Editorjal | Sena wara: il-ġustizzja li jeħtieġ issir u dik li ma tista’ ssir qatt

Nhar it-Tnejn 16 ta’ Ottubru 2017 ma kinitx ġurnata sabiħa għal pajjiżna u nduru kemm induru magħha, dak li ġara ma jista’ qatt u qatt ikun iġġustifikat

Bħal-lum sena. Għalqet sena t-traġedja li ħalliet persuna mbiċċra f’mitt biċċa, f’karozza bomba, magħmula biex taċċerta li akkost ta’ kollox din il-persuna titħassar minn wiċċ id-dinja. Nhar it-Tnejn 16 ta’ Ottubru 2017 ma kinitx ġurnata sabiħa għal pajjiżna u nduru kemm induru magħha, dak li ġara ma jista’ qatt u qatt ikun iġġustifikat. Anke jekk il-persuna partikolari, Daphne Caruana Galizia, kienet kantat l-allelulja meta miet eks Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, Dom Mintoff, anke jekk il-pinna ta’ Caruana Galizia kienet parzjalment responsabbli għaż-żufjett, mibgħeda u inġustizzji li sofrew ċerti nies, xorta dak li seħħ sena ilu jibqa’ mhux aċċettabbli.

Din il-gazzetta, min imexxiha u l-Editur tagħha qatt ma kienu fil-kotba t-tajbin ta’ Daphne Caruana Galizia, anzi t-tgħajjir, l-insinwazzjonijiet u l-malafama qatt ma naqsu fil-konfront ta’ min jikteb dan l-editorjal, iżda l-irġulija titlob illi minkejja dan kollu xorta nkunu oġġettivi fuq persuna li ngħiduha kif inhi, kellha iktar għedewwa milli ħbieb.

Minkejja li huwa ferm sfortunat li sal-lum ma nafux min huwa wara dan il-qtil, hemm tama li hekk kif għadu għaddej il-proċess fil-Qrati tagħna fejn tlett irġiel qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia, eventwalment insiru nafu min qabbad lil dawn biex joqtlu lil din il-ġurnalista. Mumenti wara li ħarġet l-aħbar, il-Prim Ministru kien sostna li mhux se joqgħod bi kwietu sa ma jsib min qatel lil Caruana Galizia u aħna nemmnu li jekk il-proċess legali ma jwassalniex għar-riżultati, għandu jkun l-istess Gvern li jċaqlaq l-ilmijiet sakemm jinstab il-moħħ wara dan il-qtil brutali.

Wara kollox, anke jekk kien hemm fejn kienet kattiva fi kliemha u anke jekk kien hemm fejn bniet stejjer biex joqogħdu fin-narrativa politika tagħha għad-dettriment ta’ ħaddieħor (Egrant?), il-ġustizzja xorta trid issir

Wara kollox, anke jekk kien hemm fejn kienet kattiva fi kliemha u anke jekk kien hemm fejn bniet stejjer biex joqogħdu fin-narrativa politika tagħha għad-dettriment ta’ ħaddieħor (Egrant?), il-ġustizzja xorta trid issir. F’pajjiż demokratiku l-ġustizzja trid issir ma’ kulħadd, mhux mal-familja ta’ Daphne biss, imma magħhom ukoll.

Ma nkunux kostanti mal-valuri tagħna favur il-ħajja jekk qatt niġġustifikaw qtil bħal dak li seħħ is-sena l-oħra. Fil-fatt ġustifikazzjoni ta’ qtil, anke jekk ta’ avversarju qalil, huwa sinjal ċar illi nkunu verament tlifna ruħna.

Se nibqgħu ninsistu wkoll li l-pinna tirbaħ lill-biża’. Iva, jeħtieġ li l-pinna tkun protetta, li l-ġurnalist jitħalla fil-libertà li jippubblika l-istejjer ibbażati fuq il-verità jew skont dak li jkunu għaddewlu s-sorsi, u jekk xi ħadd iħossu offiż ifittex rimedju fil-Qorti. Se nibqgħu ninsistu li kulħadd jifhem li xogħol il-ġurnalist mhuwiex li jaqdi lill-politiku, imma li jistaqsih, iġiegħlu jħossu skomdu u jikxfu. Li xogħol il-ġurnalist mhuwiex li jinċensa lill-politiku, imma li ggwidat mill-verità,  id-dritt tal-qarrej li jkun jaf u mill-għarfien tas-soċjetà li jgħix fiha, iwettaq il-bidliet u jisfida l-istatus quo. U dan għandu jagħmlu jkun hemm min ikun hemm fil-Gvern.

Min qatel lil Daphne Caruana Galizia mhux biss falla milli jħassarha mill-memorja kollettiva, iżda, agħar minn hekk, ma ħalliex lill-ġustizzja tieħu l-kors naturali tagħha. Kemm kien ikun aħjar li Caruana Galizia kienet ħajja meta ħarġu l-konklużjonijiet tal-Maġistrat Aaron Bugeja, biex naraw kif kienet tinterpreta u twieġeb għall-istorja li kitbet hi. Kemm kien ikun aħjar li baqgħet ħajja ħalli konna nkunu nafu eżatt min kien qed jgħid il-verità u min kien qed jigdeb dwar l-allegazzjonijiet li jitrattaw l-allegata żjara f’burdell.

Min qatel lil Daphne Caruana Galizia mhux biss falla milli jħassarha mill-memorja kollettiva, iżda, agħar minn hekk, ma ħalliex lill-ġustizzja tieħu l-kors naturali tagħha

U kemm kien ikun aħjar kieku baqgħet ħajja u konna nkunu nafu min verament qal il-verità u min gideb dwar l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw kont f’Jersey u allegati flus li ġejjin mill-prostituzzjoni minn Londra. Imma min qatilha ma kienx interessat fil-ġustizzja, kien interessat biss li jixkupaha minn wiċċ id-dinja qabel ma tiżloqilha xi kelma oħra u jispiċċa jew tispiċċa ħażin. Bilfors li hekk hu! Kieku l-persuna li qatlitha kienet taf li tinsab fis-sew, kienet tħalli lill-ġustizzja tieħu l-kors naturali tagħha biex tkun hi, li turi l-istejjer ta’ Caruana Galizia bħala gidba.

Nittamaw li f’għeluq is-sentejn mill-qtil tagħha l-ġustizzja tkun solviet dan il-misteru. B’hekk biss inkunu nistgħu nagħlqu dan il-kapitlu u b’hekk biss dan il-pajjiż ikun għalaq ferita. Għax m’hemmx Laburisti, m’hemmx Nazzjonalisti, m’hemmx Alternattiva jew Partit Demokratiku, qtil ta’ persuna pubblika b’dak il-mod hija ferita. U ferita miftuħa lkoll nafu kemm hi perikoluża!

More in Blogs