Opinjoni | Louis u Edward

Il-Ministru Bonnici dwar Louis Grech u Edward Scicluna

Mhuwiex soltu li politiku jikteb fuq politiċi oħra – speċjalment meta dawn ikunu għadhom qed iwettqu funzjoni kruċjali fil-pajjiż.

Xtaqt nagħmel eċċezzjoni u ngħaddi ħsibijiet dwar żewġ politiċi li fil-fehma tiegħi kienu, għadhom u jibqgħu kruċjali fis-suċċess kbir li wettaq pajjiżna taħt it-tmexxija straordinarja ta' Joseph Muscat – Louis Grech u Edward Scicluna.

Probabbilment huma dawn l-ewwel żewġ politiċi ta' suċċess b'nisġa radikalment differenti minn dak li qatt rajna qabel fl-istorja ta' pajjiżna.  Ma jirrappreżentawx dak li s-soltu nifhmu b'politiku hawn Malta għaliex fil-mixja politika tagħhom ħolqu realtà politika ġdida li ftit ħafna – jekk mhux impossibbli – li xi ħadd ieħor ikun tal-istess drapp.

Qed ngħid b'nisġa differenti mhux għaliex it-tnejn kienu Membri Parlamentari Ewropej li għamlu isem għal Malta u forsi politiċi oħrajn b'saħħithom li ġew qabilhom. Qed ngħid b'nisġa differenti għaliex jirrappreżentaw dimensjonijiet li ma rajniex bħalhom qabel.

Ħa nispjega ftit.

Huwa fatt li fis-sistema politika tagħna, l-ewwel kmandament għal politiku hu li jkun qrib in-nies kemm jista' jkun possibbli u jagħmel differenza b'mod kapillari fil-ħajja tan-nies.  Naturalment il-Mexxejja tal-Partiti Politiċi ewlenin għandhom realtajiet differenti, fatturi iktar iebsin u iktar diffiċli mill-bqija tal-politiċi, u piż ferm u ferm ikbar meta tqis id-deċiżjonijiet kbar li jieħdu ta' kuljum (speċjalment għall-Mexxej tal-Partit fil-Gvern).  Biss il-bqija tal-politiċi kollha ma jistgħu qatt jippretendu li jerġgħu jkunu eletti u mogħtija fiduċja f'elezzjoni ġenerali jekk ma jissodisfawx dan il-kmandament kruċjali. Fil-fehma tiegħi, probabbilment għall-ewwel darba fl-istorja ta' pajjiżna, kellna politiċi li jattiraw il-fiduċja essenzjalment għax jirrappreżentaw xi ħaġa differenti – ċioè l-fiduċja kważi għamja li bihom fit-tmun ta' oqsma finanzjarji u ekonomiċi kruċjali pajjiżna se jmur 'il quddiem.

Louis Grech huwa fl-aqwa tiegħu fejn jien inħoss li l-iktar li għad fadalli x'nitgħallem - fl–analiżi tat-teħid tad-deċiżjoni u fil-proċess ta' ħsieb li jwasslu biex eventwalment tittieħed id-deċiżjoni t-tajba f'oqsma essenzjalment finanzjarji u ekonomiċi.  L-hena tiegħi hi li narah japplika dak kollu li jaf dwar ir-riżoluzzjoni ta' xi kwistjoni partikolari waqt li nkunu miġburin madwar il-mejda tal-Kabinett.  Trid nies Ii jwettqu, trid nies li jekk jingħataw brief jagħmluha u jagħmluha tajjeb, fil-ħin u mingħajr skossi.  Però trid ukoll nies li janalizzaw u li jwasslu għad-deċiżjoni t-tajba bbażati fuq snin ta' esperjenza ekonomika u finanzjarja li ma ġġibhiex mil-lum għal għada.

Jingħad x'jingħad anke d-demokrazija u s-saltna tad-dritt issaħħu b'liġijiet storiċi li qatt ma saru fil-ġenerazzjonijiet ta' qabel. Għad fadal xi jsir u se nkomplu naħdmu

Nies jifhmu fil-liġi ssib ħafna u probabbilment jiffokaw fuq il-problemi u d-diffikultajiet.  Nies li jafu t-tessut ekonomiku u finanzjarju u jdawru sfida f'opportunità huma rarità.

Ftit ilu għext din ir-realtà b'mod dirett.  Fil-Kabinett konna qed niddiskutu kif nistgħu nsewwu sitwazzjoni legali li nħolqot wara li diversi Qrati ġabu l-liġi tal-1979 dwar iċ-ċnus li jiġu konvertiti f'kirjiet trietaq  bil-konsegwenza li ħafna anzjani qed jgħixu f'sitwazzjoni ta' inċertezza dwar il-post fejn trabbew huma u familthom.  Mil-lat legali kont konvint u ppreparat tajjeb.  Biss, Louis Grech - li llum hu konsulent importanti tal-Prim Ministru u jattendi l-Kabinett - seta' jara dimensjoni wkoll ekonomika li jien ma kontx qed nara u l-pariri li tani biex intejjeb dak li kont qed nippreżenta rriżultaw fid-dibattitu Parlamentari li segwa wara li kienu għaqlin iktar milli ħsibt u rrendew il-proposta legiżlattiva tant b'saħħitha li l-Oppożizzjoni qablet magħha wkoll.   Din hi d-differenza li semmejt qabel u l-fatt li l-elettorat japprezza din il–valuta frankament jimpressjonani ħafna.

Huwa vera li Louis Grech ma kkontestax l-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet, iżda r-rispett li jgawdi fost il-poplu hu wieħed enormi u mistħoqq.  Il-karriera politika u s-suċċess popolari kemm fil-Parlament Ewropew u bħala deputat Prim Ministru u issa bħala konsulent titkellem weħidha.

Il-Professur Edward Scicluna hu tip differenti minn Louis Grech iżda jixbhu f'ħafna aspetti.

F'dawn l-aħħar jiem ħdimt ħafna qrib tiegħu u rrid ngħid li hija esperjenza li titgħallem ħafna minnha.  Wara l-ħajt ta' umilta' straordinarja meta tqis il-ħiliet finanzjarji u ekonomiċi kbar ta' dan ir-raġel, issib persuna li ma tiddejjaqx tisma', ma tiddejjaqx tieħu pariri fuq il-livell politiku però fl-istess ħin persuna li tgħidlek x'għandu jsir b'konvinzjoni u b'esperjenza inkredibbli.  Jitkellem dwar kif jaħdmu l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin bl-amment għax ħadem magħhom u jirrispettawh ħafna.

Fil-laqgħat formali u informali li kellna fil-jiem li għaddew mal-Kummissarju tal-Ġustizzja Vera Jourova, il-Professur Scicluna kien sors ta' gwida kbira fil-kamp tas-servizzi finanzjarji u t-tisħiħ ta' regolamentazzjoni.  Meta jitkellem hu, in-nies – anke dawk li jiġu minn barra – jieqfu biex jisimgħu.  Hu wkoll kien il-moħħ wara l-ħamsin azzjoni li fassal il-Gvern biex issaħħaħ is-servizzi finanzjarji.  Hu kien ukoll il-moħħ wara t-task force li ġabet flimkien l-aġenziji kollha li jirregolaw – min b'mod u min b'ieħor – dan is-settur il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

Però trid ukoll nies li janalizzaw u li jwasslu għad-deċiżjoni t-tajba bbażati fuq snin ta' esperjenza ekonomika u finanzjarja li ma ġġibhiex mil-lum għal għada

Fl-istess waqt hu jagħmel dan b'mod li jħallik tiddiskuti u tasal fi ftehim miegħu dwar aspetti ta' strateġija politika, in-nisġa tal-messaġġi jew kif wieħed jikkoordina x-xogħol.

Is-sens kbir ta' serħan il-moħħ għall-pajjiż sħiħ li tagħtik il-preżenza ta' Edward Scicluna fis-siġġu tal-Ministeru tal-Finanzi hija xi ħaġa li diffiċli tikkwantifikaha.

M'għandix dubju li id f'id flimkien ma' Ministri oħrajn ewlenin bħal Helena Dalli u Michael Farrugia – li l-esperjenza tagħhom hi vasta u kbira – se negħlbu l-isfidi ġodda li ġabu magħhom ir-regoli li ddaħħlu riċentement fl-Unjoni Ewropea fit-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

EPPO

Kien mument sabiħ meta, f'isem il-Gvern lill-Kummissarju Jourova tajtha l-istrumenti kollha sabiex pajjiżna jsir formalment parti mill-Prosekutur Pubbliku Ewropew.  L-ewwel ħaġa li rrimarkatli kienet li l-EPPO twieled fi żmien meta jien kont Chairperson tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u nemmen li baqgħet tapprezza l-isforz li konna għamilna biex inwelldu dan l-Uffiċċju li kien ilu minn żmien Vivienne Reding biex jitwieled. Biex wasalna konna ħadna deċiżjoni li l-ewwel niftħu l-bieb għal grupp ta' pajjiżi li jidħlu fl-EPPO mingħajr ma nistennew lil kulħadd jidħol (għax anke Malta riedet tara l-affarijiet kif kienu se jiżvolġu l-ewwel) u mbagħad kont ħdimt flimkien mal-ħabib tiegħi l-Ministru tal-Lussemburgu Felix Braż (li kien jirrappreżenta pajjiż li ried jidħol fl-EPPO mill-bidu nett) biex nagħlaq il-pakkett kollu.  Ir-riżultat kien wieħed ta' suċċess u l-EPPO twieled. Konna tajna kelma lill-Kummissjoni Ewropea li matul il-Presidenza tagħna nwelldu l-EPPO u l-kelma żammejnieha.

Nemmen li dħalna fl-aqwa mument li stajna nidħlu fejn irbaħna biżżejjed ħin biex naraw kif kien se jiżvolġi fil-prattika dan l-uffiċċju però fl-istess waqt ma tlifniex il-ferrovija fis-sens li dħalna fiż-żmien fejn ċertu deċiżjonijiet relatati mal-funzjonament tal-uffiċċju għadhom iridu jittieħdu.

Tim formidabbli

Dan hu t-tim formidabbli li bena madwaru Joseph Muscat li ismu se jibqa' mniżżel fl-istorja għas-suċċessi straordinarji li kiseb.  Lil hinn mir-riżultati elettorali uniċi li kiseb, biddel pajjiż sħiħ għall-aħjar b'suċċess ekonomiku b'saħħtu u importanti.  Jingħad x'jingħad anke d-demokrazija u s-saltna tad-dritt issaħħu b'liġijiet storiċi li qatt ma saru fil-ġenerazzjonijiet ta' qabel.  Għad fadal xi jsir u se nkomplu naħdmu.

Dan hu kollu mertu ta' Joseph Muscat għall-ħidma inkredibbli li wettaq u se jkompli jwettaq.

More in Blogs