Opinjoni | Il-gżira ta’ Cinderella

Għawdex ma jistax jibqa’ s-Cindirella ta’ dawn il-gżejjer imma għandu jiġu ttrattat kif jixraq. Xejn aktar u xejn anqas għandhom jippretendu bi dritt l-Għawdxin

Nhar il-Ħamis li għadda wieħed mill-vapuri tal-Gozo Channel kellu l-ħsara u l-konsegwenzi kienu ferm serji. Sriebet kbar ta’ karozzi ffurmaw kemm fiċ-Ċirkewwa kif ukoll fl-Imġarr sabiex jaqsmu l-fliegu. Kull impriża jkollha ħsarat. Imma dan l-inċident wera, jekk kien hemm bżonn, kemm hu fraġli s-servizz tal-vapuri bejn Malta u Għawdex, l-unika kollegament illi Għawdex għandu mal-kumplament tad-dinja. It-tliet vapuri li qed topera l-Gozo Channel qed jaħdmu l-ħin kollu u ma jistgħux jieqfu ħlief bil-lejl. Fil-fatt il-kumpanija qiegħda tikser il-kuntratt li għandha mal-Gvern, ovvjament bil-beneplaċitu tal-istess Gvern, u m’għadhiex topera s-servizz tal-merkanzija għal Marsamxett. B’hekk, tista’ tuża l-vapuri tagħha l-ħin kollha fuq il-linja taċ-Ċirkewwa.

Fi stqarrija li ħarġet, il-Gozo Business Chamber esprimiet id-diżappunt tagħha għas-servizz tal-vapur li qed jingħata. Innutat partikolarment illi l-flotta ilha ma tinbidel 18-il sena u naturalment, hemm aktar ċans ta’ ħsarat illi jikkawżaw dewmien. Dan għad-detriment tal-passiġġieri u l-ekonomija Għawdxija.  

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija reġgħet talbet ir-raba’ vapur u nnutat illi kemm il-kumpanija kif ukoll il-Ministeru għal Għawdex kienu approvaw dan l-investiment. Madankollu, dan għadu ma seħħx għax kif irrapurtat The Times xi ġimgħat ilu, il-Ministeru tal-Finanzi ma approvax il-kiri ta’ vapur ġdid. Intqal illi l-kumpanija kienet ser tikri vapur bl-ekwipaġġ bir-rata ta’ €10,000 kuljum jew €300,000 fix-xahar. Madankollu, il-Ministeru tal-Finanzi illi ma ddejjaqx japprova kuntratt ta’ €274 m għall-estensjoni ta’ San Vinċenz De Paule, deherlu illi dan l-investiment mhuwiex ġustifikat għal ftit kjuwijiet ’l hemm u ’l hawn. U Għawdex baqa’ mingħajr ir-raba’ vapur bil-konsegwenzi li rajna din il-ġimgħa. X’jiswa illi dan il-vapur tridu l-kumpanija u l-Ministeru għal Għawdex jekk il-kbarat tal-Finanzi jidhrilhom mod ieħor?

U Għawdex jinsab maqbud f’ċirku vizjuż fejn dejjem qed jinqata’ aktar lura, l-aħjar nies tiegħu qegħdin jaħarbu minnu filwaqt illi l-populazzjoni dejjem tonqos

Il-qagħda kritika li fiha jinsab Għawdex ġiet deskritta ferm tajjeb nhar il-Ħadd li għadda mill-kandidat nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, Peter Agius. Bħalissa l-kandidati għall-elezzjoni ta’ Mejju li ġej ġejjin u sejrin minn Għawdex iħabbtu l-bibien u jorganizzaw l-attivitajiet. Bosta kienu dawk illi tkellmu dwar il-ħtiġijiet partikolari ta’ Għawdex. Imma naħseb illi  ħadd ma laqat il-musmar fuq rasu daqs Agius fl-opinjoni tiegħu fuq is-Sunday Times tal-Ħadd li għadda.

Agius, li fil-preżent hu membru tal-kabinett tal-president tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani,  beda biex igħid illi hu jemmen illi d-dħul fl-UE kienet qabża kbira għal Malta. Imma l-benna Ewropea ma laħqitx lis-soċjetà kollha u ma waslitx lil hinn mill-moll taċ-Ċirkewwa. Għawdex kien qiegħed lura ħdejn Malta fl-2004 u llum jinsab aktar lura bil-PGD ras imb ras bilkemm kemm nofs dak ta’ Malta. L-industriji prinċipali illi ffjorixxew f’Malta bħas-servizzi finanzjarji, il-gaming, il-farmaċewtiċi u manufattura sofistikata huma prattikament ineżistenti f’Għawdex. Nofs l-ekonomija Għawdxija tiddependi esklussivament fuq it-turiżmu, strateġija riskjuża ferm. 

Agius kompla jgħid illi kwart tal-Għawdxin iterrqu lejn Malta kuljum u l-opportunitajiet ta’ mpjieg illi jeżistu huma l-aktar fis-settur pubbliku, liema settur illum iħaddem 55% tal-ħaddiema Għawdxin. Agius semma wkoll illi meta hu kien kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta kien nieda survey fost l-istudenti Għawdxin illi minnu ħareġ illi 60% minnhom iħossu li huma primarjament Għawdxin, imbagħad Maltin u Ewropej. L-insularità tal-Għawdxin tat lill-Għawdxin sens qawwi ta’ identità illi pproteġiet lil Għawdex għal snin twal.  

Skont Agius sabiex issolvi l-isfidi l-kbar tas-soċjetà meħtieġ intervent politiku li jfisser pressjoni fuq il-partiti politiċi fi żmien l-elezzjoni. Bis-sistema elettorali tagħna, b’Għawdex maqtugħ fit-13-il distrett elettorali, il-kwistjonijiet Għawdxin huma l-aktar indirizzati f’livell ta’ distrett, mhux fuq il-livell nazzjonali.  Dan jittraduċi ruħu fil-fatt illi Għawdex għandu l-kampjuni tiegħu f’Għawdex imma m’għandux kampjuni sabiex ibiddel l-aġenda nazzjonali. 

U hawnhekk fejn naħseb illi Agius qed jonqos li jiġbed il-konklużjoni loġika tal-analiżi pjuttost preċiża tiegħu. Għala r-rappreżentanza Għawdxija fil-Parlament Malti u fil-kabinett Malti mhix qiegħda tittraduċi ruħha f’riżultati aktar pożittivi għall-ekonomija Għawdxija bid-distakk bejn iż-żewġ ġżejjer jikber sena wara l-oħra? Għala minkejja li ilna s-snin intambru fuq il-ħtieġa tat-tieni optic fibre cable sabiex ingawdu mill-opportunitajiet li semma Agius, dan għadu ma seħħx? Ma nistgħux nagħtu t-tort unikament lill-amministrazzjoni Laburista kif għamel Agius. Fl-14-il sena kemm ilna membri tal-UE, il-Labour mexxa biss ħames snin u nofs. Għalkemm verament għamel ftit li xejn biex jirremedja s-sitwazzjoni diġà kritika li sab.

Sfortunatement l-elettorat Għawdxi huwa doċili u hu kuntent bil-ftit bżar li jroxxulu u għadu ma bediex jasserixxi ruħu daqskemm suppost

Il-verità hi illi l-pressjoni politika illi Agius semma qabel l-elezzjoni tirrifletti ruħha fuq livell mikro-politiku, mhux makro-politiku. Ħa nispjega ruħi aħjar: fl-erba’ snin ta’ amministrazzjoni Laburista, tneħħi t-tlestija tal-proġett taċ-Ċittadella illi kien kollu ppjanat taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista u ried jitwettaq sabiex ma jintilfux fondi Ewropej, f’Għawdex sar ftit li xejn. U dan  biex inkun ġeneruż. Dan b’kuntrast mas-snin 2008 sa 2013 meta f’Għawdex saret it-triq li mill-Imġarr tagħti għal Ta’ Pinu u beda r-restawr taċ-Ċittadella fost l-oħrajn. Minkejja dan il-PN kellu riżultat diżastruż fl-2013 u agħar minn hekk fl-2017.

Fl-opinjoni tiegħi, dan hu minħabba l-mod kif jirraġuna l-elettorat Għawdxi: il-proġetti li jagħmlu ġid komuni ftit jimpressjonaw. Ċertament mhux daqs xi mpjieg f’xi skema li permezz tagħha fid-9 am tkun id-dar u tirċievi ċekk id-dar. Jew tkun xi wieħed mill-153 li ddaħħlu mal-kuntrattur sabiex jaħdmu mal-Gozo Channel qabel l-elezzjoni. M’għandix dubju illi l-impjiegi illi ngħataw matul is-snin u qabel l-aħħar elezzjoni kellhom effett kbir fuq l-eżitu elettorali. 

Għaldaqstant, id-deputat medju Għawdxi jaf illi hu mhux ser jakkwista kunsens billi jintervjeni fuq il-livell nazzjonali b’xi diskors fil-Parlament imma biss billi jsolvi l-problemi ta’ kuljum tan-nies, problemi illi ma jeżistux kieku jkollna burokrazija taħdem suret in-nies. U Għawdex jinsab maqbud f’ċirku vizjuż fejn dejjem qed jinqata’ aktar lura, l-aħjar nies tiegħu qegħdin jaħarbu minnu filwaqt illi l-populazzjoni dejjem tonqos. Madankollu, minħabba illi l-kirjiet għadhom ferm aktar baxxi minn Malta minħabba l-qagħda ekonomika fjakk, qed titfaċċa kontro-tendenza fejn min m’għadux jaffordja jgħix Malta jmur jgħix Għawdex. 

Skont Agius, Għawdex hu maqbud f’effett pervers tal-politika Maltija li tagħti lok għal soluzzjonijiet fil-qasir fil-qafas ta’ aġenda fil-qasir. Ma nafx kemm naqbel ma’ din il-parti tal-analiżi ta’ Agius. Naħseb li pjuttost il-problema hi illi l-partiti prinċipali jħarsu lejn Għawdex bħala ġibjun ta’ voti li wieħed jixrob minnu kemm jiflaħ xħin tiġi l-elezzjoni.  Ftit li xejn hemm bżonn ta’ proġetti kbar fis-snin ta’ qabel għaliex  kull ma jkun meħtieġ ikun ftit raxx ta’ bżar fl-għajnejn fl-aħħar xhur qabel l-elezzjoni. Hekk ġara għal ħafna u ħafna snin u dan speċjalment taħt l-amministrazzjonijiet Laburisti li ftit li xejn wetqu proġetti f’Għawdex jekk wieħed irid ikun sinċier. 

Sfortunatement l-elettorat Għawdxi huwa doċili u hu kuntent bil-ftit bżar li jroxxulu u għadu ma bediex jasserixxi ruħu daqskemm suppost. Forsi dan hu frott id-disperazzjoni u s-sens ta’ impotenza ta’ bosta illi jħossu illi jagħmlu x’jagħmlu mhu ħa jinbidel xejn. Kif semma Agius, in-nuqqas ta’ żvilupp ta’ Għawdex ġie meqjus mill-ambaxxatur il-ġdid ta’ Malta għall-U.E. bħala opportunità sabiex Għawdex, u konsegwentement, Malta jibqa’ jkollha aċċess għall-fondi li altrimenti ma tkunx intitolata għalihom. U ħadd ma tniffes.

Kulħadd għandu jifhem illi wasal iż-żmien illi l-ħtiġijiet ta’ Għawdex jitpoġġew b’aktar saħħa fuq l-aġenda nazzjonali. U jekk ma jkunx hemm riżultati, dan għandu jkollu konsegwenzi fuq il-livell nazzjonali

Hu għalhekk illi l-Gvern ħareġ bil-proposta illi titwaqqaf Awtorità Reġjonali Għawdxija kif semmejna xi ġimgħat ilu. Mhux għax qalbu taħarqu għall-Għawdxin imma ħalli jibqa’ jkollu aċċess għall-fondi Ewropej fl-eventwalità illi Malta jonqsulha l-fondi fiċ-ċiklu li jmiss, kif x’aktarx ser ikun il-każ. L-impotenza tal-klassi politika u s-soċjetà Għawdxija dehret min-nuqqas ta’ reazzjoni għal din il-proposta li tant kienet sajma li sal-lum l-anqas għadna nafu kif ser tinħatar dina l-Awtorità. L-importanti li ser tkun hemm biex napplikaw għall-fondi Ewropej u mhux li Għawdex jiġi ’l quddiem.

Għax kif semma tajjeb Agius, il-mod kif jintefqu l-fondi ma jiġix deċiż f’Għawdex imma f’xi kamra jew xi kuridur ta’ xi ministeru f’Malta. Hu verament inspjegabbli kif f’Malta qed isir investiment massiċċ fit-toroq mentri f’Għawdex it-toroq qed jaqgħu biċċiet bi spiża minima fuq il-manutenzjoni tagħhom. Jista’ xi ħadd jispjega għala mhumiex jintefqu fondi Ewropej fuq it-toroq f’Għawdex?

Fl-aħħar mill-aħħar huma l-Għawdxin illi jridu jsalvaw lil Għawdex u jassiguraw il-futur tal-gżira filwaqt illi ma titlifx is-seħer u l-ġmiel tagħha. L-Għawdxin iridu jifhmu illi għandhom ifittxu l-ewwel l-interessi tagħhom u ta’ gżirithom u mhux ta’ xi partit li jappartjenu għalih. Għandhom jifhmu illi fil-preżent qegħdin jiġu trattati ftit differenti minn kolonja, u li wasal iż-żmien illi dan ma jibqax hekk. Wasal ukoll iż-żmien illi l-elettorat Għawdxi jiġi ttrattat bid-dinjità li jixraqlu. Dan jista’ biss isir jekk l-elettorat Għawdxi jibda jagħżel klassi politika aktar assertiva għad-drittijiet tal-Għawdxin, nies li huma anqas doċili u sottomessi u li ma jkollhomx kumplessi ta’ inferjorità fil-konfront ta’ ħadd. Fortunatament, nies kapaċi u intelliġenti hawn bil-bosta anke fost il-klassi politika eżistenti. Imma kulħadd għandu jifhem illi wasal iż-żmien illi l-ħtiġijiet ta’ Għawdex jitpoġġew b’aktar saħħa fuq l-aġenda nazzjonali. U jekk ma jkunx hemm riżultati, dan għandu jkollu konsegwenzi fuq il-livell nazzjonali.

B’hekk insolvu l-kwistjoni illi poġġa subgħajh fuqha Agius: in-nuqqas ta’ riżultati f’Għawdex irid ikollu effett negattiv fuq livell nazzjonali. Għawdex ma jistax jibqa’ s-Cindirella ta’ dawn il-gżejjer imma għandu jiġu ttrattat kif jixraq. Xejn aktar u xejn anqas għandhom jippretendu bi dritt l-Għawdxin. 

[email protected]

More in Blogs