Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Id-daqqaqa tat-tanbur

Carmel Cacopardo dwar il-protesta mill-Moviment Graffitti u l-Kamp Emerġenza Ambjent u r-reazzjoni tal-Pulizija

Carmel Cacopardo / 19 ta' Settembru 2018 17:38
Id-daqqaqa tat-tanbur kienet minxura mal-art. Ritratt fuq il-media soċjali juri t-tanbur “itir” minn idejn pulizija liebes l-uniformi fid-direzzjoni tad-daqqaqa mixħuta minn tulha mal-art.

Il-protesta ta’ nhar il-Ħamis mill-Moviment Graffitti u l-Kamp Emerġenza Ambjent ma kinitx fuq id-deċiżjoni dwar il-proposta għal pompa tal-petrol (u d-diesel) f’Bulebel, iż-Żejtun. Kienet  dwar it-tkaxkir tas-saqajn mill-awtoritajiet biex iwettqu reviżjonijiet sostanzjali fir-regoli tal-ippjanar dwar il-pompi tal-petrol u d-diesel.

Il-mod ħażin kif il-Pulizija ttrattat lil dawk li pprotestaw jindika li qed tiżviluppa attitudni differenti mill-Pulizija. Ilna ftit taż-żmien mhux ħażin ma naraw lill-Pulizija jaġixxu b’dan il-mod. Dan mhux sinjal tajjeb. Meta l-Pulizija jaġixxu b’dan il-mod, il-messaġġ hu ċar li l-awtoritajiet huma xi ftit skomdi.

L-apprezzament tal-ambjent hu limitat għal dawk il-ġranet li fih isir it-tindif ċerimonjali (clean-up days) taħt għajnejn il-media. Għall-bqija tas-sena, bosta huma għala biebhom.  Dan mhu xejn ġdid: ilna niffaċċjaw din l-attitudni żmien, sena wara l-oħra. Tant li żviluppajna allerġija għall-paroli vojt tal-awtoritajiet dwar l-ambjent. Bid-daqq tat-tanbur id-daqqaqa kienet qed tfakkarna lkoll dwar kif xbajna mit-tkaxkir tas-saqajn tal-awtoritajiet. Dan ukoll hu każ ta’ abbuż ta’ awtorità kif ukoll amministrazzjoni ħażina.

Din ir-Repubblika hi tagħna lkoll u mhux tal-ftit ipprivileġġjati.

In-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti għall-iżvilupp ta’ pompi tal-petrol u d-diesel mhux wieħed żgħir, u dan minkejja li ma għandna bżonn l-ebda waħda minnhom.  Id-direzzjoni politika fit-tul hi tali li għandna nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-karozzi privati. Kif indika l-Prim Ministru madwar sena ilu qed nistennew ukoll li tkun imħabbra d-data meta l-karozzi li ser jibqgħu fit-toroq tagħna jkunu dawk biss li jaħdmu bl-elettriku.

"Ma kinitx fuq id-deċiżjoni dwar il-proposta għal pompa tal-petrol (u d-diesel) f’Bulebel, iż-Żejtun. Kienet dwar it-tkaxkir tas-saqajn mill-awtoritajiet biex iwettqu reviżjonijiet sostanzjali fir-regoli tal-ippjanar dwar il-pompi tal-petrol u d-diesel"
B’mod repetut ġie enfasizzat li t-tlett elef metru kwadru permissibbli biex tkun żviluppata pompa tal-petrol u d-diesel barra miż-żona tal-iżvilupp hu qies eċċessiv. Bil-proposta tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex dan il-qies jonqos għal elfejn metru kwadru nibqgħu kważi fejn konna.   F’dawk il-każi rari fejn jista’ jkun hemm ħtieġa ta’ pompa tal-petrol u d-diesel din ċertament li tirrikjedi ferm inqas spazju minn hekk. Ovvjament irid ikun ċar li ma hemmx ħtieġa ta’ faċiIitajiet anċillari kummerċjali f’dawn il-pompi barra miż-żona tal-iżvilupp.  Sal-lum, dawn il-faċilitajiet huma permissibbli u ġew introdotti biex dawk li jridu jdawru lira jkollhom il-qligħ fuq l-investimenti tagħhom.  Għall-politiċi fit-tmun Il-profitti għall-investitur huma ta’ importanza ikbar mill-ħarsien tal-ambjent.

Nhar il-Ħamis, l-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat l-applikazzjoni għall-pompa tal-petrol u d-diesel f’Bulebel, iż-Żejtun. Hemm diversi applikazzjonijiet oħra pendenti li l-parti l-kbira tagħhom ikunu approvati fix-xhur li ġejjin. Dan ser isir minkejja li dawn ma hemmx bżonnhom. Għandna iktar minn biżżejjed minnhom u probabbilment wasal iż-żmien li jibdew jingħalqu minn dawk li għandna. 

Fl-artiklu tiegħi tal-ġimgħa l-oħra enfasizzajt il-ħtieġa li nimplimentaw il-viżjoni li tpoġġilna l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport 2025 li tidentifika d-dipendenza esaġerata tagħna fuq il-karozzi privati bħala waħda mill-miri ewlenin li teħtieġ li tkun eradikata. It-tibdil sostanzjali fir-regoli tal-ippjanar dwar il-pompi tal-petrol u d-diesel għandhom ikunu kkunsidrati f’dan il-kuntest. Jekk ser innaqqsu l-karozzi mit-toroq m’għandniex bżonn pompi tal-pertol u d-diesel.

Matul il-ġimgħat li ġejjin d-daqqaqa tat-tanbur bla dubju terġa’ ssejħilna biex tfakkarna li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ser jerġa’ jiltaqa’ ħalli tkompli l-vjolenza istituzzjonali fuq il-kampanja u l-ambjent. Bħal dak li qallu li dan kollu mhux tagħna lkoll. 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook