed wieħed u jibdew iwegħduhom sentenzi eħfef jekk jikkolloboraw magħhom.

Kollox juri illi aktar ma jgħaddi ż-żmien l-ingassa madwar għonq Trump qiegħda dejjem tissikka aktar.  Tant illi l-eks kap tal-etika ta’ George W. Bush, Richard Painter din il-ġimgħa qal illi Trump baqagħlu triq waħda biss: illi jinnegozja li ma jittiħdux passi kontrih u kontra l-familja tiegħu filwaqt illi jirriżenja.

Huwa ferm dubjuż kemm Trump ser isegwi dan il-parir għax x’aktarx ser ikompli jirreżisti kemm jiflaħ. Imma ċertament Trump mhux ser jgħaddi Milied ħieni għax aktar ma jgħaddi ż-żmien, ser tikber il-pressjoni fuqu. F’dan l-istadju, assolutament xejn mhu eskluż u kulħadd qed jistenna l-mossa li jmiss tal-eks kap tal-FBI, Robert Mueller illi l-ħatra tiegħu, wara li Trump keċċa lill-kap attwali tal-FBI, James Comey, hi x’aktarx l-aktar ħaġa li qed tinkwieta lil Trump.

[email protected]

More in Blogs