Editorjal | Minn Valletta sa’ Brussell; L-istess diska!

Mill-Valletta Summit sal-ġimgħa l-oħra fi Brusell...imma ħareġ xi ħaġa ġdida jew l-istess wiegħdi u dikjarazzjonijiet li xbajna nisimgħu?

“Ninsabu mħassbin ferm biż-żieda fin-numru ta’ refuġjati, dawk li qed ifittxu l-ażil u l-immigranti irregolari (fl-Ewropa), li jfisser tbatija, abbuż u sfruttament partikolarment tat-tfal u nisa...naqblu li nirrispondu b’mod deċiżiv u li flimkien nimmaniġġjaw id-dħul tal-immigranti (fl-Ewropa) fl-aspetti kollha tiegħu, iggwidati mill-prinċipji tas-solidarjetà, għaqda u qsim tat-responsabilità (shared responsability).”

Familjari? Mhux mis-Summit ta’ din il-ġimgħa għalkemm m’għandniex dubju li dan il-kliem reġa’ ntqal u nkiteb f’xi dokument biex jikkommemora din il-laqgħa ta’ mexxejja Ewropej li bħal ta’ qabilha ma wasslet għal imkien. Dan il-kliem intqal fid-Dikjarazzjoni Finali tal-Valletta Summit li sar f’Novembru 2015, iktar minn sentejn u nofs ilu.

Tiftakruh dak is-Summit meta l-Ewropa ltaqgħet f’Malta u kellna ħafna ċirimelli u daqq ta’ trombi u anke kxif ta’ monument? Waqt li aħna l-Maltin, u biex xieraq, konna kburin bil-kapaċitajiet organizzattivi u bil-mod kif il-Gvern tal-ġurnata fil-fatt tella’ din l-attività, it-28 mexxej tal-Unjoni Ewropea kienu qed jiddiskutu ‘it-tħassib tal-immigrazzjoni’ fuq il-prinċipju tal-qsim tar-responsabilità.

Minn dak iż-żmien mhux talli ma nqasmux ir-responsabilitajiet, talli il-Greċja, l-Ungerija u l-Bulgarija bnew il-ħitan, l-Italja ssiġġillat il-fruntieri u għalissa Malta se taqgħlaq il-port, għallinqas għal xi żmien.

Nistgħu għalhekk, prattikament b’mod uffiċjali, niddikjaraw il-kunċett tal-‘burden sharing’ u ‘responsability sharing’ bħala falluti. Qatt ma ħadem il-kunċett u meta kien hemm attentat sejru biex naqsmu r-responsabilità u t-tagħbija kienu biss Malta u l-Irlanda li qdew dmirhom. Jiġifieri prattikament, il-pajjiżi kważi kollha ġew jaqgħu u jqumu minn dan il-ħafna dikjarazzjonijiet u wiegħdi wara kull summit, għamlu dak li riedu u ma ġarrewx din ir-responsabilità.

Din il-ġimgħa sar dan is-Summit u l-eżerċizzju ta’ ‘Burden sharing’ lanqas biss issemma, minflok għandna sistema ta’ rilokazzjoni fuq bażi volontarja, li prattikament tfisser illi pajjiż jaċċetta li jieħu immigranti, sakemm min imexxi dak il-pajjiż jibda jħoss l-għafsa popolari mill-votanti.

“Ir-rispons komuni tagħna se jiffoka fuq it-tnaqqis tal-faqar, promozzjoni tal-paċi, governanza tajba, saltna tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.....inqajmu t-tama mill-ġdid fiż-żgħażagħ Afrikani.”

Hekk intqal fid-dikjarazzjoni tal-Valletta Summit fl-2015. U llum, sentejn u nofs wara, fejn ninsabu? Ninsabu fejn konna sentejn u nofs ilu. Il-kontinent Afrikan għadu mifni bil-faqar u l-instabbilità, biżżejjed inħarsu lejn il-pajjiż ġar tagħna, il-Libja. Minflok f’dan is-Summit il-mexxejja Ewropej tefgħu €500 miljun lejn il-problemi fl-Afrika, €500 miljun li se jmorru mal-miljuni u biljuni oħrajn li marru fl-Afrika matul is-snin u li ġew imwiegħda summit wara summit wara summit.

“Se naħdmu flimkien biex nevitaw u niġġieldu kontra t-traffikar tal-immigranti billi neradikawh (it-traffikar).”

Hekk tgħid id-dikjarazzjoni tal-Valletta Summit tal-2015. Eżatt hekk ġara! Qed jingħad li hemm miljuni kollha jistennew biex jitilqu u ħafna minnhom qed jitilqu kif rajna f’dawn il-ġimgħat.

Allura mhux bilfors in-nies jitlifu l-fiduċja fil-mexxejja Ewropej u qed jagħżlu partiti tal-lemin estrem u partiti populisti li jwiegħdu li jwaqqfu l-immigrazzjoni? Il-verità hija li sezzjoni dejjem tikber ta’ Ewropej ma jridux Ewropa kożmopolitana u l-politiċi din jafuha. Għalhekk proposti bħall-Visas għall-immigranti  u kif hemm miktub fl-istess dikjarazzjoni tal-Valletta Summit “nipprovdu aċċess għal informazzjoni dwar immigrazzjoni legali...” ġew mogħtija l-ġenb. Ara liema pajjiż se jaqbel ma’ din il-proposta, hekk kif eluf ta’ immigranti deħlin fil-kontinent?

Is-Summit ġie u għadda. Kien hemm apsettativa li xi ftit jew wisq ma ntlaħqitx. Issa nistennew sa’ summit ieħor biex il-mexxejja Ewropej jerġgħu jiltaqgħu, jieħdu l-‘family photo’, jippużaw għall-udjenza lokali, jinqaflu ġo kamra u wara ftit sigħat joħorġu bl-istess soluzzjoni u dikjarazzjonijiet irriċiklati li smajna sentejn u nofs ilu fil-Valletta Summit.

Xi ħadd għandu bżonn ibiddel il-plakka tal-monument tal-għoqda li saret biex tikkomemora l-Valletta Summit u minflok jikteb ‘L-għoqda tgħaqdet ħafna iktar u l-Valletta Summit ma sewa’ (kważi) għalxejn.”

More in Blogs