Ittri Il-punt Blogs

Editorjal | Meta tibda l-ħajja... meta jseħħ il-mewt

Lil hinn mit-tiketti, l-ittimbrar u l-kategorizzar, dan l-editorjal jemmen li l-proċess kollu ta’ ħajja huwa dak li hu. Fih il-bidu fil-konċepiment u t-tmiem fit-twelid

Yendrick Cioffi / 21 t'April 2018 09:11
Il-ħajja u l-mewt. Żewġ avveniment relatati intrinsikament ma’ xulxin. M’hemmx ħajja mingħajr mewt, m’hemmx mewt fejn m’hemmx ħajja.

U għax il-ħajja u l-mewt huma tant fundamentali għall-eżistenza tagħna, huma wkoll suġġetti li jqajmu ħafna diskussjoni u li jqajmu bosta mistoqsijiet. Mistoqsijiet xejntifiċi ta’ meta tibda l-ħajja u meta persuna għandha tmut u mistoqsijiet etiċi, ta’ meta huwa sewwa li l-ħajja tintemm u meta ħajja ta’ bniedem verament tibda.

Huma mistoqsijiet li jqajmu ħafna dibattitu li ħafna minnu mistenni jkun jaħraq anke f’pajjiżna, imma huwa importanti li wieħed jixtarr sewwa sew x’qed tgħid kull naħa.

"ekk m’hemmx bidu m’hemmx tmiem. Jekk proċess ma jibdiex ma jistax iseħħ"
Mela l-ħajja meta tibda? Jekk m’hemmx bidu m’hemmx tmiem. Jekk proċess ma jibdiex ma jistax iseħħ, jekk iż-żerriegħa ma titpoġġihiex fil-ħamrija ma tistax issir siġra. Iż-żerriegħa mhux siġra u ma tista’ qatt tkun, imma s-siġra ma tista’ qatt titla’ u tikber jekk iż-żerriegħa ma tkunx miżrugħa.

Lil hinn mit-tiketti, l-ittimbrar u l-kategorizzar, dan l-editorjal jemmen li l-proċess kollu ta’ ħajja huwa dak li hu. Fih il-bidu fil-konċepiment u t-tmiem fit-twelid, u bħalma huwa imposibbli li jkun hemm siġra mingħajr żerriegħa, hekk ukoll huwa impossibbli li jkun hemm ħajja mingħajr konċepiment naturali jew inkella konċepiment assistit.

Dan ma jfissirx, jew mhux neċessarjament ifisser li fl-ewwel stadju tagħha dak li jkun bħal ballun ta’ ċelloli huwa fil-fatt bniedem, imma huwa l-bidu ta’ proċess ta’ disa’ xhur li se jwassal biex isir bniedem. Jekk taqbad dak il-ballun ta’ ċeloli u tarmih jew tneħħieh ma titwelidx tarbija. Mela la mingħajr waħda m’hemmx l-oħra, b’waħda biss jista’ jkun hemm l-oħra. Mela jekk mingħajr dan il-ballun ta’ ċelloli ma jistax ikun hemm ħajja, hekk ukoll il-ħajja ma tistax sseħħ jekk ma jkunx hemm dawn iċ-ċelloli. Mela din is-somma tfisser illi hemm il-ħajja jew il-potenzjal tal-ħajja f’dawn iċ-ċelloli. Mela allura dan mhux bħal xi ċellola mejta wara li tħokk idejk bħalma jkun hemm min jgħid! Anke fl-istadji prematuri din l-għaqda ta’ ċelloli hija jew se tkun il-ħajja li raġel, flimkien ma’ mara, jew sperma flimkien ma’ bajda  se joħolqu flimkien.

Dan l-editorjal minn dan il-punt jitlaq. Mill-importanza tar-rispett u d-dinjità lejn il-ħajja li għad trid titwieled. Lejn il-ħajja li għad trid isseħħ, ‘għax dak li tagħmlu mal-iżgħar fost ħuti tagħmluh miegħi’ kien qal xi ħadd.

"Jekk taqbad dak il-ballun ta’ ċeloli u tarmih jew tneħħieh ma titwelidx tarbija. Mela la mingħajr waħda m’hemmx l-oħra, b’waħda biss jista’ jkun hemm l-oħra. Mela jekk mingħajr dan il-ballun ta’ ċelloli ma jistax ikun hemm ħajja, hekk ukoll il-ħajja ma tistax sseħħ jekk ma jkunx hemm dawn iċ-ċelloli"
Minkejja dan nafu wkoll li hemm realtajiet sfortunati. Realtajiet ta’ abbuż, ta’ vjolenza, ta’ stupru, sfidi bioloġiċi u xi minn daqqiet, anke jekk ftit, realtajiet ta’ inċest. Hawnhekk tqum mistoqsija li mhux se nazzardaw inwieġbu f’dan l-editorjal. Inkunu prużuntużi jekk nagħmlu hekk.

Hawnhekk irridu nistaqsu b’mod profond, bi ħsieb u bi gwida x’għandu jsir. Hawnhekk irridu bħala soċjetà lil hinn mill-kategoriji, lil hinn mit-tikketti u ċertament lil hinn mill-politika, nipprovaw insibu risposta għal sitwazzjoni umana daqstant kerha. Kif se nipproteġu l-ħajja u fl-istess ħin ma nkissrux oħra? Kif se nifhmu vittma ta’ att daqstant barbaru?

Ejja ma nużawx il-vittmi bħala għodda, imma ejja nifhmuhom, inkellmuhom, nixtarru l-bżonnijet tagħhom u naraw dak li verament jista’ joħroġhom minn taħt il-madmad tal-abbuż. Ejjew nużaw il-ħsieb u l-valuri tagħna, huma x’inhuma, biex min qed ibati u min safa vittma nipprovaw noħorġuh mill-abbuż qabel noffru soluzzjoni oħra.

"Ejja ma nużawx il-vittmi bħala għodda, imma ejja nifhmuhom, inkellmuhom, nixtarru l-bżonnijet tagħhom u naraw dak li verament jista’ joħroġhom minn taħt il-madmad tal-abbuż"
Hemm ukoll koppji li ma jistax ikollhom tfal. Koppji eterosesswali għax ikun hemm sfidi bijoloġiċi u koppji omosesswali għax ma jistgħux b’mod naturali. Ir-rigal tal-ulied huwa xi ħaġa verament sabiħa. Ir-rigal tal-ulied għandu jkun iċċelebrat. F’pajjiżna eluf ta’ koppji eterosesswali u koppja omosesswali wrew illi fejn hemm l-ulied hemm il-ħajja, il-ferħ u l-hena xi kultant id-dwejjaq u l-uġigħ, xi kultant ir-rabja. Imma hemm familja, u m’hemm xejn isbaħ mill-familja taħt kwalunkwe forma, jekk hux koppji eterosesswali u anke dawk omosesswali u partikolarment anke dawk l-ommijiet u missierijiet li waħedhom qed irabbu l-ulied.

Imma sabiħ kemm hu sabiħ wieħed ma jistax jippretendi l-ulied bi dritt. L-ewwel dritt huwa tat-tarbija, fil-ġuf jew barra minnu, li tgħix, li tikber u li tilħaq il-potenzjal tagħha ta’ umana.

Ejjew niddiskutu flimkien kwistjonijiet bħall-IVF, mela le. Imma ejja qatt ma ninsew li l-isbaħ ċeleberazzjoni hija dik li tfakkar il-ħajja. Għax mingħajr ħajja m’hemmx il-mewt u mingħajr mewt m’hemmx il-ħajja u mingħajr l-ħajja u l-mewt m’hemmx umanità.    

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook