Opinjoni | L-estremiżmu ma jwassalna mkien

...għal dik it-tarbija li setgħet qatt ma twieldet li kieku ma kienx għat-trattament tal-IVF

Dan huwa n-numru ta’ trabi li twieldu f’Malta permezz tal-IVF minn mindu dan is-servizz beda jiġi offrut b’xejn fl-2013. Kull tarbija li titwieled hija miraklu. Iżda għal kull koppja, partikolarment dik il-koppja li tant batiet biex tkun tista’ ssir ġenitur, m’hemm xejn li jista’ jitqabbel ma’ dak il-mument li jħaddnu lil wild tagħhom magħhom.

Għal dik it-tarbija li setgħet qatt ma twieldet li kieku ma kienx għat-trattament tal-IVF.

Dawn il-124 storja ta’ suċċess u mħabba jfakkruna fuq kollox f’ dawk li għadhom qed jissieltu biex ikollhom it-tfal. Fil-jiem li għaddew smajna lill-esperti tal-IVF jgħidu li huma biss medja ta’ żewġ koppji minn 10 li jirnexxilhom ikollhom it-tfal permezz tat-trattament tal-IVF kif jitħaddem bħalissa.

Ir-rata ta’ suċċess hija ta’ 21%.

Huma biss medja ta’ żewġ koppji minn 10 li jirnexxilhom ikollhom it-tfal permezz tat-trattament tal-IVF kif jitħaddem bħalissa

U allura l-mistoqsija tqum waħedha, x’qed jiġri mit-tmien koppji l-oħra? X’qed jiġri mill-eluf ta’ koppji oħra li qed isoffru fis-silenzju għax m’għandhomx il-mezzi biex imorru jagħmlu t-trattament barra minn Malta fejn il-possibbiltà li jirnexxielhom ikollhom it-tfal tiżdied bil-bosta?

Il-proposti l-ġodda biex tiġi emendata l-liġi tal-IVF ma faqqsux minn lejl għal nhar. Huma emendi li jħarsu lejn il-ħolqien tal-ħajja u l-preservazzjoni tal-ħajja.

Irrid nistqarr magħkom li, bħal ħafna minnkom, kelli d-dubji u l-mistoqsijiet tiegħi dwar dawn l-emendi. Ridt nisma’ l-argumenti kollha, staqsejt ħafna u ridt fuq kollox ngħarbel.

L-aktar ħaġa li dejqitni min-naħat kollha hija l-esteriżmu ta’ min jaqbad u jakkuża minghajr ma jisma’ argument. Ta’ min irid jinsulta għax sempliċiment tistaqsi jew tesprimi opinjoni. Ir-realtà hi li dubji jista’ jkollu kulħadd. L-isteriżmu ma jwassalna mkien u l-għajjat ma jikkonvinċi lil ħadd.

Huwa d-dritt ta’ kulħadd li ma jaqbilx ma’ dak li jkun qed jiġi propost – iżda huwa inġust meta nibdew naraw u nisimgħu argumenti sparati fl-ajru li ma jkollhom l-ebda bażi xjentifika. Barra minn Malta, il-ġenituri prospettivi għandhom l-għażla kemm tal-iffriżar tal-bajda, kif ukoll tal-iffriżar tal-embrijun. Il-possibbiltà li mara jinrexxilha twelled wild permezz tal-iffriżar tal-embrijun huwa ferm akbar.

Għalija huwa ta’ tħassib meta’ nisma’ li kważi 20% tal-Maltin għandhom problemi ta’ fertilità. Nitħasseb għaliex naf it-trawma li jgħaddu minnha koppji li jkunu jixtiequ tarbija u ma jirnexxilhom. Għax naf kemm hi weġgħa ta’ qalb meta wara li tkun għaddejt minn dawk it-trattamenti kollha t-tweġiba li tingħata tkun li ma rnexxilekx.

Il-Gvern qed jipproponi li embrijuni friżati li koppja ma tużax imorru dirett għall-adozzjoni. Fl-Istati Uniti, l-adozzjoni ta’ embrijun tinvolvi proċess rigoruż li tinkludi stejjer mediċi estensivi. Id-deċiżjoni dwar jekk tkunx adozzjoni miftuħa titħalla f’idejn il-familji. Fil-każ ta’ Malta qed jiġi propost li ġaladarba jkun hemm l-adozzjoni, il-ġenituri oriġinali jitilfu kull dritt u obbligu.

Meta l-Gvern ippreżenta l-emendi għal din il-liġi, tkellimt ma’ ħabiba tiegħi li għaddiet mit-trattament tal-IVF u staqsejtha jekk dawn il-proposti jagħmlux tant differenza.

Spjegatli ċ-ċiklu kollu tat-trattament, l-impatt fiżiku, emozzjonali u psikoloġiku u t-trawma li għaddew minnha bħala koppja kull darba li t-trattament ma rnexxiex. Enfasizzat għal aktar minn darba li meta tkun ilek trid it-tfal ma taqbadx u tħalli embrijuni warajk kif ġib u lahaq.  

Nistqarr li d-dibattitu li għaddej fil-pajjiż dwar dan is-suġġett tant sensittiv u emozzjonali jien nilqgħu għax ifisser li se jkollna liġi li ġiet diskussa b’mod wiesa’.

Huwa d-dritt ta’ kulħadd li ma jaqbilx ma’ dak li jkun qed jiġi propost – iżda huwa inġust meta nibdew naraw u nisimgħu argumenti sparati fl-ajru li ma jkollhom l-ebda bażi xjentifika.

Però, bilfors irrid nappella għall-argumenti aktar razzjonali anke għaliex il-liġi eżistenti bis-sitwazzjoni kif inhi bħalissa mhijiex b’saħħitha biżżejjed.

Il-liġi proposta se tagħti aċċess lil kull mara l-opportunità li ssir omm. Hemm imbagħad il-kunċett ta’ ‘altruistic surrogacy’. Din tal-aħħar se tkun diskussa f’konsultazzjoni pubblika. Fuq dan il-punt nemmen li – jiġi deċiż x’jiġi deċiż – irid ikun hemm qafas legali sod li jilqa’ għall-eventwalitajiet kollha u biex anke jagħmel ċari l-obbligi u d-drittijiet f’każ ta’ ‘altruistic surrogacy’.

Segwejt il-kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Għalija dawn il-kummenti kienu insensittivi ma’ min għaddej minn tbatija u diffikultajiet. Mhux biss qed jgħid lil dawn il-koppji li jekk ikun fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista jdawwar lura l-liġi tal-IVF, iżda issa qed jamplifika l-argument tiegħu billi jgħid li n-nisa se jibdew iduru għas-surrogazija, jekk isibu rwieħhom fi problemi finanzjarji jew fil-faqar.

Għalkemm tista’ tgħid li dan huwa argument li jinġieb anke barra minn Malta, il-pożizzjoni ta’ diskussjoni m’għandhiex tkun waħda ta’ bieb magħluq għalkollox iżda, jekk xejn, għandu tkun waħda miftuħa għal dibatitti u waħda li tipproponi salvagwardji. Waħda li tifhem il-weġgħat ta’ min irid ikollu t-tfal u ma jistax. Diskussjoni li ma tistigmatizza lil ħadd u ma tippunta swaba’ lejn ħadd. Diskussjoni li toffri soluzzjonijiet u ma ssabbatx bibien f’wiċċ min verament għandu bżonn.

More in Blogs