Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | 5 + 5

Il-Ministru Bonnici dwar l-importanza tal-kultura u d-delegazzjoni li ġiet Malta tinvestiga s-Saltna tad-Dritt

Ministru Owen Bonnici / 26 ta' Settembru 2018 14:10
Nhar il-Ġimgħa, waqt li pajjiżna kien qiegħed jiċċelebra kif xieraq Jum l-Indipendenza, kont qiegħed f'Lisbona niltaqa' ma' disa’ Ministri tal-Kultura oħra – jew rappreżentanti għoljin tagħhom – li flimkien jifformaw il-pajjiżi tal-Mediterran tal-Punent. Dawn huma l-Portugall, Spanja, Franza, l-Italja u Malta għall-Ewropa flimkien ma’ rappreżentanti mil-Libja, l-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija u l-Mawrtianja.

L-idea hi li nużaw il-kultura bħala mezz u strument ta' kif inkunu nistgħu mmexxu 'l quddiem konversazzjoni iktar b'saħħitha bejn dawn il-pajjiżi li għandhom x'jgħaqqadhom il-baħar Mediterran.

Naturalment dawn it-tip ta' laqgħat huma wkoll opportunità biex wieħed isaħħaħ il-ħbiberiji mad-diversi Stati kemm dawk Ewropej u kemm dawk Nord Afrikani. Meta tagħmel ġurnata tiddiskuti x'hemm x'jgħaqqdek u mhux x'hemm x'jifirdek tirrealizza li fil-verità l-affarijiet li jgħaqqduna huma ferm ikbar u isbaħ minn dawk li forsi jifirduna.

Malta hija impenjata li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet li nibdew b'dan il-5+5 sabiex nirrealizzaw suċċess bis-saħħa tas-settur kulturali.

Żjara tal-MEPs

Din il-ġimgħa lqajna fostna delegazzjoni tal-kumitat LIBE fi ħdan il-Parlament Ewropew immexxija mill-MEP Olandiża Sophie In 't Veld fejn għal darb'oħra ddiskutejna temi relattivi għas-saltna tad-dritt u kif ukoll l-omiċidju barbaru ta' Daphne Caruana Galizia.

"Jien nikkundanna kull diskors ta' mibegħda li jsir kontra kulħadd, aħseb u ara fil-konfront ta' familja li nqatlilha membru tal-familja tagħha bl-iktar mod barbaru u kattiv"
L-aħħar darba li konna ltqajna ma' delegazzjoni simili kien fl-aħħar tas-sena li għaddiet b'membri differenti għajr membru wieħed l-MEP Ġermaniż Sven Giegold li kien preżenti wkoll kemm l-aħħar darba u kemm din id-darba.

Bħalma ġara l-aħħar darba kien hemm membru tal-Oppożizzjoni ma' din id-delegazzjoni. L-aħħar darba kien hemm David Casa u din id-darba Roberta Metsola. Kulħadd jaf x'jgħidu u kif jgħidu kemm Casa u kemm Metsola dwar pajjiżna fuq is-suġġetti li semmejt hawn fuq u allura kemm hi għaqlija d-deċiżjoni li f'delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ikun hemm membru tal-Oppożizzjoni ta' dak l-istess pajjiż li ppronunzja ruħu diversi drabi fuq is-suġġett b'mod passjonat ħafna hi diskutibbli ħafna.

L-Aġent Prim Ministru, il-Ministru tal-Finanzi u jien iltqajna magħhom u kellna diskussjoni miftuħa kemm jista' jkun. Aħna ma niddejqux niltaqgħu u nitkellmu.  Niltaqgħu u nitkellmu ma' kulħadd u ma' kull min irid jitkellem magħna.

Fil-kummenti li għaddew lill-mezzi tax-xandir, din id-delegazzjoni semmiet diversi punti, fosthom il-ħtieġa li nikkundannaw kwalunkwe diskors ta' mibegħda li jsir kontra l-familja ta' Daphne Caruana Galizia.

