Opinjoni | Is-Solitudni

Esperjenza ta’ uġigħ inspjegabbli u li anki jekk tkun ġo folla, xorta waħda tħossok waħdek...imma  x'tista' tagħmel?

Żgur li xi darba jew oħra, kulħadd għadda minn xi forma ta’ solitudni. Esperjenza ta’ uġigħ inspjegabbli u li anki jekk tkun ġo folla, xorta waħda tħossok waħdek. Hemm ħafna fatturi li jistgħu jġegħluna nħossuna waħedna. Wara kull wiċċ hemm storja wieħed x’ jirrakkonta, u kulħadd bi storja differenti u partikolari.

Minn dejjem kelli kuntatt ma’ bnedmin li jħossuhom weħidhom u ltqajt ma’ kull tip. Bosta huma dawk li ma jħossuhomx jappartjenu jew kumpatibbli fl-ebda klikka. Jiddejqu kullimkien u jippreferu magħluqin f’kamrithom jew f’darhom. Hemm min iħossu ikrah u diżgrazzjat u li żgur, li ħadd ma jrid iqatta’ u jaqsam ħajtu miegħu jew magħha. Meta wieħed iħossu maqtugħ għalih waħdu għandu mnejn jiżdied hekk kif igerrbu s-​snin u l-​prospetti għaż-​żwieġ jonqsu iżjed.

Bosta huma dawk, anki jekk kibru fl-età li xebgħu weħidhom u għadhom jixtiequ li tiġihom l-opportunità. Xi wħud, tant ikunu draw weħidhom, li jħossuhom fgati meta f’xi ħin jew ieħor tiġihom l-opportunità. Id-dwejjaq jikber għall-fatt li jibdew iħossuhom li ma jafux xi jridu f’ħajjithom u li mhumiex kapaċi jissetiljaw jew jiddeċiedu. Xi wħud jaddattaw ruħhom sew għall-​fatt li jibqgħu waħedhom, imma oħrajn isibu li iktar ma jgħaddi ż-​żmien iktar tikber ix-​xewqa li jiżżewġu u jkollhom it-​tfal. Hemm uħud li jħossu bħal vojt emozzjonali minħabba li m’għandu lil ħadd ma’ min iħossu qrib.

Meta tibqa’ d-dar

Fatturi oħra, bħal li tieħu ħsieb il-​ġenituri taʼ età avanzata jistgħu jġagħluk tħossok iżjed waħdek. Xi drabi dawk li jibqgħu id-dar jiġi kollox għal wiċċhom, u hija ħajja iebsa, l-aktar meta jidħol il-mard tal-ġenituri. Meta terfa’ l-biċċa l-kbira tar-responsabilità, il-ħajja tkun aktar faċli kieku kellek taqsam l-uġigħ tiegħek ma’ persuna speċjali li tagħtik appoġġ, anki sempliċiment li jkollok biss ma’ min tiftaħ qalbek u li taf li hemm xi ħadd jagħdrek. Mhux faċli tgħix din il-ħajja, aktar u aktar meta tiġi mgħajjar minn ħutek jew mill-ġenituri stess u ma jiġix apprezzat dak li tkun qed tagħmel. Ħadd ma jkun jaf minn liema sagrifiċċji tkun għaddej.

Hemm imbagħad dawk il-bnedmin aktar sensittivi minn oħrajn. Xi drabi n-nies iweġġgħuk b’ilsienhom, l-aktar jekk isemmulek xi sitwazzjonijiet jew siltiet mill-ħajja li jweġġgħuk. Hemm xi bnedmin li jistaqsu direttament u lsienhom jinfed fil-laħam il-ħaj.

M’għandix ħafna ħin biex noqgħod naħseb li jiena waħdi. Meta nħossni utli u nżomm ruħi okkupat, ma nħossnix waħdi, ibqa’ fuq kliemi

Xi wħud iħossuhom tassew weħidhom, anki jekk ikunu mistiedna f’okkażjonijiet u jmorru. Il-fatt li jidħlu weħidhom għal tieġ jew okkażjoni oħra, u tibda tara gruppi ta’ ħbieb, jew koppji, il-ħsibijiet tiegħek jiġru bik. Aktar u aktar jekk tkun għaddejt minn xi esperjenza ta’ separazzjoni. Ferita li ma tagħlaq qatt, kważi kważi tibqa’ ġġorr l-uġigħ tul ħajtek kollha, għalkemm il-ferita tagħlaq xi ftit maż-żmien.

Kif tistaʼ tegħleb is-​sentimenti tas-​solitudni u taʼ li tħossok maqtugħ għalik waħdek? X’jistgħu jagħmlu l-​oħrajn biex jgħinu, jekk kemm-il darba hemm xi ħaġa li tistaʼ ssir?

Alla miegħek

Apparti li jeħtieġ li tfittex l-għajnuna professjonali, tajjeb li wieħed jemmen bis-sħiħ fl-Assolut u jqiegħed it-​tagħbija tiegħu fih. Meta temmen fih u Alla jilmaħ fik li int bniedem ​ġust, ma jħallikx titfixkel, ibqa’ fuq kliemi. Ir-​responsabbilitajiet u l-​ansjetajiet li jistgħu jġegħluna nsofru minħabba dak li jiġrilna fil-​ħajja, mhux kulħadd jiflaħ għalihom, għalhekk trid tkun kalm u tifhem kemm tiflaħ terfa’. Kif ngħidu, Alla ma jtikx aktar milli tiflaħ.

Xi wħud, anki fuq il-post tax-xogħol, mhux dejjem ikunu stmati u mhux l-ewwel darba li jippruvaw joħolqu inizzjattiva u bħal donnu l-għira anki ta’ min imexxi, kważi kważi timpedih. Din hija wkoll forma ta’ tbatija li wħud jaffaċċjaw u li jispiċċaw iħossuhom frustrati u mdejqa li jiddeċiedu jagħlqu s-shutter tal-ħajja, u jispiċċaw esklużi mis-soċjetà, sakemm ma tispiċċax taħrab minn kulħadd.

Irridu noqogħdu attenti wkoll li ma nħallux is-​solitudni ġġegħalna nidħlu f’relazzjoni jew ħbiberija mhux għaqlija. Problema li ma tkunx tistaʼ tissolva għandu mnejn li wieħed ikollu jibqaʼ jaħdem fuqha u jissaportiha, għallinqas għalissa

Il-ħajja hija dejjem sfida u apparti l-komunikazzjoni mal-Assolut, trid ukoll tiskopri s-sigriet tal-​kuntentizza. Xi drabi tispiċċa tiġġieled kontra l-​ħsibijiet negattivi waħdek. Din taf tkun ġlieda kontinwa. Imma meta tiftaħ qalbek ma’ xi ħadd li tafda, tkun qed taqsam nofs it-tbatija. Konvint li fid-dinja hemm bnedmin li huma kapaċi jisimgħu u interessati jisimgħu l-uġigħ tiegħek, mhux dejjem biex jitkixxfu fuqek, hemm dawk li jħobbuk u jirrispettawk, għax tassew iħossu għalik.

Qatt mhu sewwa u xieraq li wieħed iġorr it-​tagħbijiet waħdu. Għalkemm oħrajn jistgħu jgħinu, u l-​appoġġ tagħhom jistaʼ jkun tassew inkuraġġanti, “kull wieħed għandu t-​tagħbija tiegħu x’jerfa’. Irridu wkoll noqogħdu attenti minn ċerti perikli. Is-​solitudni tistaʼ tirbaħna jekk nispiċċaw ningħalqu fina nfusna. Mill-​banda l-​oħra, nistgħu nirbħu s-​solitudni bl-​imħabba. Li nagħtu u naqsmu m’oħrajn huwa l-​aħjar mod biex insibu l-​hena. M’għandix ħafna ħin biex noqgħod naħseb li jiena waħdi. Meta nħossni utli u nżomm ruħi okkupat, ma nħossnix waħdi, ibqa’ fuq kliemi.

Irridu noqogħdu attenti wkoll li ma nħallux is-​solitudni ġġegħalna nidħlu f’relazzjoni jew ħbiberija mhux għaqlija. Problema li ma tkunx tistaʼ tissolva għandu mnejn li wieħed ikollu jibqaʼ jaħdem fuqha u jissaportiha, għallinqas għalissa. Bl-​għajnuna t’Alla, wieħed jistaʼ jissaporti s-​solitudni, u dejjem jibqa’ jemmen li xi darba l-​bżonnijiet kollha tagħna se jiġu sodisfati bl-​aħjar mod possibbli.

More in Blogs