Ittri Il-punt Blogs

Editorjal | Ewropa tal-ħitan u fruntieri ssiġillati

Ħitan, fruntieri ssiġġillati u Malta pajjiż kożmopolitan...imma qed nippjanaw? U l-Ewropej iriduhom lill-immigranti?

Albert Gauci Cunningham / 20 ta' Ġunju 2018 11:35
 Il-ġimgħa l-oħra kienet immarkata bil-kwistjoni tas-600 immigrant li nqabdu bejn sema u ilma f’battalja legali bejn Malta u l-Italja.

Se nibdew bl-aktar valur importanti mhux biss f’dan l-episodju imma dejjem, il-valur tal-ħajja. U allura qabel biss nitkellmu dwar min kellu raġun u min ma kellux u x’jista’ jsir għall-futur, irridu nisħqu illi l-aktar fattur pożittiv kien li ħadd minn dawn is-600 ma tilef ħajtu.

Ċerti, u fil-fatt kienet irrimarkata mill-Prim Ministru Muscat fi stqarrija Ministerjali t-Tnejn filgħaxija, illi kieku mqar ħajja waħda kienet fil-periklu konna naqbdu r-riżorsi u mmorru nsalvawha. U minn hawn li rridu nibdew. Għax jekk il-punt tat-tluq f’din id-diskussjoni ma jkunx mid-difiża tal-ħajja, lil hinn minn dak li huwa legali, allura nissugraw li ninżlu triq perikoluża li twassal biss għall-mibgħeda, l-inġustizzja u f’każi estremi anke vjolenza.

Ladarba naċċettaw illi kull ħajja umana hija sagrosanta u l-valur tal-ħajja jissupera kull kunsiderazzjoni oħra, imbagħad iva nistgħu ngħidu li Malta kellha raġun, ladarba l-immigranti qed jinġabru u jittieħdu sal-eqreb port sigur. L-eqreb port sigur kien fl-Italja, allura kellha tkun l-Italja li teħodhom. Il-PM għamel sew li ma ċediex u l-Oppożizzjoni għamlet sew li tat appoġġ lill-Gvern.

"jekk il-punt tat-tluq f’din id-diskussjoni ma jkunx mid-difiża tal-ħajja, lil hinn minn dak li huwa legali, allura nissugraw li ninżlu triq perikoluża"
Imma jeħtieġ ma nħarsux lejn dan l-inċident bħala wieħed f’iżolament. Dak li ġara seħħ fid-dawl ta’ reżistenza ġejja minn diversi bnadi fl-Unjoni Ewropea kontra d-dħul ta’ immigranti fil-kontinent. Kellna l-Ungerija tibni l-ħitan biex ma jidħlux immigranti, kellna l-Greċja tibni l-ħitan mat-Turkija, kellna l-Maċedonja tibni ħitan mal-Greċja biex ma tħallix l-immigranti jidħlu, kellna l-Bulgarija li bniet ħajt biex iżżomm l-immigranti ’l barra u issa l-Italja qed thedded li se tissiġilla l-fruntieri tagħha fil-baħar. Dan biex ma nsemmux il-fatt illi f’tal-anqas żewġ pajjiżi, jiġifieri Franza u l-Olanda kellek żewġ Partiti (Front National u l-Partit għal-Libertà) li ġew l-eqreb biex imexxu l-pajjiż milli qatt ġie l-lemin estrem, fl-Awstrija l-lemin estrem jinsab fil-koalizzjoni li qed tiggverna u fir-Renju Unit l-moviment li ħambaq tant kontra l-immigrazzjoni rebaħ referendum li issa se jwassal għall-Brexit. Il-Ġermanja? Angela Merkel batiet konsegwenzi elettorali bi tnaqqis ta’ appoġġ (parzjalment) talli laqgħet lill-immigranti b’idejha miftuħin.

F’Malta, fejn iż-żewġ partiti baqgħu jiddominaw ix-xena grazzi għal-lealtà li ħafna juru fihom, qatt ma kellna xi moviment qawwi biżżejjed lejn il-lemin estrem. Iżda jekk qatt din il-lealtà ddub fix-xejn m’hemmx dubju li f’pajjiżna wkoll moviment tal-lemin estrem, mibni fuq sentiment ta’ anti-immigrazzjoni u forsi anti-Ewropew ukoll jista’ jsib art fertili.

Dan kollu juri illi llum, inħarsu kemm inħarsu n-naħa l-oħra u ma nammettux, qed ngħixu f’Ewropa li qed tagħlaq il-bibien u li tissiġilla l-fruintieri. L-Ewropa li waqqgħet il-ħitan illum reġgħet qed tibnihom, f’xi postijiet litteralment u f’postijiet oħrajn fil-psike tan-nies.

"inħarsu kemm inħarsu n-naħa l-oħra u ma nammettux, qed ngħixu f’Ewropa li qed tagħlaq il-bibien u li tissiġilla l-fruintieri. L-Ewropa li waqqgħet il-ħitan illum reġgħet qed tibnihom"
L-Ewropa kożmopolitana li diversi mexxejja aktar liberali, bħal Joseph Muscat, jitkellmu dwarha llum m’għadhiex il-ħolma, iżda saret il-ħmar il-lejl ta’ ħafna Ewropej. U hija din l-għerq tad-dgħajsa Aquarius u ħafna inċidenti oħrajn li jitrattaw l-immigrazzjoni; ir-reżistenza dejjem tikber ta’ diversi gvernijiet, u allura ta’ sezzjoni mill-popolazzjoni Ewropea, biex jaċċettaw immigranti f’pajjiżhom.

U diment li din is-sezzjoni tibqa’ tikber u tkun rappreżentata fil-gvern jew minn partiti b’saħħithom fl-oppiżizzjoni, inċidenti bħal dik ta’ din il-ġimgħa se jibqgħu jiġru fil-Mediterran u madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Issa se jerġa’ jkollna summit tal-Mexxejja Ewropej. Imma nittamaw u nappellaw biex dan is-summit ma jkunx wieħed b’ħafna pożi, ċerimonji u paroli, jew wieħed li jitfa’ l-flus lejn il-problema. Jeħtieġ li l-mexxejja Ewropej l-ewwel u qabel kollox jirrealizzaw li qed ngħixu f’Ewropa tal-‘barbed wire’ u l-ħitan, fejn il-barrani m’għadux milqugħ jew huwa inqas milqugħ minn qabel. Jeħtieġ jiddiskutu jekk iridux kontinent kożmopolitan, b’diversi nazzjonalitajiet jaħdmu u jgħixu fl-Ewropa jew inkella hux se mmorru għal Ewropa magħluqa, li tara lill-barrani bħala theddida għall-valuri tagħna. U jekk niddeċiedu li se jkollna Ewropa miftuħa, is-summit għandu juri t-triq għal politika (jekk hemm bżonn komuni) ta’ integrazzjoni li tkun organizzata u li tikkunsidra l-fatturi soċjali, politiċi u kulturali kollha possibbli.

"jekk vera, kif qalu l-Malta Employers Association li l-popolazzjoni se titla’ għal 700,000, mela rridu nippjanaw. Irridu infrastruttura stellari, titjib qawwi fit-trasport pubbliku biex ilaħħaq għal domanda li se tkompli tiżdied "
Lokalment, irridu nibdew niddiskutu pjan. Mhux billi nitfgħu ċ-ċifri tal-barranin b’mod leġġer u nwaħħlu tikketti sbieħ. Jekk vera, kif qalu l-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà li ġew 87,000 ħaddiem mill-2013 u 80,000 oħrajn sal-2021 u jekk vera, kif qalu l-Malta Employers Association li l-popolazzjoni se titla’ għal 700,000, mela rridu nippjanaw. Irridu infrastruttura stellari, titjib qawwi fit-trasport pubbliku biex ilaħħaq għal domanda li se tkompli tiżdied u studju ta’ kif din iż-żieda fil-popolazzjoni se taffettwa s-suq tal-proprjetà, il-pagi, il-kirjiet privati, in-nefqa tal-pajjiż f’servizzi soċjali, it-traffiku, l-iskejjel u kif il-fatt li kważi nofs il-popolazzjoni se tkun barranija se tbiddel id-dimensjoni soċjali ta’ pajjiżna.

Tajjeb li nattiraw il-barranin, imma jekk dan kollu se jsir bla pjan se jkun kontroproduttiv. Għax minflok għarfien dwar il-barrani, se tinħoloq animożità u antipatija li tista’ twassal biex xi darba anke Malta jkollha is-Salvini tagħha.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook