Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Tolleranza!

L-opinjonista Joe Ellis wara l-kwistjoni fil-Qorti dwar l-artiklu tiegħu fuq il-gazzetta ILLUM u l-intervista ta' Liam Debono ma' Xarabank

Joe Ellis / 6 ta' Novembru 2018 17:38
Ma kontx beħsiebni nitkellem fuq dak li ġara l-ġimgħa li għaddiet wara l-artiklu tiegħi tal-Ħadd li għadda. Kelli f’moħħi suġġetti oħrajn: il-kalvarju li bħalissa għaddejjin minnu l-klijenti tas-Satabank, kalvarju li qiegħed jagħmel ħsara kbira lill-prospetti ta’ Malta bħala ċentru kummerċjali ta’ statura internazzjonali jew il-famuż “fast ferry” li suppost xi darba ser jgħaqqad lil Malta ma’ Għawdex.  Imma wara li rriflettejt ftit u wara li smajt għexieren ta’ kummenti minn politiċi, ġurnalisti, avukati u ċittadini komuni, inħoss illi għandi nerġa’ naqbad fuq dak li ħallejt il-ġimgħa l-oħra.

Ħa nibda biex nagħmilha ċara: jiena persuna liberali. Illum li persuna tiddeskrivi ruħha bħala liberali saret f’ċertu ambjenti qisu dagħwa. Jiena ma għandi l-ebda problema li niddeskrivi ruħi hekk kemm politikament kif ukoll ekonomikament. Għalija li tkun liberali ma jfissirx illi temmen fil-libertinaġġ, li kulħadd jagħmel li jrid. U l-anqas nemmen illi l-Istat m’għandu l-ebda rwol fl-ekonomija, anzi l-Istat (u mhux necessarjament il-Gvern) għandu rwol ferm importanti sabiex iżomm is-suq ħieles milli jiġi manipulat mill-barunijiet.

Għalija l-essenza li tkun liberali hu illi temmen fit-tolleranza ta’ opinjonijiet u veduti differenti.  Wieħed mhux neċessarjament għandu jaqbel mal-veduti ta’ ċertu nies imma wieħed jiddefendi d-dritt tagħhom illi jesprimu ruħhom bil-mod kif jixtiequ.Kif kien qed igħidli wieħed politiku riċentement, sakemm dak li jkun ma jesprimix mibgħeda lejn xi ħadd jew xi kategorija partikolari ta’ nies, għandu jkollu l-libertà sħiħa li jesprimi ruħu b’liema mod jixtieq. 

"Ma kienx ċar fuqiex hu msejjes l-ilment ta’ Franco Debono imma li ddispjaċini ferm hu illi Franco Debono għoġbu jikkwota tliet sentenzi minn paragrafu u ħalla barra l-aħħar żewġ sentenzi illi fiha jiena sħaqt bl-aktar mod enfatiku fuq l-importanza tal-presunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat"
Kien leġittimu illi ministru tal-Gvern toħroġ tikkritika programm fuq it-televiżjoni tal-Istat (mhux tal-Gvern) għax bniedem irrakkonta l-konverżjoni reliġjuża tiegħu u kkundanna l-omosesswalità illi qabel kien iħaddan illi issa qed jiddeskriviha bħala dnub? Wieħed irid jagħmel distinzjoni ċara: illi anke jekk wieħed ma jaqbilx ma’ punto di vista, ma jfissirx illi tali punto di vista ma tistax tkun leġittima u tista’ tiġi espressa f’soċjetà demokratika. 

Ħa nagħti eżempju żgħir u innoċenti: jien dan is-sajf għal ewwel darba f’ħajti ħallejt id-daqna.  Ovvjament, kelli ħafna kummenti. Laqtuni ferm il-kummenti tal-imħallfin u l-maġistrati: kważi kollha qaluli li tixraqli ħlief għal tnejn li tawn parir ferventi sabiex inneħħiha għax ixxejjaħni. Xi rrid ngħid? Anke fuq ħaġa innoċenti bħal jekk bniedem iħalliex daqna jew le, mhux kulħadd ser jaqbel.

Qegħdin ngħixu f’epoka illi l-poplu għandu faċilità akbar sabiex jesprimi ruħu, kemm fil-medja soċjali kif ukoll fil-kummenti fuq is-siti tal-ġurnali u blogs. Madankollu, sfortunatament, spiss flok din il-faċilità tintuża għal diskussjoni matura u kkunsidrata, tintuża sabiex jiġu vventilati sentimenti ta’ disprezz u anke mibgħeda. Il-ġurnali u s-siti għandhom l-mezzi biex jikkontrollaw dawn il-kummenti ta’ tkasbir imma spiss jibqgħu għaddejjin fuq medja soċjali bħal Facebook. 

"Fl-opinjoni tiegħi, hu ferm perikoluż illi ġudikant jipprova jimla nuqqas leġislattiv, jekk mhux bl-aktar mod kawt possibli"
Dan hu ferm ħażin. Facebook għandha r-responsabilitajiet etiċi tagħha u ma tistax tuża l-pjattaforma tagħha biex tagħmel il-biljuni biss mingħajr ma tikkontrolla l-kontenut tal-mod kif qed tintuża.  Meta l-ewwel darba ssuġġerejt dan, ħabib tiegħi dlonk kitibli miċ-Ċina u kkritikani għax skont hu jien irrid iċ-ċensura tal-medja soċjali. Jiena ma rridx ċensura imma illi nixtieq hu illi l-medja soċjali tadotta politika editorjali bħal kwalunkwe ġurnal jew sit ieħor. Il-libertà tal-espressjoni tikkomporta magħha responsabilitajiet ċari. Naħseb illi f’dan il-kuntest, tajjeb li nfakkru fid-distinzjoni illi għamel il-ħabib tiegħi illi sakemm l-espressjoni ma tirrigwardax mibgħeda jew tixwix kontra xi ħadd jew kontra xi kategorija ta’ nies, għandha tkun permissibli f’soċjetà demokratika.

Wara l-artiklu tal-Ħadd li għadda, l-avukat ta’ Liam Debono, Franco Debono, għoġbu jilmenta dwar dak li ktibt fis-seduta tal-qorti ta’ nhar it-Tnejn.  Ma kienx ċar fuqiex hu msejjes l-ilment ta’ Franco Debono imma li ddispjaċini ferm hu illi Franco Debono għoġbu jikkwota tliet sentenzi minn paragrafu u ħalla barra l-aħħar żewġ sentenzi illi fiha jiena sħaqt bl-aktar mod enfatiku fuq l-importanza tal-presunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat. U dan nerġa’ ngħidu. Għax anke jekk Liam Debono jinstab illi materjalment ħoloq l-inċident inkwistjoni, jista’ jkun hemm bosta affarijiet illi jeħilsuh mill-kundanna mill-Qorti. U dan ħadd m’għandu jinsieh.  

Din il-ġimgħa ssemmiet minn bosta l-kwistjoni tas-sub judice. Skont dawn it-talin, meta kwistjoni tkun quddiem qorti, ħadd m’għandu jitkellem dwarha. Din fil-verità hi wirt kolonjali għax din id-dottrina ma teżistix fil-kontinent. Kull min jara t-televiżjoni Taljana u l-programmi illi jtellgħu fuq id-delitti li jitwettqu jaf x’qed ngħid. Illum irridu nirriflettu kemm fl-epoka tal-medja soċjali jagħmel sens illi niggranfaw ma’ din id-dottrina.

Skont dawn it-talin, hu kollox sew illi Liam Debono kien suġġett għal-linċaġġ verbali (u issa mhux biss) fuq il-medja soċjali imma mhux sew illi jiġi intervistat fuq programm televiżiv. Għax b’hekk ser ikun ser jinfluwenza ġurija li baqalgħa xi erba’ snin oħra biex tiġi ffurmata. U ngħid jien x’kien ser jgħid Liam Debono li setgħa jinfluwenza ġurija erba’, ħames snin oħra aktar milli jista’ jinfluwenzaha jekk jagħżel illi jixhed fil-ġuri stess? U x’differenza kienet ser tagħmel jekk Liam Debono flok mar fuq “Xarabank” mar “Facebook Live” jew ippostja xi video intervista tiegħu ?

Il-fatt illi l-maġistrat ordna illi nirrispondi għall-ilment tal-avukat Franco Debono fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa tani l-opportunità illi nagħmel ftit riċerka, speċjalment dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ninsab ferm grat li ngħatatli din l-opportunità. Jidher ċar illi l-liġi tagħna tippermetti divjet biss ta’ “kitba, stampata jew le” u mhux ta’ programmi awdjo-viżivi. 

Dan in-nuqqas aċċenna għalih l-Avukat Ġenerali illi awspika tibdil fil-liġi u rrefera għall-”Contempt of Court Act” tar-Renju Unit. L-Avukat Ġenerali wkoll semma illi hu mhuwiex kontra l-libertà tal-espressjoni u qabel illi l-ilment tal-avukat Debono ma kienx iġġustifikat għar-raġuni li semmejt.  Deherli li kien ferm korrett fir-risposta tiegħu, anke fejn ma qabielx ma dak li ktibt jien.

Il-punt jibqa’ li f’Malta m’għandniex leġislazzjoni bħal dik ingliża.  Fl-opinjoni tiegħi, hu ferm perikoluż illi ġudikant jipprova jimla nuqqas leġislattiv, jekk m’hux bl-aktar mod kawt possibli. Barra minn hekk, ordni ta’ qorti illi għandha bażi legali dubjuża toħloq problemi ġuridiċi u kostituzzjonali.  Biex ma nsemmux illi l-ġurisprudenza tal-qorti ta’ Strassburgu tagħmilha ċara illi l-limitazzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni jridu jkunu interpretati bl-aktar mod ristrettiv u illi l-liġi trid telenka ċ-ċirkostanzi li fihom ikun possibli illi tillimita tali libertà t’espressjoni. Ħaġa illi l-liġi Maltija żgur ma tagħmilx.

"It-tolleranza hija l-marka ta’ soċjetà demokratika u f’dan ir-rigward, pajjiżna baqagħlu ħafna x’jitgħallem u l-Maltin u l-Għawdxin baqalgħhom wisq x’jikbru"
Il-libertà tal-espressjoni hija wirt illi ma nistgħux nirrinunzjaw għaliha kif ġieb u laħaq. Biex akkwistajnieha, ġera wisq demm u wisq tbatija ġiet sofferta.  Kull min hu f’kariga pubblika hu ċertament fid-dmir li jissalvagwardaha.  Imma anke ċ-ċittadin komuni jrid joqgħod attent illi ma jabbużax minn din il-libertà sabiex jiċċensura u jintimida min ma jaqbilx miegħu. It-tolleranza hija l-marka ta’ soċjetà demokratika u f’dan ir-rigward, pajjiżna baqagħlu ħafna x’jitgħallem u l-Maltin u l-Għawdxin baqalgħhom wisq x’jikbru. 

Minkejja s-sinjali ta’ intolleranza u l-messaġġi ta’ mibgħeda illi nara fuq il-medja soċjali, din il-ġimgħa kelli okkażjoni għalfejn inħares lejn il-futur b’ottimiżmu. Barra l-bosta messaġġi ta’ viċinanza u appoġġ li kelli minn sħabi l-avukati kif ukoll min-nies mit-triq, laqagħtni ferm messaġġ ta’ wieħed Malti li jgħix Moska u li miegħu mhux l-ewwel darba li kelli battibekk miegħu fuq Putin. Madankollu, qabeż għaliha meta kien hemm min għajjarni “buffu” u “li qed nindaħal fejn ma jesagħniex”. U apprezzajt ferm dan l-intervent għax hekk għandha tkun it-tolleranza tal-opinjonijiet differenti imma leġittimi li lkoll kemm aħna għandna kull dritt ikollna f’soċjetà tassew demokratika. Grazzi mill-qalb.

[email protected]

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook