Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Il-'prinċipji' tal-Awtorità tal-Ippjanar

Hu ċar għal kulħadd li l-Awtorità tal-Ippjanar mhux qed tagħmel dmirha...

Carmel Cacopardo / 26 t'April 2018 16:05
Meta nfittxu ftit fid-dokument intitolat “Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Ippjanar” li nsibuh biss bl-Ingliż: Strategic Plan for Environment and Development (SPED) il-kelma “prinċipju” ma ssibhiex b’nemes. Min-naħa l-oħra meta nfittxu l-istess kelma fl-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (AII) tal-2016, insibu tliet referenzi għall-prinċipji, prinċipji gwida li għandhom ikunu osservati mill-Istat Malti huwa u jmexxi l-quddiem “sistema komprensiva sostenibbli tal-ippjanar tal-użu tal-art”.

Dawn il-prinċipji gwida huma spjegati fil-qosor fl-artiklu 3 tal-AII tal-2016. Dawn il-prinċipji jemfasizaw li l-ippjanar tal-użu tal-art għandu jilħaq l-iskop li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja, fl-interess tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Dan l-iskop hu kkwalifikat bil-kwotazzjoni standard mir-rapport tal-1987 ta’ Gro Harlem Brundtland (Our Common Future): li dan irid isir mingħajr ma jkunu kompromessi d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. Dan ifisser li fl-AII tal-2016 hemm referenza għall-ħtieġa tas-sostenibilità. Imma lkoll nafu li dan hu daħq fil-wiċċ għax fir-realtà, f’Malta, l-Awtorità tal-Ippjanar la tħares l-interessi tal-ġenerazzjonijiet preżenti u wisq inqas dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri.

L-artiklu 3 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-2016 jelenka d-diversi miżuri li jridu jittieħdu. Huma miżuri speċifiċi u varjaw, fost oħrajn, mill-ħtieġa illi l-Gvern permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar “jippreserva, juża u jiżviluppa l-art u l-baħar għal din u għall-ġenerazzjonijiet futuri”, u li jassigura illi “l-policies nazzjonali tal-ippjanar ma jkunux ambigwi”. L-artiklu 4 tal-AII tal-2016 jgħidilna, imma, li ma nistgħux immorru l-Qorti biex direttament ninfurzaw l-applikazzjoni tal-prinċipji fl-artiklu preċedenti, imma, li dawn il-prinċipji huma ta’ natura fundamentali u għandhom ikunu mħaddma fl-interpretazzjoni tal-liġi u l-policies tal-ippjanar.

Dan iqanqal il-mistoqsija dwar kemm, l-Awtorità tal-Ippjanar, bħala l-aġent tal-Gvern dwar l-ippjanar għall-użu tal-art, qed tosserva dawn il-prinċipji bażiċi u b’mod partikolari jekk ir-regoli tal-ippjanar li qegħdin nagħmlu użu minnhom humiex tajbin biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Kellna bosta dikjarazzjonijiet politiċi dwar kemm l-ippjanar dwar l-użu tal-art għandu jkun ta’ għajnuna għall-iżviluppaturi biex jgħinhom idawru lira. L-Iżviluppaturi, jgħidulna, m’għandhomx ikunu ffaċċjati b’inċertezzi, imsieken, għax għandhom dritt jaqilgħu l-għixien tagħhom, anke jekk dan isir kontinwament a spejjeż tal-kwalità tal-ħajja tagħna u f’kompliċità mal-Awtorità tal-Ippjanar. 

"Imma l-Awtorità tal-Ippjanar għandha l-inkarigu li tħares l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri. Mhux l-interessi tal-iżviluppaturi"
Nistgħu nistaqsu, pereżempju, dwar kemm ir-regoli dwar il-Pompi tal-Petrol u d-Dijsil huma kompatibbli ma’ dawn il-prinċipji bażiċi li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha l-obbligu li timplimenta. Matul dawn l-aħħar ġimgħat kienu diversi d-drabi li ktibt dwar dan. Għalija hu ċar daqs il-kristall li dawn ir-regoli m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-prinċipji bażiċi li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha l-obbligu li timplimenta. Dan jgħodd kemm għall-forma li għandhom illum kif ukoll jekk jitwettaq il-ftit tibdil fihom li qed tipproponi l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Il-Gvern dan jafu, tant li f’Settembru 2017 tħabbar li “dalwaqt” kienet ser tibda konsultazzjoni pubblika dwar kif (u meta) kellhom jieqfu mit-toroq Maltin karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijsil.

Minkejja li għaddew kważi tmien xhur id-dalwaqt għadu ma wasalx u din il-konsultazzjoni pubblika għadha ma bdietx.

Li l-konsultazzjoni pubblika ser issir “dalwaqt” ma kinitx imħabbra minn xi Minsitru ġdid sforz l-entużjażmu u l-piz ta’ Ministeru ġdid. Tħabbret mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’waħda mill-prietki tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd: dik tar-Rialto Bormla nhar l-10 ta’ Settembru 2017. Dalwaqt qal.

Jekk “dalwaqt” mhux ser ikollna fit-toroq tagħna karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel, għaliex l-Awtorità tal-Ippjanar tħoss il-ħtieġa li toħroġ iktar permessi għall-pompi tal-petrol u d-dijsil? Ċertament li dan mhux fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Imma l-Awtorità tal-Ippjanar għandha l-inkarigu li tħares l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri. Mhux l-interessi tal-iżviluppaturi.  Hu ċar għal kulħadd li l-Awtorità tal-Ippjanar mhux qed tagħmel dmirha. Tilfet kuntatt mal-prinċipji li għandha l-obbligu li timplimenta.

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook