Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Ftit ħsibijiet wara t-traġedja f’Ġenova

Carmel Cacopardo dwar it-traġedja f'Ġenova li ħalliet għexieren mejta

Carmel Cacopardo / 22 t'Awwissu 2018 17:11
Wara l-kollass tal-pont f’Ġenova hemm numru ta’ lezzjonijiet, anke għalina, mijiet ta’ kilometri ’l bogħod mill-pont Morandi.

Minkejja li l-investigazzjonijiet uffiċjali dwar l-għaliex seħħ dan il-kollass tal-pont għadhom bil-kemm bdew, il-midja Taljana diġà qed tiddiskuti dak li ġara fid-dettall. Il-pontijiet kollha fl-Italja qegħdin taħt il-lenti, b’mod partikolari dawk li hu magħruf li mhumiex f’kundizzjoni tajba u li allura jistgħu, f’qasir żmien jikkollassaw huma wkoll. Dan jassumi sinifikat ikbar meta wieħed iqis li f’dawn l-aħħar ħames snin, fl-Italja, diġà kkollassaw seba’ pontijiet oħra, u qisu ma ġara xejn!

Bla dubju, fost il-lezzjonijiet ewlenin, jeħtieġ nifhmu l-ħtieġa li nieħdu ħsieb u nikkuraw b’mod adegwat il-proġetti pubbliċi. Għax anke f’Malta, wara li l-proġetti pubbliċi jkunu saru, ħafna drabi ftit nagħtu kas tagħhom. Ħarsa ftit lejn il-flyover li tifforma parti mill-bypass tal-Marsa/ Ħal Qormi kif inhi llum, tkun biżżejjed, avolja kif ħabbret Infrastruttura Malta nhar il-Ġimgħa ma hemm l-ebda ħsara strutturali. Huwa biss issa li tħabbar li ser jibda programm ta’ manutenzjoni, issa li n-nies, wara l-istraġi ta’ Ġenova, bdiet tistaqsi l-mistoqsijiet. Forsi, min jaf, mil-lum ’il quddiem jibda jkollna skeda regolari ta’ manutenzjoni tal-proġetti pubbliċi kollha. Forsi xi darba l-mini ta’ Santa Venera ma jibqgħux iqattru.

"L-inkapaċità tal-Fondazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni bażika dwar proġett ta’ dan il-kobor ifisser falliment istituzzjonali u negliġenza grassa fl-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi"
Hemm ukoll x’jingħad dwar il-governanza tajba fil-proġetti pubbliċi.

Deċiżjoni riċenti tal-bord li jirrevedi l-kuntratti pubblici (Public Contracts Review Board) hi ta’ tħassib kbir. L-għoti tal-kuntratt għall-bini u t-tkomplija taċ-Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid ġie mwaqqaf wara li Public Contracts Review Board esprima dubji serji fuq kif tmexxew il-proċeduri tal-evalwazzjoni tal-offerti. Fil-fatt ġie identifikat li żewġ professjonisti (inġinier u perit) kienu konsulenti kemm tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi tal-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll ta’ tnejn minn dawk li tefgħu l-offerti. Fil-fehma tiegħi huwa diffiċli ferm biex nifhem kif ħadd mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ma induna b’dan il-kunflitt ta’ interess. 

Kont nistenna xi ħaġa aħjar mill-Fondazzjoni, għax jidher li ftit li xejn qed jagħtu importanza lill-ħtieġa ta’ governanza tajba fil-ħidma tagħha.

Issa li l-Public Contracts Review Board ħa deċiżjoni nistenna li l-korpi professjonali li jirregolaw l-inġiniera u l-periti jeżaminaw sewwa l-każ biex jaraw x’passi għandhom jieħdu f’dak li hu ksur ta’ etika professjonali bażika.

Il-kontroll adegwat tal-materjali li jintużaw fuq is-sit ta’ kostruzzjoni hi materja oħra ta’ importanza fundamentali. Din mill-ewwel tfakkarni fl-investigazzjoni li saret dwar il-kwalità tal-konkos użat fl-isptar Mater Dei. Anke hawn kienet responsabbli l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Dwar dan ma kienx hemm biss l-inkjesta li saret taħt it-tmexxija tal-Imħallef irtirat Philip Sciberras imma wkoll rapport tal-Awditur Ġenerali fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi. Dan ir-rapport kien konkluż u ppubblikat f’Mejju li għadda.

Niftakru li l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu kien emfasizza li rriżultalu li kien hemm nuqqas kbir ta’ dokumentazzjoni dwar kull stadju tal-proġett (significant lack of documentation with respect to all stages of the project). Dan wassal lill-istess Awditur Ġenerali biex jikkonkludi li “l-inkapaċità tal-Fondazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni bażika dwar proġett ta’ dan il-kobor ifisser falliment istituzzjonali u negliġenza grassa fl-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi” (the Foundation’s inability to provide basic information relating to a project of this magnitude represents an institutional failure and gross negligence in the administration of public funds).

"Jeħtieġ nifhmu l-ħtieġa li nieħdu ħsieb u nikkuraw b’mod adegwat il-proġetti pubbliċi. Għax anke f’Malta, wara li l-proġetti pubbliċi jkunu saru, ħafna drabi ftit nagħtu kas tagħhom"
Min-naħa l-oħra, anke l-inkjesta mmexxija mill-Imħallef irtirat Philip Sciberras identifikat nuqqasijiet kbar li dwarhom irrakkomandat li jittieħdu passi.

B’mod partikolari qed nara quddiemi l-konklużjoni numru 5 tar-rapport  Sciberras li tgħid li “n-nuqqasijiet gravi li nkixfu bir-rapporti tekniċi tal-lum jindikaw li l-konkos dgħajjef li nstab f’kull parti tas-sit hu riżultat intenzjonat ta’ azzjonijiet bi skop ta’ frodi.

Il-Bord ifforma l-impressjoni ċara li l-ġrajjet li wasslu għal dan ma kinux riżultat ta’ koinċidenza, lanqas ma kienu providenzjali, imma warajhom kien hemm id moħbija li tagħti direzzjoni” (the widespread failings uncovered by the present day technical reports indicate that the pervasive weak concrete found in the site is a result of intended fraudulent actions. Moreover the Board is left with a distinct impression that events as they transpired were not the fruit of coincidence or providence but seem to indicate an element of concentration and direction). 

Ma tantx jidher li sar wisq dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet. X’qed nistennew? Li jaqa’ xi mkien?

Hemm tagħlima waħda bażika minn Ġenova: in-nuqqas ta’ governanza tajba tista’ twassal ukoll għall-imwiet.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook