Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Il-mina bejn Malta u Għawdex: il-qerda finali t’Għawdex wara l-bieb

Carmel Cacopardo jqis il-mina bejn il-gżejjer bħala theddida kbira għall-gżira Għawdxija

Carmel Cacopardo / 17 t'Awwissu 2018 16:36
Nhar l-Erbgħa festa pubblika. Hi wkoll id-data tal-għeluq għall-konsultazzjoni pubblika li qed tagħmel l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq it-termini ta’ referenza għall-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) tal-mina proposta bejn Malta u Għawdex.

Is-sit elettroniku tal-ERA jippreżenta żewġ dokumenti sabiex jassistu lil dawk li qed jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika. Dawn id-dokumenti jispjegaw il-proposta u jidentifikaw numru ta’ fatturi li jistgħu jkunu jeħtieġu investigazzjoni, u dan biex dawk li jieħdu d-deċiżjoni jkunu megħjuna  jagħmlu l-“aħjar” għażla.

F’dawn id-dokumenti hemm numru ta’ nuqqasijiet li jistunaw u juru kemm Transport Malta tiġi taqa’ u tqum mill-wirt ambjentali tagħna.

Transport Malta tibbaża l-proposti tagħha fuq ir-rapport ta’ Mott MacDonald, datat Marzu 2012 u intitolat: Preliminary Analysis: Assessment of Road Tunnel Options between Malta and Gozo. Wara li kkunsidrat erba’ proposti differenti għall-mina kif imfisser fir-rapport ta’ Mott MacDonald, Transport Malta ddeċidiet li tagħżel il-proposta numru 4 b’emenda: hi proposta li tkun tikkonsisti f’mina waħda b’żewġ karreġjati u tibda mill-inħawi taħt Ta’ Kenuna fin-Nadur Għawdex u tispiċċa fl-Imbordin biswit il-Wied tal-Pwales f’San Pawl il-Baħar.

Fid-dokumenti jgħidulna li l-ewwel tliet proposti kienu skartati għax setgħu jikkawżaw ħsara ambjentali sostanzjali f’qiegħ il-baħar jew lir-riżerva naturali tal-Għadira.  Imma la Transport Malta u l-anqas l-ERA ma ħassew il-ħtieġa li jgħidulna fid-dokumenti li ippubblikaw li meta ntgħażlet il-proposta numru 4 u ġġebbdet sal-Imbordin biswit il-Wied tal-Pwales din ġiet viċin wisq tar-riżerva naturali l-oħra, tas-Simar, u tgħaddi dritt mill-Miżieb, mal-pjan tal-ilma.

"F’dawn id-dokumenti hemm numru ta’ nuqqasijiet li jistunaw u juru kemm Transport Malta tiġi taqa’ u tqum mill-wirt ambjentali tagħna"
Ir-riżerva naturali tas-Simar hi sit ikklassifikat bħala Natura 2000 tal-UE, u l-pjan tal-ilma tal-Miżieb hu l-uniku wieħed sura li fadlilna. Allura hemm il-possibbiltà kbira li din il-proposta għal mina tmur kontra żewġ direttivi importanti tal-Unjoni Ewropea: id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Abitat.

Fl-2015 il-medja ta’ movimenti ta’ karozzi bejn Malta u Għawdex, kif jirriżulta mill-istatistika uffiċjali,  hi ta’ madwar 3000 kuljum. Id-diversi studji u rapporti ppubblikati sal-lum jikkalkulaw li l-mina, meta tkun lesta, tista’ twassal sabiex in-numru ta’ karozzi li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer jitla’ bejn 9000 u 10,000 kuljum. Gordon Cordina minn Ecubed, fir-rapport tiegħu kkummissjonat minn Transport Malta u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, jindika li ser tintlaħaq iċ-ċifra ta’ 9000 karozza kuljum, filwaqt li r-rapport Mott MacDonald jipponta lejn l-10,000 karozza kuljum.

Din iż-żieda konsiderevoli fil-moviment ta’ karozzi teħtieġ li tkun analizzata fil-kuntest tal-politika kurrenti dwar it-Trasport. Il-master plan dwar it-trasport addottat mill-Gvern preżenti u ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali hu ċar.  Dan il-pjan jgħid li matul l-għaxar snin li fih ser ikun effettiv (2016-25), wieħed mill-oġġettivi ewlenin tal-politika tat-trasport f’Malta hi enfasi fuq l-użu ta’ mezzi alternattivi għall-karozzi privati u li fil-gżejjer Maltin jonqos l-użu tal-karozza privata.

Mela Transport Malta, għan-nom tal-Gvern Malti fl-2016, tistabbilixxi politika dwar it-trasport biex tkun indirizzata l-konġestjoni tat-traffiku billi tinkoraġġixxi bdil fl-imġiba favur mobilità sostenibbli,    u mbagħad toħroġ bi proposti bħal dawn tal-mina bejn Malta u Għawdex, li biex jagħmlu sens jirrikjedu żieda enormi fit-traffiku.

"Din hi s-sitwazzjoni li għandna llum. Drajna b’Awtorità tal-Ippjanar sinkronizzata mal-lobby favur l-iżvilupp"
Id-dokumenti fuq is-sit elettroniku tal-ERA għall-informazzjoni ta’ dawk li jridu jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika dwar il-mina bejn Malta u Għawdex jinjoraw kompletament il-politika dwar it-trasport.

Din hi s-sitwazzjoni li għandna llum. Drajna b’Awtorità tal-Ippjanar sinkronizzata mal-lobby favur l-iżvilupp. Sfortunatament jidher li l-Awtoritá dwar l-Ambjent u r-Riżorsi miexja fuq l-istess passi. Il-jiem huma magħduda. Bla dubju dan se jwassal għall-qerda ta’ Għawdex ukoll.

L-awtur, li hu Perit, hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook