Opinjoni | Sabiex ma ninsewx

Fil-11-il siegħa tal-11-il jum tal-11-il xahar tas-sena 1918 spiċċat l-Ewwel Gwerra Dinjija 

Eżatt mitt sena ilu siktu l-kanuni illi kienu ilhom jidwu fil-pjanuri u l-widien tal-Ewropa għal aktar minn erba’ snin.

Fil-11-il siegħa tal-11-il jum tal-11-il xahar tas-sena elf disa’ mija u tmintax spiċċat il-gwerra li meta faqqgħet f'Awwissu tal-1914, ħadd ma stenna li ser iddum aktar mill-Milied.

L-Ewwel Gwerra Dinjija kważi bdiet biċ-ċajt. Ħadd ma stenna illi erba’ snin wara, u miljuni ta’ mwiet u feruti wara, tliet imperi, bosta mmexxija minn kuġini, jispiċċaw. Għax din kienet verament ħaġa mhux tas-soltu ta’ dan il-konflitt: ir-Re tar-Renju Unit, il-Kaiser Ġermaniż u l-Czar Russu kienu primi kuġini u lkoll tfal ta’ wlied ir-Reġina Victoria u l-prinċep Albertu, ir-raġel Ġermaniż tagħha. Il-konflitt spiċċa bil-Kaiser u l-Czar jitilfu t-tron tagħhom u dan tal-aħħar tilef ukoll ħajtu u dik tal-familja tiegħu. Magħhom tilef it-tron tiegħu wkoll, is-sultan Ottoman illi kien ilu jmexxi imperu enormi għal mijiet ta’ snin. 

Tassew l-Ewwel Gwerra Dinjija kienet avveniment katartiku, dak illi l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Lloyd George sejjaħ “il-konflitt biex jispiċċa l-konflitti kollha”. Kienet illużjoni manja.

Il-konferenza ta’ Versailles illi segwiet it-tmiem tal-gwerra fl-1919, tefgħet iż-żerriegħa ta’ konflitt li jerġa' kien aktar qerriedi minn dak illi kien għadu kemm spiċċa u dan għoxrin sena wara biss. Qatt mhu tard wisq illi wieħed janalizza ftit għala fl-ewwel ħamsin sena tas-seklu 20 faqqgħu żewġ konflitti illi konvolġew daqstant pajjiżi madwar il-globu, konflitti illi swew il-ħajja u l-fortuna ta’ tant nies. 

Ċertament kien hemm differenzi kbar bejn iż-żewġ konflitti: fl-Ewwel Gwerra Dinjija, kienu s-suldati illi laqqtu l-aktar, kienu s-suldati illi fil-mijiet tal-eluf tagħhom għexu għal snin twal fit-trunċieri illi kienu jisseparaw armata minn oħra, bil-ġenerali tagħhom ftit jagħtu kas ħajjithom.  Mijiet ta’ eluf mietu fl-offensivi tal-Ewwel Gwerra Dinjija bħalma kienet il-battalja tas-Somme fejn l-armati rispettivi kienu javvanzaw ftit metri kuljum, daqqa lejn naħa u daqqa lejn oħra.  Biss biss 650,000 Taljan mietu fl-Ewwel Gwerra Mondjali, wieħed minn kull għaxra li ġew immobilitati.  B’kollox, l-Allejanza bejn ir-Renju Unit, Franza, ir-Russja, l-Italja u lejn l-aħħar tal-gwerra, l-Istati Uniti, tilfet ħames miljun u nofs suldat, kellha 13-il miljun ferut u mietu erba’ miljun ċivili.  Mill-banda l-oħra, l-alleanza bejn il-Ġermanja, l-Imperu Awstro-Ungeriż u l-Imperu Ottoman ukoll kellha miljuni ta’ mwiet u feruti, kemm militari kif ukoll mhumiex.

Kif konna qegħdin ngħidu t-Trattat ta’ Paċi illi ġie ffirmat wara l-konferenza ta’ Versailles tefa’ ż-żerriegħa għal konflitt li segwa 20 sena wara.  Dan kien prinċipalment minħabba l-fatt illi l-Alleanza rebbieħa imponiet kundizzjonijiet ferm iebsa fuq il-pajjiżi telliefa, speċjalment il-Ġermanja. Mill-banda l-oħra, l-aspirazzjonijiet Taljani illi jakkwistaw l-kosta dalmata mis-Serbja ma ġewx sodisfatti. Bir-riżultat illi kemm fl-Italja u sussegwentement fil-Ġermanja, movimenti populisti kisbu popularità kbira billi sfruttaw is-sens ta’ risentiment u umiljazzjoni illi l-poplu Taljan u Ġermaniż ħassew wara Versailles u spiċċaw fil-poter. 

Wieħed irid isemmi wkoll illi l-kriżi finanzjarja li segwiet il-crash ta’ Wall Street fl-1929 u r-reparazzjonijiet enormi illi l-Ġermanja kienet obbligata illi tħallas lill-alleati kkawżat kriżi ekonomika kbira fil-Ġermanja u iperinflazzjoni tremenda. Kriżi finanzjarja u ekonomika illi wittiet it-triq sabiex jakkwista l-poter Hitler bil-konsegwenzi traġiċi illi lkoll nafu. Mhux ta’ b’xejn illi l-poplu Ġermaniż huwa ferm konservattiv fejn jidħlu l-flus, ma jridx dejn u jinsisti illi l-pajjiżi illi jiffurmaw miegħu l-ewrożona jadottaw l-istess rigoriżità monetarja. 

Anke t-Tieni Gwerra Mondjali swiet il-ħajja ta’ miljuni kbar ta’ nies, kemm suldati kif ukoll mhumiex. Imma ħaġa li forsi ftit isemmgħu hi illi fit-Tieni Gwerra Mondjali, l-armati rispettivi qagħdu ħafna aktar attenti sabiex ma jissagrifikawx il-ħajjiet tas-suldati tagħhom. Jingħad illi Hitler m’ordnax l-invażjoni ta’ Malta fl-1942 kif kienu qed jinsistu miegħu Mussolini u l-ġeneral kbir Ġermaniż, Albert Kesselring għax ma riedx illi  minħabba l-ħitan tas-sejjiegħ li għandna f’pajjiżna  jitlefl-istess ammont ta’ parakudisti li tilef meta l-Ġermanja ħadu l-kontroll ta’ Kreta. Tassew ironika, jekk nista’ ngħid hekk, illi bniedem illi ordna l-esterminazzjoni ta’ miljuni ta’ Lhud, żingari u omosesswali ma ordnax l-invażjoni ta’ Malta għax beża’ illi ser imutu ftit mijiet ta’ parakaduttisti.

Kien minħabba dawn iż-żewġ konflitti illi swew tant demm illi tnisslet anke fis-snin l-aktar suwed tat-Tieni Gwerra Dinjija l-idea illi l-pajjiżi Ewropej m’għandhomx aktar jispiċċaw jiġġieldu ma’ xulxin imma għandhom jaqsmu d-destin tagħhom flimkien. U x’hemm aħjar biex wieħed jagħmel hekk milli billi jitneħħew il-barrieri ekonomiċi u fiskali bejn pajjiż u ieħor u jkun hemm integrazzjoni ekonomika ta’ pajjiż ma’ ieħor. Kien għalhekk illi l-Ġermanja, Franza, l-Italja u t-tliet pajjiżi tal-Benelux l-ewwel iffirmaw it-Trattat tal-Faħam u Azzar fl-1951 u sitt snin wara ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma li permezz tiegħu twieldet il-Komunità Ekonomika Ewropea li llum saret l-Unjoni Ewropea.

Ma rridux ninsew għala saru dawn l-iżviluppi storiċi. Qegħdin ngħixu fl-itwal żmien fl-istorja Ewropea illi matulha ma kienx hemm konflitt bejn pajjiżi Ewropej.  Din la hi b’kumbinazzjoni u lanqas hi inevitabbli. Kif qalet Merkel ftit jiem ilu, dalwaqt ma jkunx għad baqa’ nies ħajjin li għexu t-Tieni Gwerra Dinjija u “Forsi mbagħad naraw tassew, għall-ewwel darba, jekk tgħallimniex mill-istorja.” Merkel qalet illi ħadd m’għandu jassumi illi l-Ewropa dejjem ser tibqa’ hemm u illi “jekk irridu niddefendu l-interessi tagħna, nistgħu nagħmlu hekk biss fl-Ewropa. U għalhekk l-Ewropa jeħtieġ illi tiġi protetta, imseddqa u żviluppata. Jekk biss l-Ewropa tkompli tiffjorixxxi illi l-Ġermanja, tkompli tiffjorixxi.”  Sentimenti totalment opposti minn dawk tal-Brexiteers illi fid-delirju li għandhom jimmaġinaw illi r-Renju Unit ser jagħmel passi ta’ ġgant meta jaqta’ l-ktajjen tas-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea.

Ftit ġranet ilu, Michel Barnier, in-negozjatur prinċipali ewropej fit-taħdidiet dwar il-Brexit esprima sentimenti simili meta indirizza l-kungress tal-Partit Populari Ewropew minkejja illi hu ġej mill-familja soċjalista.  Stqarr illi l-proġett Ewropew qiegħed jaffaċja kriżi eżistenzjali u llum kull pajjiż għandu n-Nigel Farage tiegħu.

Din mhi xejn ħlief sejħa għall-armi għal kull min bħali jrid jiftakar il-lezzjoni tal-istorja li tawna ż-żewġ konflitti dinjiji tas-seklu 20. Il-proġett Ewropew mhuwiex perfett imma hu l-uniku mezz biex nevitaw ripetizzjoni ta’ dawn it-traġedji immensi illi minnu għadda l-kontinent tagħna. Hu wkoll il-mezz kif il-kontinent tagħna jżomm ir-rilevanza u l-pass ta’ żvilupp f’kuntest globali ferm aktar kompetittiv minn qatt qabel, fejn l-isfidi komuni ma jistgħux jintgħelbu mill-pajjiżi individwali waħedhom imma jeħtieġu risposta multinazzjonali. 

Min mingħalih illi ser isolvi l-problemi billi jreġġa’ l-arloġġ lura għaż-żmien meta kulħadd kien jaqdef għal rasu qed jgħarrilu bl-ikrah. Imma agħar minn hekk ikun qed jagħmel għażla storika żbaljata bħalma kienet dik tat-Trattat ta’ Versailles b’konsegwenzi li jistgħu jkunu ugwalment traġiċi, jekk mhux agħar.

Tassew jeħtieġ li ma ninsewx.

[email protected] 

More in Blogs