Opinjoni | Ara min qed jitkellem, fl-isem tal-Missier u tal-Ispirtu s-Santu

Il-curriculum vitae ta’ Brigulio tinqara bħal waħda ta’ bniedem li kien fuq roller coaster...

Jiena qrajt mhux darba iżda darbtejn l-opinjoni li Michael Brigulio kiteb fil-MaltaToday. Kitibha bħala kandidat Nazzjonalista għal paga tajba ħafna fil-Parlament Ewropew. Wara tista’ tgħid għamel bħalma jagħmel flixkun li jkun f’nofs ta’ baħar u jinġarr kullimkien mar-riħ u l-mewġ. Brigulio għamel bħalma jagħmlu l-ħaddiema tal-briedel; ipprostitwixxa lilu nnifsu biex forsi jiġi elett. 

Kiteb li hemm bżonn li nkunu ‘respectful’ jiġifieri rispettużi. Jiġifieri mhux bħalma ġara fl-2017, kif għamel hu meta abbanduna kollox u spiċċa mwaħħal bħal terpentina mal-Partit Nazzjonalista u mhux hekk biss, kien jitla’ fuq il-pedestall fil-mass meetings u jgħajjat qisu kalandra, qisu xi sożja ta’ Goebbels.

Michael Brigulio kien mhux biss l-eżempju jkaxkar ta’ politika tal-għajjat imma kien il-perċimes ta’ dak kollu li mhux suppost naraw fil-politika. Perċimes f’kull sens. Jien evitajt li nsemmih u niddejjaq insemmih, imma jkolli nsemmih illum għax ma niflaħx għall-ipokrezija u tagħmilli ħsara kbira fl-istonku. 

Brigulio għamel bħalma jagħmlu l-ħaddiema tal-briedel; ipprostitwixxa lilu nnifsu biex forsi jiġi elett

Wara li dar kull burdell politiku li hawn fil-pajjiż issa spiċċa ma’ Adrian Delia u qed jitlob il-vot tagħna biex jiġi elett fil-Parlament Ewropew biex forsi jitlaq ’il barra minn hawn u b’paga esaġerata u redikola jibda jgħix kif dejjem xtaq jgħix: komdu u ’l bogħod minn Malta tagħna.

Għax  u wara li stinka biex jagħti l-impressjoni li huwa xi wieħed idealista u tal-punt, spiċċa ankrat ma’ partit li tant hu konservattiv u ’l bogħod minn fejn beda li ċertament tasal għall-konklużjoni li Pawlu ta’ Tarsu lanqas jibda ma’ Michael Brigulio.

Għax Brigulio kien mill-bidu nett komunist, u jien niddikjara ma għandi xejn kontra l-komunisti, juri u jesprimi simpatija enormi għal Kuba u Fidel Castro, attiv fil-Graffiti u movimenti oħra tax-Xellug u tal-ambjent, kunsillier u Chairperson tal-Alternattiva, ivvota għal-Labour meta l-Labour ried u neħħa l-VAT u waqqaf l-applikazzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u issa wara esperiment fis-soċjetà ċivili kien sar ħaġa waħda ma’ Simon Busuttil u f’daqqa waħda spiċċa b’ruħu u ġismu ma’ Adrian Delia.

Apparti hekk, ma nistax nifhem kif jista’ b’xi mod jirrikonċilja lilu nnifsu mal-PN. Meta nsemmi l-abort, il-kaċċa, l-IVF, il-kapitaliżmu u biżibilju affarijiet oħra li matul il-ħajja u inkontri li kelli miegħu ngħatajt l-impressjoni li kellu veduti ċari ħafna dwarhom, tant li kienu diametrikament opposti ma’ dawk tal-PN.

Ma flaħtx naqra lil Brigulio u nara lil xi ħadd jikteb qisu hu qatt ma kien parti minn dik ix-xmara tar-remettar li rajna fl-2017. Jekk ħadd mhu lest jgħidlu kemm hu inkreddibilment ipokrita u falz jien qed ngħidlu issa u f’wiċċu

F’din l-opinjoni Alla jbierek qal, li jrid jeħodha kontra l-hate speech. Dażgur għax jaf li hu wkoll kien il-mira tal-hate speech ta’ nies bħal Daphne, meta kien theddida għall-PN. Imma Alla jbierek, issa u issa biss, qamlu rixu għall-hate speech. Fl-elezzjoni tas-sena l-oħra Brigulio u oħrajn ma kellhomx l-iċken interess li jiftħu ħalqhom kontra dan.

Jiena żammejt kwiet, ma ngħid xejn fuq iċ-ċuċati li ħareġ minn ħalq dawk li kienu jippretenduha ta’ xi għorrief u ta’ xi gwerrieri tas-sewwa u tal-libertà. Bqajt sieket kif sena u nofs ilu fil-kamra tal-aħbarijiet tal-MaltaToday kont affaċċjat minn xi ġurnalisti tiegħi li kienu wkoll jappoġġjaw dan l-isteriżmu. Dħakt meta ġimgħat wara l-eżitu tal-elezzjoni sirt naf li wieħed mit-tfal ta’ Caruana Galizia kien ċempel u dar in-newsrooms biex jgħidilhom biex ikeċċu lili; is-sid tal-MaltaToday!

Lil Michael Brigulio dejjem kont naħsbu bniedem redikolu, bħall-ieħor fuq in-naħa l-oħra tal-munita Cyrus Engerer, ieħor li jinteressah li jkun Deputat Laburista fil-Parlament Ewropew u bħal Brigulio lest jagħmel kollox biex jiġi elett fi Brussell.

Meta norqod billejl ma nimmaġinax u ma noħlomx li jien xi oraklu jew xi perfett. Wasalt fejn wasalt għax nemmen f’dak li nagħmel u ngħid dak li nħoss. Ma flaħtx naqra lil Brigulio u nara lil xi ħadd jikteb qisu hu qatt ma kien parti minn dik ix-xmara tar-remettar li rajna fl-2017.  Jekk ħadd mhu lest jgħidlu kemm hu inkreddibilment ipokrita u falz jien qed ngħidlu issa u f’wiċċu. U ċert li bħali jaħsbuha eluf!

More in Blogs