Editorjal | Il-vjolenza domestika; inwaqqgħu l-ħitan

Huwa meta s-sistema u l-awtoritajiet kollha jifhmu li l-vjolenza domestika hija materja pubblika, mhux privata, li jkollna verament sistema li tirrifletti t-tolleranza żero

Mara oħra nqatlet. Vittma oħra tal-vjolenza domestika. Wieħed forsi jgħid li ma stajniex nevitaw, imma aħna naħsbu mod ieħor. U naħsbu mod ieħor għax minkejja li hawn min jippersisti fil-ħsieb li l-vjolenza domestika hija xi ħaġa privata, meta fil-fatt mhix, anke jekk isseħħ fil-privat. Il-vjolenza domestika hija materja ta’ interess pubbliku l-ewwel nett għax tikkonċerna l-benesseri ta’ membru tal-komunità,  għax l-effett li jkollha jirfes fid-dominju pubbliku, f’termini ta’ kura, meta u fejn ikun hemm bżonn iżda wkoll għax l-effett psikoloġiku li din il-vjolenza tħalli fuq il-persuna u fejn ikun hemm, fuq it-tfal ukoll, huwa mill-aktar negattiv.

Huwa meta s-sistema u l-awtoritajiet kollha (mill-kbir saż-żgħir) jifhmu li l-vjolenza domestika hija materja pubblika, mhux privata, li jkollna verament sistema li tirrifletti t-tolleranza żero lejn il-vjolenza kollha kemm hi, inkluż dik domestika li ħafna drabi hija moħbija wara l-omertà u l-biża’.

Xbajna ngħidu u ninsistu biex miżuri pożittivi li ilhom fuq l-ixkaffa jkunu implimentati, fosthom il-bżonn li rapporti dwar każi bħall-vjolenza domestika, imma mhux biss, ikunu mismugħa fil-privatezza, f’kamra separata, fl-għases tagħna. Għallinqas fejn l-ispazju diġà jippermetti, dan għandu jibda jsir.

Jeħtieġ naqtgħu darba għal dejjem iċ-ċirku vizzjuż li ħalla lil Lourdes Agius u tant nisa oħrajn bla ħajja. U nistgħu nagħmluh flimkien, billi nkissru l-ħitan li warajhom sseħħet il-vjolenza domestika

It-tieni, qatt mhu biżżejjed biex tfiehem, tempatizza mal-vittmi u tgħin, anke lil dawk li minkejja kollox jmorru lura u jibqgħu mwaħħlin mal-agressur li jkun sawwathom, ċekkinhom u kasbarhom. L-aktar ħaġa faċli hija li ngħaddu ġudizzju fuq xi ħadd li mar lura għand l-agressur. Kemm ikun aħjar li ngħinu aħna u fejn ma nistgħux indaħħlu l-għajnuna professjonali. Għax huwa importanti li kemm jista’ jkun nilqgħu lill-vittmi qabel ma jkunu f’sitwazzjoni fejn is-saħħa tagħhom tkun ipperikolata bil-kbir.

Dan nistgħu nagħmluh mhux biss bil-kelma t-tajba imma wkoll bl-għajnuna ta’ professjonisti li jistgħu jifhmu aħjar għaliex xi ħadd jasal biex iħalli lill-ħaddieħor ikasbru jew saħansitra jpoġġi ħajtu f’riskju. Xi kultant persuna jeħtieġ tkun waħedha f’kamra ma’ persuna li hija stranġiera biex tiftaħ qalbha u tgħid dak kollu li tħoss u li tkun għaddejja minnu, fejn taf li mhux se tkun iġġudikata u mhux ivvittimizzata iktar milli hi.

It-tielet. Il-ġustizzja trid issir, imma trid tkun effettiva. Huwa tajjeb ferm li l-pieni għall-agressuri jkunu ħorox , però huwa importanti wkoll li bħalma l-vittmi jingħataw l-għajnuna, anke l-agressuri. Il-vjolenza domestika hija wara kollox sintomu, ta’ bżonn ta’ pussess, għira u stima baxxa ħafna tiegħek innifsek. Sintomu tal-bżonn li tkisser u ddgħajjef lil ħaddieħor biex tħossok aħjar int.

Xbajna ngħidu u ninsistu biex miżuri pożittivi li ilhom fuq l-ixkaffa jkunu implimentati, fosthom il-bżonn li rapporti dwar każi bħall-vjolenza domestika, imma mhux biss, ikunu mismugħa fil-privatezza

U dawn huma kollha sintomi ta’ problemi u sfidi soċjali, poltiċi, reliġjużi u psikoloġiċi, f’soċjetà li għadha xi ftit patrijarkali u li tpoġġi lir-raġel fuq il-mara. F’soċjetà li għadha xi ftit jew wisq marbuta mal-isterjotip, ta’ mara li toqgħod id-dar u r-raġel li minnu jiddependi ħafna mid-dħul. Ta’ mara li tiddependi mir-raġel għall-għixien tagħha, li ftit li xejn tista’ tagħmel mingħajru jekk mhux tissallab biex tgħix. 

Huwa allura importanti li nedukaw mhux biss lill-pubbliku u lill-vittmi, imma anke lill-agressuri jew agressuri potenzjali, kif għandhom jitrattaw lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħhom. Nedukawhom dwar l-importanza u l-valur tal-ugwaljanza mhux biss bħala kunċett fl-arja, iżda bħala mod ta’ għixien anke d-dar.

Jeħtieġ naqtgħu darba għal dejjem iċ-ċirku vizzjuż li ħalla lil Lourdes Agius u tant nisa oħrajn bla ħajja. U nistgħu nagħmluh flimkien, billi nkissru l-ħitan li warajhom sseħħet il-vjolenza domestika, nagħtu l-protezzjoni u l-għajnuna assoluta lill-vittma, ngħaddu lill-agressur mill-ġustizzja imma nagħtu l-għajnuna lilu/lilha wkoll u ngħallmu u nedukaw lis-soċjetà s-sbuħija tal-ugwaljanza u r-rispett.

Dan ma jfissirx li mhux se jerġa’ jkollna inċidenti traġiċi. Imma jfisser biss li nkunu evitajna ħafna oħrajn.

More in Blogs