Jien nikkundanna kull diskors ta' mibegħda li jsir kontra kulħadd, aħseb u ara fil-konfront ta' familja li nqatlilha membru tal-familja tagħha bl-iktar mod barbaru u kattiv. Ikun hemm min jgħid – imma Daphne Caruana Galizia meta kienet ħajja kienet trewwaħ diskors ta' mibegħda mill-iktar qalil anke kontra mejtin. Jien inwieġeb li dan ma jnaqqas xejn mill-kundanna għal kull diskors ta' mibegħda jiġi minn fejn jiġi kontra kull persuna inkluż il-familja ta' Daphne Caruana Galizia.  Anzi rridu iktar nikkundannaw il-mibegħda ħalli nuru bl-eżempju tagħna kif fis-soċjetà tagħna rridu d-dibattitu u mhux it-tixrid tal-mibegħda.

Fil-politika aħna nitkellmu, niddjalogaw u mmexxu 'l quddiem ideat anke b'mod mill-iktar b'saħħtu u kkulurit. Ma jimportax. Dak parti mid-dibattitu. Imma l-mibegħda m'hawn postha mkien. Jien sofrejtha – naf x'jiġifieri. Naf x'jiġifieri li taqra artiklu fejn in-nies ġew imħeġġa joqtluni u jgħallquni rasi 'l isfel fi pjazza bħalma kienu qatlu lil Mussolini. Imma l-mibegħda ma tikkumbattihiex b'iktar mibegħda. Tikkumbattiha billi turi li inti persuna aħjar minn min qed jipperpetwa l-mibegħda. U għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd biex jgħaddi l-opinjoni tiegħu, jgħid x'jaħseb u ma jaħsibx u jargumenta kemm hemm bżonn – biss il-mibegħda m'għandniex x'nambuha.

"Il-gvern wettaq billi mhux biss fassal liġi dwar l-iStandards imma anke ddeċieda li l-ewwel Kummissarju jkun ġej mill-kamp oppost għaliex kif nafu Dr Hyzler kien fil-Kabinett tal-Gvern ta' Eddie Fenech Adami"
Meta għamilna pakkett ta' riformi biex nilliberalizzaw il-libertà tal-espressjoni, konna wkoll għaddejna liġi li tħarrax ir-reat tal-hate speech.  Għamilnieha bi ħsieb u b'għan - ċioè li nibagħtu l-messaġġ li waqt li aħna rridu li jkun hawn id-dibattitu fil-pajjiż fejn kulħadd jgħid dak li jixtieq, il-linja l-ħamra hija l-hate speech- ċioè li wieħed jgħid diskors bil-għan li joħloq mibegħda jew vjolenza fuq persuna jew persuni abbażi ta' sess, etniċità, orjentazzjoni u aktar.  Dik hi linja li m'għandhiex tinqabeż. 

Ir-riforma tkompli

Ir-riforma għal iktar governanza tajba tkompli.

Tħabbar l-isem ta' Dr George Hyzler- li ġie suġġerit minn Adrian Delia (mhux Adrian Busuttil!) - biex ikun l-ewwel Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Il-Prim Ministru Joseph Muscat ippropona dan l-isem li ġie mingħand Dr Delia lill-Grupp Parlamentari Laburista u l-Grupp approva dan l-isem.

Ir-riformi f'dan is-settur ma tagħmilhomx billi tpaċpaċ imma billi twettaq.  U f'dan il-każ il-gvern wettaq billi mhux biss fassal liġi dwar l-iStandards imma anke ddeċieda li l-ewwel Kummissarju jkun ġej mill-kamp oppost għaliex kif nafu Dr Hyzler kien fil-Kabinett tal-Gvern ta' Eddie Fenech Adami.

Naturalment xi ħaġa tajba bil-kemm tissemma' fil-gazzetti. Jekk tkun iffurtunat jagħmlu kaxxa żgħira xi mkien fil-paġni ta' ġewwa. Biss in-nies kapaċi jagħrfu u jiddistingwu min ipaċpaċ fuq is-saltna tad-dritt u min iwettaq.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook