Editorjal | Pjanar, indafa u każini..

Il-każini tal-banda, it-trasport pubbliku, is-sajf u l-indafa f'ħafna żoni turistiċi...jikteb l-editur tal-gazzetta ILLUM

Issa s-Sajf qiegħed magħna u mas-sajf ikollna influss ta’ turisti. Jidher li din is-sena l-ammont ta’ turisti se jkun mill-ġdid, wieħed pjuttost kbir.

Minkejja li dan ifisser iktar flus, iktar kummerċ, iktar qligħ u allura ekonomija ikbar, ifisser ukoll li pajjiżna jrid jipprepara biex ikun jiflaħ għal din iż-żieda. Irid ikollu trasport pubbliku li jiflaħ biżżejjed għal erba’ jew ħames darbiet iktar passiġġieri, pereżempju. Ma nistgħux inħarsu lejn in-numri u ninsew lil ħafna minn dawn it-turisti jivjaġġaw b’tal-linja. Il-Malta Public Transport f’kuntatt ma’ din il-gazzetta l-ġimgħa l-oħra żvelat kif bħalissa għaddejjin taħdidiet dwar iktar rotot f’żoni turistiċi li diġà qed jaraw żieda qawwija fil-passiġġieri.

Għalkemm xi ftit tard, xorta nemmnu li dawn il-bidliet għandhom jidħlu fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr, preferibbilment qabel tkompli ż-żieda fin-numru ta’ turisti u għalhekk ikomplu jiżdiedu tal-linja kollha mimlijin, nies jistennew fuq stejġ ta’ tal-linja għal tul ta’ ħin u ilmenti mir-residenti u turisti stess dwar servizz li mhux ilaħħaq.

Ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ jkollu żoni partikolari, speċjalment dawk turistiċi miżgħuda bi ħmieġ mitfugħ minn nies insensittivi u maħmuġin

Nemmnu li l-momentum qawwi li qabad it-trasport pubbliku kemm ilu operat mill-kumpanija ALESA se jkompli matul dan is-sajf, nittamaw għallinqas.

Imma mhux it-trasport pubbliku biss.

Malta għandha problema ikbar u din hija n-nuqqas ta’ ndafa. Ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ jkollu żoni partikolari, speċjalment dawk turistiċi miżgħuda bi ħmieġ mitfugħ minn nies insensittivi u maħmuġin. Ma jistax ikun illi ċerti lokalitajiet bħal Buġibba, San Pawl il-Baħar, Qawra, ix-Xemxija għad lanqas għandhom servizz kontinwu u jekk hemm bżonn kuljum u kullimkien ta’ kenniesa u tindif. Ma jistax ikun li nibqgħu nippreżentaw lilna nfusna u l-lokalitajiet turistiċi tagħna b’dan il-mod.

Fejn hemm Kunsilli Lokali li mhumiex jiffunzjonaw sew, tant li lanqas il-bażiku mhuma jagħmlu għandu jidħol il-Gvern. Wara kollox min se jkun f’pajjiżna f’dawn ix-xhur mhux se joqgħod jipprova jifhem tort ta’ min hemm il-ħmieġ, se jara biss il-ħmieġ u llum erba’ kummenti fuq xi Trip Advisor trid biex dak li jkun jiddeċiedi li ma jersaqx ’l hawn.

L-awtoritajiet qed jagħmlu xogħol, permezz ukoll tal-ħidma ta’ ‘Garby and Tidy’ pereżempju, imma għad fadal ħafna xi jsir. Għad fadal ħafna tindif u manutenzjoni biex dan il-pajjiż jiskopri l-massimu li jista’ joffri għax xi kultant jinħass li din Malta hija bħal ġojjell, imma li għadu maħmuġ, bħal xi ħaġa sabiħa imma li għandha xi ħaġa nieqsa, mhux kompluta. Bl-Ingliż ngħidu, naqra ‘rough around the edges’.

Naqra iktar edukazzjoni u ħafna iktar attenzjoni u ħafna iktar imħabba lejn art twelidna, flimkien ma’ Kunsilli Lokali effiċjenti u Gvern determinat għandhom ikunu r-riċetta biex insibu tarf din il-problema, darba għal dejjem.

Il-każini tal-banda...

F’dawn l-aħħar Ħdud din il-gazzetta rrappurtat  dwar il-każini tal-banda u kienet din il-gazzetta li żvelat kif 20 minnhom jinsabu taħt il-mannara hekk kif deċiżjoni fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista’ tfisser li numru ta’ sidien jikkontestaw il-kirja.

Issa aħna nifhmu li l-argument tas-sidien jagħmel ħafna sens u huwa legalment jekk mhux ukoll moralment ġustifikat. Din hija l-proprjetà tagħhom li dwarha qed nitkellmu u allura huma għandhom id-dritt li jgawdu minnha jew mir-ritorn li ġġib magħha.

Min-naħa l-oħra l-każini tal-baned huma parti importanti jekk mhux intrinsika tal-ibliet u r-rħula tagħna. Huma post fejn imorru tant nies, fejn  mijiet ta’ voluntiera jqattgħu tant ħin jaħdmu, jgħallmu jew inkella jitgħallmu. Il-każin huwa r-ruħ tal-festa Maltija, parti importanti ħafna minn dak li huwa pajjiżna. Il-każini tal-banda fl-irħula u l-ibliet tagħna huma parti importanti minn dak li aħna. Mingħarjhom niftaqru u nitilfu parti importanti minna.

Il-każini tal-banda fl-irħula u l-ibliet tagħna huma parti importanti minn dak li aħna. Mingħarjhom niftaqru u nitilfu parti importanti minna

Għalhekk kienet għaqlija d-deċiżjoni tal-Gvern li jippubblika avviż legali b’emenda li, jekk tiġi attwata, se tkun qed toffri protezzjoni lil dawk il-każini tal-banda li jispiċċaw isibu ma’ wiċċhom ordni ta’ żgumbrament kif ġara lil ta’ De Paule ta’ Raħal Ġdid.

Żgur li din ma kinitx deċiżjoni faċli għall-Gvern. Il-gazzetta ILLUM kienet diġà rrappurtat kif każ quddiem il-Qorti Ewropea dwar il-Każin King’s Own, kien se jfisser li l-Gvern se jkollu jieħu deċiżjonijiet iebsin li jistgħu ma jinżlu tajjeb xejn ma’ eluf ta’ attivisti, bandisti u voluntiera.

Jalla ma naslu qatt fil-punt fejn il-mannara taqa’ fuq 20 każin. Li hu żgur hu li din l-emenda qed tipprovdi xaqq ta’ tama. Wieħed jistenna li s-sidien se jkunu kuntenti li se jkollhom ritorn tajjeb u l-attivisti u l-partitarji kuntenti wkoll li se jibqgħu fil-każin li għal ħafna huwa t-tieni dar tagħhom.

More in Blogs