Editorjal | Għażla għaqlija, għal pajjiżna

Aħna nemmnu li dan il-pajjiż jixraqlu MEPs li għandhom biżżejjed saħħa biex jagħmlu d-differenza u biżżejjed saħħa biex jikkonvinċu

Mhux uffiċjalment, imma l-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bdiet. Kull festa li tmur tara kandidati taż-żewġ partiti (ġeneralment) jieħdu b’idejn in-nies u jkellmuhom u juru li huma viċin tagħhom. Minkejja li għad fadal disa’ xhur diġà qed insibu dak il-ktejjeb żgħir jew riklam fil-posta biex ifakkarna kemm l-MEP ‘qed jagħmel għal pajjiżna’ jew inkella kemm dik il-persuna kapaċi tagħmel jekk tkun eletta MEP.

Wara dawn l-aħħar snin huwa importanti li nirriflettu x’tip ta’ MEPs irridu bħala pajjiż. Irridu MEPs li se jaraw fi Brussell mezz biex inti tkun aħjar u anke, iva biex jinżamm taħt skrutinju l-Gvern ta’ pajjiżna? Jew irridu MEPs li jaraw fi Brussell l-opportunità tad-deheb biex pajjiżna jidher daqslikieku huwa mekka tal-mafja, basta jidher ikrah u ssir ħsara politika lill-Gvern?

Aħna nemmnu li dan il-pajjiż jixraqlu MEPs li se jkunu qrib in-nies u li se jwasslu lin-nies għand l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea għand in-nies. MEPs li jifhmu aħjar x’inhuma l-bżonnijiet individwali, imma iktar minn hekk settorjali u jiżguraw illi dawk il-bżonnijiet jitressqu quddiem l-UE. Jekk hux prezzijiet, jekk hux drittijiet, jekk hux opportunitajiet u jekk hux ilmenti.

Aħna nemmnu li dan il-pajjiż jixraqlu MEPs li għandhom biżżejjed saħħa biex jagħmlu d-differenza u biżżejjed saħħa biex jikkonvinċu. Jiddispjaċina ngħidu, kif diġà għidna f’editorjal ieħor li meta Malta kienet taħt skrutinju, perċeputa bħala ħofra tal-ħażen, korruzzjoni u kriminalità, l-MEPs Laburisti ma kellhomx biżżejjed saħħa tal-konvinzjoni biex tingħata l-istampa l-oħra tal-munita.

Jekk hux l-iskema ta’ ċittadinanza, jekk hux il-qtil barabru ta’ ġurnalista, jekk hux il-libertà tal-espressjoni... fil-kurituri tal-Parlament Ewropew u fil-Parlament innifsu dejjem iddominat in-narrattiva lil tagħti l-impressjoni illi Malta hija ġungla.

Aħna nemmnu wkoll imma, illi minkejja kollox l-MEPs jeħtieġu jżommu lill-Gvern taħt skrutinju, fil-Parlament Ewropew ukoll. Illum m’għadniex ngħixu fi żmien il-Medju Evu meta messaġġ jasal b’ħamiema jew fiż-żmien meta Malta kienet awtonoma minn kull poter ikbar minnha. Illum Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea u allura dak li jagħmel il-Gvern, dan u kwalunkwe Gvern ieħor, huwa ta’ interess għall-UE daqs kemm huwa tagħna. Sakemm dan l-iskrutinju jsir b’mod illi huwa ġust, meqjus u ma jkunx maħnuq mir-rgħiba politika, mela allura huwa skruntinju mixtieq.

Iktar minn kollox, nemmnu li għandna bżonn MEPs li se jitkellmu u jiġġieldu favur il-ġustizzja soċjali u kontra l-inugwaljanzi. MEPs li se jitkellmu biex l-UE ma titlef qatt ruħha u tispiċċa tqim il-flus u l-flus biss, a skapitù ta’ miljuni fi ħdanha li qed jgħixu fil-miżerja jew fix-xifer.

Nemmnu li l-MEPs għandhom ikunu voċiferi wkoll fuq kwistjonijet li ma jiqfux ma’ xtutna. Fuq kwistjonijiet ta’ demokrazija u saltna tad-dritt f’pajjiżi maġenbna, jekk hux is-sitwazzjoni mwiegħra fil-Libja, jekk hux it-theddid fuq id-demokrazija u l-mixja lejn il-fundamentaliżmu fit-Turkija jew jekk hux fuq il-ġlied u d-demm li jiċċarċar fil-Lvant Nofsnani f’taqbidiet li qishom eterni li qed iħallu tant vittmi (Palestina, Sirja...).

Sfortunatament, bħalma dejjem ġara (mhux Malta biss) dik tal-2019 se tindbidel f’tiġrija lokali, bir-riżultat ikun wieħed li se juri biss kemm hu b’saħħtu l-Prim Ministru jew kemm qabad art il-Kap tal-Oppożizzjoni u allura għal darb’oħra nitilfu l-opportunità biex nimmassimizzaw dak li aħna bħala poplu nistgħu ngawdu minnu mill-UE.

Is-sena d-dieħla Malta tagħlaq 15-il sena membru tal-UE. Ejja nfakkru dan il-mument billi s-sena d-dieħla nagħżlu rappreżentanti li l-ewwel u qabel kollox se jirrepreżentaw lilna u lill-prinċipji tagħna.

More in Blogs