Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Konsultazzjoni zoppa

Joe Ellis dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità Reġjonali għal Għawdex

Joe Ellis / 29 t'Awwissu 2018 17:38
Fit-3 ta’ Awwissu li għadda, il-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità Reġjonali għal Għawdex. Ironikament, dina l-Awtorità kienet waħda mill-proposti tal-programm elettorali tal-PN għall-elezzjoni tas-sena l-oħra. Il-Gvern qed jirrikonoxxi l-ħtieġa li titwaqqaf din l-Awtorità sabiex tistimula l-iżvilupp f’Għawdex, żvilupp illi ma żammx il-pass ma’ dak ta’ Malta. 

Ir-riżultat hu illi l-ekonomija Għawdxija qiegħda dejjem tinqata’ lura, qiegħda tiġġenera anqas opportunitajiet ta’ xogħol u l-aktar intelliġenti u avventurużi miż-żgħażagħ Għawdxin qegħdin jispiċċaw jaħdmu f’Malta jew anke barra minn Malta.

Minkejja dan, l-impriżi Għawdxin xorta qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi kbar sabiex isibu ħaddiema biżżejjed bir-riżultat illi jkollhom iħaddmu ċittadini komunitarji u anke extra-komunitarji.  Minkejja l-għajjat ta’ minoranza tal-lemin estrem illi tinvadi Facebook, ir-realtà hi illi mingħajr il-manodopera tal-immigranti, regolari jew le, l-ekonomija hi wieqfa għalkollox. Ħadd ma jista’ jmeri l-fatt illi llum l-ekonomija mhix tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha minħabba nuqqas ta’ ħaddiema. U dan ironikament jgħodd ukoll għal Għawdex.

Bosta huma l-fatturi għal dan il-fenomenu stramb: tnaqqis sostanzjali tal-fertilità (bejn is-sena 2000 u 2014, in-numru ta’ studenti fl-iskejjel Għawdxin naqas b’40%), iż-żgħażagħ qegħdin jieħdu edukazzjoni ogħla u l-gvern qiegħed jassorbi wisq nies taħt forma jew oħra b’mod irresponsabbli għal raġunijiet strettament elettorali.

Meta wieħed iqis ukoll l-iżvantaġġ inevitabbli tal-insularità doppja u s-servizz ta’ trasport qajla adekwat illi jeżisti, ftit li xejn għadu attraenti illi wieħed jinvesti f’Għawdex minflok f’postijiet oħra.  Huma biss ftit kaptani kuraġġjużi spiss imweldin u mrobbijin Għawdex stess illi jidħlu għal din l-isfida.  Għaldaqstant, il-ħtieġa li jsir xi ħaġa urġenti sabiex jitwaqqaf id-deklin u l-agonija ta’ din il-gżira qatt ma kien aktar pressanti. 

"Għaldaqstant, it-tama hi illi bit-twaqqif ta’ din l-Awtorità Reġjonali, Għawdex titmexxa b’mod aktar awtonomu mit-tmexxija ċentrali, tmexxija illi qajla qiegħda tieħu bis-serjetà l-ħtiġijiet tal-gżira."
Huwa ċar ukoll illi l-Ministeru għal Għawdex mhux qed jilħaq l-obbjettivi li għalih kien oriġinarjament twaqqaf.  Taħt dan il-Gvern, tneħħewlu immedjatament ir-responsabilitajiet għas-saħħa u l-edukazzjoni.

Assistejna għall-ispettaklu indiċenti illi l-unika sptar f’Għawdex ingħata lill-kumpanija ta’ €1,200 ta’ sidien misterjużi illi ħadd ma jaf min huma. U dana mingħajr ma l-poplu Għawdxi u  l-ministeru għal Għawdex ipparteċipaw b’xi mod fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni, deċiżjoni li wriet il-karattru kolonjali tat-tmexxija ta’ din l-gżira. Bir-riżultat illi l-qagħda fl-isptar t’Għawdex flok mxiet ’il quddiem, marret għall-agħar.

Għaldaqstant, it-tama hi illi bit-twaqqif ta’ din l-Awtorità Reġjonali,  il-gżira titmexxa b’mod aktar awtonomu mit-tmexxija ċentrali, tmexxija illi qajla qiegħda tieħu bis-serjetà l-ħtiġijiet tal-gżira.  Ħlief meta jkun ġej xi kuntest elettorali u nroxxu ftit bżar mhux ħażin. Xhieda ta’ dan hu l-fatt illi minkejja l-wegħda illi 10% tal-fondi Ewropej jintefqu f’Għawdex, ma jidhirx illi qed jiġri hekk.  Tant illi mhu ser jintefqu l-ebda flus Ewropej sabiex jitranġaw it-toroq f’Għawdex li spiss huma f’qagħda tal-biki. 

Fil-konferenza tal-aħbarijiet illi saret fit-3 ta’ Awwissu sabiex titnieda l-konsultazzjoni pubblika dwar it-twaqqif ta’ din l-Awtorità Reġjonali, il-ministru għal Għawdex, Justyne Caruana qalet illi l-Awtorità sejra ssaħħaħ l-istruttura istituzzjonali tal-gżira bil-ministeru jiffoka fuq id-direzzjoni politika skond il-politika nazzjonali dwar l-ħtiġijiet speċjali tal-gżira.

Skont il-Ministru Caruana, l-Awtorità sejra tiżgura illi Għawdex ikollu strateġija ta’ żvilupp reġjonali li tiġi riveduta kull tliet snin għall-istrutturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ Għawdex, strateġija li tiġi aġġornata kontinwament skont iċ-ċirkostanzi u l-opportunitajiet. 

Ċertament, dawn huma objettivi illi huma posittivi.  Il-kwistjoni hi kif ser jitwettqu dawn l-għanijiet.  F’dan il-proċess ta’ hekk imsejħa konsultazzjoni pubblika ġew imnedija żewġ dokumenti, wieħed ta’ Dr Gordon Cordina bit-titlu “The Role of the Gozo Regional Development Authority: Some Opinions from the Socio-Economic Perspective” u l-ieħor ta’ David Spiteri Gingell imsejjaħ “Principle on which the Gozo Regional Development Bill is based.” 

Dawn iż-żewġ konsultenti spiss jintalbu jabbozzaw rapporti fuq suġġetti varji bħall-pensjonijiet, it-tibdil tal-klima u l-fattibilità ta’ mina bejn Malta u Għawdex. Madankollu, dawn iż-żewġ rapporti huma ferm xotti u mingħajr wisq ħsieb. Jidhru illi saru b’għaġla kbira u fost l-oħrajn, ma jindikawx waħda mill-aktar affarijiet fundamentali, kif ser tkun komposta dina l-Awtorità. 

Ir-rapport ta’ Spiteri Gingell iqajjem kwistjoni oħra : jidher illi ġie abbozzat att tal-Parlament sabiex titwaqqaf din l-Awtorità u l-ministru Caruana resqet l-ewwel qari ta’ dan l-abbozz fit-3 ta’ Lulju li għadda. Imma dan l-abbozz għadu sal-lum ma ġiex ippubblikat. Ħadd  għadu ma jaf għala għadu ma ġiex ippubblikat għalkemm kien hemm min qal li hemm nuqqas ta’ qbil fil-kabinett dwar dan l-abbozz. Imma x’konsultazzjoni pubblika hi din meta l-aktar dokument importanti, l-abbozz ta’ liġi ma ġiex ippubblikat?

"Meta wieħed iqis ukoll l-iżvantaġġ inevitabbli tal-insularità doppja u s-servizz ta’ trasport qajla adekwat illi jeżisti, ftit li xejn għadu attraenti illi wieħed jinvesti f’Għawdex minflok f’postijiet oħra"
Biex ma nsemmux l-isforzi mqanżħa kif qiegħda ssir din il-konsultazzjoni pubblika: mhux biss iż-żmien li qiegħed isir hu qajla l-aktar ideali imma ma ngħatat l-ebda informazzjoni fejn jinstabu dawn ir-rapporti u fejn jistgħu jsiru s-sottomissjonijiet tal-pubbliku.

  L-anqas ma saret l-ebda laqgħa miftuħa għall-pubbliku sabiex jiġi spjegat x’wieħed qed jipprova iwettaq. Wieħed jistenna aħjar mill-Ministru responsabbli għall-konsultazzjoni pubblika, Helena Dalli għax jidher illi l-konsultazzjoni li qiegħda ssir hu biss għall-gallerija u mhux għax wieħed irid xi parteċipazzjoni pubblika sfiqa sabiex jasal għall-aħjar formula kif titwaqqaf din l-Awtorità.

Kif semmejt, iż-żewġ rapporti msemmija huma tassew xotti: b’kollox ma jiħdux aktar minn nofs siegħa biex taqrahom it-tnejn. Ir-rapport ta’ Cordina jirrepeti ħafna affarijiet li ilhom jingħadu bħal ngħidu aħna illi “Creation of jobs is the first priority”,  “Creation of higher value added activities”, “Incentivise growth of micro firms towards business efficieny and competitiveness” u “Enhance Physical and Virtual Connectivity”.  Min ma jaqbilx ma’ dawn l-affarijiet? Imbagħad jitkellem xi ftit dwar awtoritajiet reġjonali ta’ żvilupp fl-UE sabiex jikkonkludi bl-istqarrija illi Għawdex jixraqlu jiġi salvat u żviluppat għall-ġenerazzjonijiet li jmiss u illi l-istatus quo mhuwiex tenibbli għaliex iż-żgħażagħ qegħdin jivvutaw b’saqajhom u illi Għawdex għandu l-potenzjal illi jirnexxi.  Tassew imma mhux jekk jibqa’ jitmexxa bħala kolonja ta’ Malta kif inhu l-każ fil-preżent.

Ir-rapport ta’ Spiteri Gingell jgħidilna illi l-bord tal-Awtorità għandu jirrefletti l-karatteristiċi soċjo-demografiċi ta’ Għawdex u r-rappreżentanza istituzzjonali f’Għawdex u m’għandux ikun kbir iż-żejjed. L-hekk imsejħa konsultazzjoni pubblika naqset illi tindirizza l-punt kruċjali kif ser tkun magħmula din l-Awtorità. Jidher mir-rapport ta’ Spiteri Gingell illi l-Gvern ma jridx illi l-Awtorità tiġi eletta bil-vot populari imma ser tkun magħmula anke minn fost l-oħrajn rappreżentanti tal-korpi kostitwiti illi f’Għawdex qajla għandhom tradizzjoni illi jdardru l-għajn illi jridu jixorbu minnha.

Ir-rapport ta’ Spiteri Gingell jagħmilha ċara illi l-“Corporate Plan” ta’ kull tliet snin irid jiġi approvat mis-Segretarju Permanenti u mill-Ministru ta’ Għawdex.  Dan jindika illi l-Awtorità ser tibqa’ taħt il-kontroll strett tal-Gvern u ftit li xejn ser tgawdi awtonomija. Spiteri Gingell jgħid ukoll illi din l-Awtorità sejra tiddisinja l-Istrateġija tal-Isvilupp Reġjonali u tirrevediha kull tliet snin, tmexxi l-implimentazzjoni tagħha u tiffirma ftehim għat-twettieq ta’ din l-istrateġija ma’ entitajiet varji.

Funzjonijiet oħra tal-Awtorità huma t-twettieq ta’ studji ta’ stima ta’ impatt reġjonali u illi tipproponi l-politika ta’ żvilupp reġjonali lill-Ministru għal Għawdex. Il-mistoqsija waħedha tqum: min ser ikun responsabbli għall-politika ta’ żvilupp reġjonali, din l-Awtorità jew il-Ministeru għal Għawdex. Jekk ma jkunx hemm rabta ċara u qbil bejn din l-Awtorità u l-Ministeru għal Għawdex, żgur konfużjoni ser ikun hemm.

"It-twaqqif ta’ Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex huwa tassew meħtieġ u bit-twaqqif tiegħu jista’ joħroġ ħafna ġid. Sfortunatament, jidher illi dan il-proċess qed isir b’nuqqas ta’ ħeġġa"
Nuqqas kbir ieħor f’dawn ir-rapporti  hu illi mkien ma jissemmew il-Kunsilli Lokali u l-mod kif dawn ser jinterreaġixxu ma’ din l-Awtorità.  Sfortunatament, dan il-Gvern ftit li xejn għin fl-iżvilupp tal-Kunsilli Lokali u kieku għalih, probabilment jippreferi li ma jeżistu xejn. Jekk tassew nemmnu f’demokrazija parteċipattiva, il-kunsilli lokali jrid ikollhom sehem attiv fit-twettieq tal-ħidma ta’ din l-Awtorità.

L-anqas mhu ċar minn fejn din u kif l-Awtorità ser takkwista l-fondi biex tiffunzjona u fuq kollox, jekk hux ser tkun tista’ titlob direttament fondi Ewropej. Biex ikollna biss paraventu sabiex inkunu nistgħu nakkwistaw aktar fondi Ewropej hu qajla li dak li tant għandu bżonn il-poplu Għawdxi. 

It-twaqqif ta’ Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex huwa tassew meħtieġ u bit-twaqqif tiegħu jista’ joħroġ ħafna ġid. Sfortunatament, jidher illi dan il-proċess qed isir b’nuqqas ta’ ħeġġa.  Ħasra tassew għax qed tintilef opportunità oħra sabiex l-affarijiet f’Għawdex jitjiebu radikalment u dan sfortunatament fl-indifferenza ġenerali. Għax fuq kollox l-aktar ħaġa li jeħtieġ Għawdex hi tmexxija dinamika li tbiddel id-direzzjoni negattiva li qabdet din il-gżira. U mingħajr mexxejja dedikati, ftit li xejn jistgħu jinkisbu riżultati tajbin illi jifdu l-poplu mill-pjaga tal-klijentaliżmu.

Wieħed jista’ jaqra r-rapporti li semmejt  fuq https://meae.gov.mt/mt/Public_Consultations/MGOZ/Pages/CONSULTATIONS/GozoRegionalDevelopmentAuthority.aspx.  Min irid jissottometti l-veduti tiegħu dwar dina l-konsultazzjoni, jista’ jibgħat e-mail lill- [email protected] jew bil-posta sat-3 ta’ Settembru 2018.

[email protected]

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook