Editorjal | It-tielet vuċi; jew issa jew qatt!

Issa huwa l-mument li l-partiti bħall-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku jheżżu l-pedament tagħhom stess

Il-poplu tul is-snin għażel, kif għandu dritt demokratiku jagħmel, illi meta jiġi għall-vot ġeneralment jinjora t-tielet vuċi, jiġifieri l-vuċi ta’ partit ieħor apparti l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.

Imma ejja nħarsu lejn is-sitwazzjoni llum. L-aħħar sondaġġi politiċi li saru mill-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna juru illi hemm persentaġġ ta’ votanti, li mhux żgħir u li huwa mifrux f’kull età imma l-aktar fost iż-żgħażagħ, li ma jridux jivvutaw.

Fl-aħħar sondaġġ tal-Mediatoday, li sar qabel ma kienu żvelati l-aħħar dettalji dwar 17 Black, 13.8% qalu li ma jivvutawx kieku ssir elezzjoni issa, dan filwaqt li 16% qalu li ma jafux lil min jivvutaw u allura l-affinità tagħhom lejn partit hija inqas. Dan jammonta għal qrib it-30% tal-votanti. Nerġgħu nfakkru illi dan huwa x-xenarju ta’ qabel 17 Black.

Fis-sondaġġ li sar fil-bidu ta’ Ottubru, 17.6% qalu li ma jivvutawx kieku kellha ssir elezzjoni dakinhar filwaqt li dawk li qalu li ma jafux lil min naqqsu ħafna. F’Settembru 16.3% qalu li ma jivvutawx filwaqt li 19.7% qalu li ma jafux kif jivvutaw kieku kellha ssir elezzjoni dakinhar, għal total ta’ 26%.

Issa huwa l-vera ‘l-aqwa żmien’ għall-partiti ż-żgħar biex jagħmlu żblokk, biex bi strateġija jibdew jieklu minn dawn l-eluf ta’ nies li bħalissa huma mxebbgħin

Jekk wieħed jidħol aktar fil-fond isib illi l-akbar persentaġġi ta’ intenzjoni ta’ astensjoni jew inkella dubji dwar fejn imur il-vot tagħhom, huwa fost iż-żgħażagħ. F’Settembru b’30.7%, 34% f’Ottubru u splodiet għal 39.4% fl-aħħar sondaġġ li sar f’Novembru. Dawn l-ammonti huma lokalizzati wkoll bin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż (San Pawl Il-Baħar, Mellieħa...) u Għawdex jirreġistraw l-akbar ammonti ta’ persuni li ma jridux jivvutaw jew inkella li ma jafux lil min se jivvutaw. Fis-sondaġġ ta’ Novembru fin-naħa ta’ fuq, 45.8% tal-votanti waqgħu f’din il-kategorija, 25% f’Ottubru u 27.9% f’Settembru. F’Għawdex, f’Settembru l-persentaġġ kien 30.8%, f’Ottubru 26% u f’Novembru sploda għal 40%.

Naturalment l-ammonti ta’ nies li beħsiebhom jastjenu huwa stratosferiku fost dawk li ma vvutawx fl-elezzjoni tal-2017, bis-sondaġġ ta’ Novembru juri illi kieku kellha ssir elezzjoni x-xahar li għadda, 85% minnhom kienu jerġgħu ma jivvutawx.

U għalfejn qed insemmu dan kollu? U x’għandu x’jaqsam dan mat-tielet partit?

Qed insemmuh u għandu x’jaqsam għaliex huwa ċar li partit ieħor oltrè mill-partiti l-kbar issa ċ-ċans tiegħu. F’pajjiżna fil-fatt u skont iċ-ċifri, għandna tliet partiti, il-PN, il-PL u l-partit ta’ dawk li matul il-ħames snin ta’ leġiżlatura jkunu diżillużi bil-partit “tagħhom”, tant li jkunu determinati li ma jivvutawx. Ħafna minn dawn jerġgħu jivvutaw lill-partit tagħhom “ta’ bilfors”, u ċ-ċirku jibqa’ jdur u jdur u minkejja ħafna għajjat ta’ ‘Rebbiegħa Ġdida’ u ħafna għajjat ta’ ‘Staġun Politiku Ġdid’ nibqgħu l-istess.

Bl-istess mentalità tal-ħbieb tal-ħbieb, tal-laxkezza, tal-ħmieġ u l-korruzzjoni, bil-mentalità bażwija ta’ ‘għax int sraqt, jiena nista’ nisraq’, bl-istess mentalità bażwija ta’ ‘aħtaf għax ħadddieħor ħataf’, bl-istess politika ta’ ‘ibni u oħroġ il-permessi u għada jarawh uliedna u wlied uliedna.’

Issa huwa l-vera ‘l-aqwa żmien’ għall-partiti ż-żgħar biex jagħmlu żblokk, biex bi strateġija jibdew jieklu minn dawn l-eluf ta’ nies li bħalissa huma mxebbgħin. Imxebbgħin bin-nepotiżmu, imxebbgħin bil-krejnijiet u bini u abbużi fil-qasam tal-kostruzzjoni, imxebbgħin bil-kap tagħhom li mhux qed joffri soluzzjonijiet fattibbli, mxebbgħin għax jafu li jekk inbiddlu l-gvern (kif inhuma l-affarijiet issa) fl-istess ilma se nibqgħu, fl-istess għadira, bl-istess mentalità, imxebbgħin għax ivvutaw biex ineħħu ċ-ċrieki taċ-ċrieki u minflok iċ-ċrieki nbidlu fi ċrieki oħrajn.

Jekk il-PD u l-AD mhux se jagħmlu ħoss issa, jekk mhux se jċaqalqu l-ilmijiet u jservu ta’ veru bilanċ bejn il-poter tal-partiti, jekk mhux se jieħdu porzjon tajjeb mill-vot ta’ protesta mela allura d-destin tagħhom se jibqa’ bħala grupp ta’ pressjoni, ineffettiv f’elezzjoni

Issa huwa l-mument li l-partiti bħall-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku jheżżu l-pedament tagħhom stess u jimxu mill-periferiji, eqreb lejn iċ-ċentru bi ħsieb, bi strateġija u b’għerf. Jew issa jew qatt.

Inutli jgergru dwar id-duopolija politika li qed taċċerta l-istatus quo, jekk ma jqumux fuq tagħhom, ikunu pro-attivi, rilevanti u jibnu immaġini soda u professjonali (illum ir-relazzjonijiet pubbliċi huma nofs il-ġlieda).

Li hu ċert, f’dan l-istadju, huwa li minkejja li ekonomikament dan il-Gvern qed jagħmel suċċess u minkejja li dan il-Gvern biddel mentalità u għamel ħafna ġid għal minoranzi, fejn tidħol governanza, ambjent, xandir u nepotiżmu bqajna fejn konna jekk mhux morna lura.

Fl-2019 hemm elezzjoni, wara li ssir din l-elezzjoni il-Partit Laburista se jibqa’ fil-Gvern. Jekk il-PD u l-AD mhux se jagħmlu ħoss issa, jekk mhux se jċaqalqu l-ilmijiet u jservu ta’ veru bilanċ bejn il-poter tal-partiti, jekk mhux se jieħdu porzjon tajjeb mill-vot ta’ protesta mela allura d-destin tagħhom se jibqa’ bħala grupp ta’ pressjoni, ineffettiv f’elezzjoni.

Jew issa, jew qatt

More in Blogs