Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Meta l-Knisja toħroġ favur il-ħajja bil-fatti

Dun Anġ Seychell jikteb dwar l-għajnuna li diversi djoċesijiet jagħtu lill-ommijiet li jikkontemplaw l-abort

Dun Anġ Seychell / 23 ta' Novembru 2018 14:24
Jiena għandi ftit dokumentazzjoni dwar il-kwistjoni tal-abort. Dan l-aħħar ġietni ħajra nqalleb fiha għax sirt naf li hawn Malta qed tidher paġna bl-Ingliż jisimha  Break The Taboo,  fuq il-midja soċjali u fiha qed ikunu ppubblikati stejjer ta’ nisa Maltin li rrikorrew għall-abort.

Qalb id-dokumentazzjoni, sibt dokument tad-djoċesi Kattolika ta’ Shrewsbury li joffri għajnuna konkreta lil dawk in-nisa li jitħajru jagħmlu abort. Dad-dokument deher fl-1972 bil-firma ta’ Eric, Isqof ta’ Shrewsbury u ta John, isqof awżiljarju tiegħu u nqara f’kull knisja u kappella tad-djoċesi nhar il-Ħadd, 16 t’April 1972.

Xi jwiegħed id-dokument

Id-dokument jismu “Alternattiva Pożittiva għall-Abort” u jgħid hekk: “Id-djoċesi ta’ Shrewsbury tiddikjara pubblikament il-garanzija solenni tagħha. Hija din. Kull mara li se ssir omm, Kattolika jew mhux Kattolika, hija garantita għajnuna immedjata u prattika, konfidenzjalment u mingħajr l-ebda spiża għaliha jekk, quddiem id-dilemma ta’ tqala mhix mixtieqa, hija tkun lesta li tippermetti lit-tarbija titwieled u ma tkunx abortita. Ir-riżorsi kollha tad-djoċesi qed jitqiegħdu wara dil-wegħda.”

Id-djoċesi Kattolika ta’ Shrewsbury tkopri l-konteji ta’ Cheshire u Shrewsbury: fihom hemm 141 knisja u kappelli il-popolazzjoni Kattolika hi stmata li hija 193,660. L-Isqof ta Shrewsbury, Eric Grasar u l-Awżiljarju tiegħu John Brewer iffirmaw l-ittra.

Appoġġ bla kundizzjoni

Din kienet l-ewwel darba li djoċesi pubblikament rabtet ir-riżorsi tagħha bħala appoġġ inkondizzjonat għal kull min tkun se ssir omm irrispettivament tar-reliġjon tagħha. Il-Knisja Kattolika hija mingħajr kompromessi fl-oppożizzjoni tagħha konta l-abort.

L-isqfijiet tad-djoċesi ta’ Shrewbury qed iqisu l-konsegwenti ta’ din l-oppożizzjoni.   Huma bdew jagħtu servizz biex jipprovdu alternattiva għall-problemi li jkollha mara li se ssir omm li tħoss li tinsab f’sitwazzjoni intollerabbli. Is-servizz hu bla ħlas, kunfidenzjali u miftuħ għall-Insara kollha, mhux biss għall-kattoliċi. Hemm 5 ċentri li joperaw das-servizz: Birkenhead, Wytenshave, Warrington, Crewe u Telford.

Id-dubji tal-abortisti

Dokument ieħor li ġie f’idejja kien dak tar-rivista MeCall, rivista femminili ispirat minn ideoloġija konsumista. Din ir-rivista għandha bejgħ kbir, ippubblika inkjesta li ġġib l-isem “Abort, mistoqsijiet bla tweġiba.”

L-inkjesta tixhed l-inkwiet li jinħass fl-Amerika għax fi żmien 3 snin minn meta daħal l-abort, l-operazzjoni kirurġika l-iżjed frekwenti wara dik tat-tonsilli, hija dik tal-abort. Waqt  li fl-1974 kien hemm 900,000 mara li għamlu abort, fl-1975 l-aborti reġistrati  qabżu l-miljun. Sar magħruf ukoll li minkejja l-liberalizazzjoni tal-abort, l-aborti klandestini xorta għadhom frekwentati. Sar magħruf ukoll li qed jikber il-persentaġġ ta’ aborti li jseħħu bejn it-tielet u s-sitt xahar tat-tqala li jfisser l-għeluq tal-kurdun biex il-fetu ma jibqax jirċievi l-ossiġnu.

F’Boston sar magħruf li 10% ta’ dawk li jagħmlu abort qed ikunu ripetenti jew pluriripetenti. Jiġifieri jkunu diġà għamlu abort darb’oħra jew drabi oħra.

Xi ħsara sseħħ lill-mara li tagħmel abort?

Skont studji Ingliżi u Ungeriżi  jirriżulta xjentifikament li meta tfajla tkun esposta għal diversi aborti, jirrizulta li ma tibqax kapaċi twassal tqala għat-twelid. Din hi ħaġa serja għax hu magħruf li abort minn kull 3 jsir fuq tfajliet.

Għalhekk fil-pajjiżi industrijalizzati l-abortisti bdew jiġuhom diversi dubji dwar l-effetti li qed iħalli l-abort.

Hawn Malta s’issa nistgħu ngħidu: “Ejjew nitgħallmu spejjez ħaddieħor” jew “nitgħallmu mill-imġarrab!”

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook