Opinjoni | Lejn aktar ħarsien ambjentali

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli titkellem dwar l-importanza tal-ħarsien ambjentali u tagħti ħarsa lejn proġetti u investimenti li saru f'dan ir-rigward

Fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum, ta’ spiss ikollna bżonn dik il-waqfa mill-ġenn ta’ kuljum u minflok infittxu xi mkien fejn nistgħu nqattgħu ftit ħin ta’ kwalità mal-familja jew il-ħbieb tagħna.

In-numru ta’ positijiet tad-divertiment, ristoranti, kafetteriji u stabbilimenti oħra żdiedu sew u dan fih innifsu huwa sinjal pożittiv: mhux biss ekonomiku, li jirrifletti wkoll kif l-ekonomija kibret u l-livell ta’ għixien f’Malta qed jogħla, imma huwa wkoll żvilupp kulturali fejn l-istabbilimenti fihom infushom jistgħu joffru tieqa għal kulturi differenti, inkluż apprezzament lejn il-wirt kulturali tagħna stess bħala Maltin.

Iżda fl-istess waqt irridu wkoll inħarsu aktar lejn postijiet fil-miftuħ, qalb il-kampanja, fejn wara ġimgħa bilqiegħda wara skrivanija jew magħluqin fil-post tax-xogħol nistgħu nistrieħu ftit. Wara kollox, li ngawdu l-kampanja jista’ jgħin fuq diversi livelli, kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Ħarġa fil-kampanja jew fi spazji miftuħa faċli sservi ta’ opportunità biex nagħmlu ftit eżerċiżżju u fl-istess waqt isservi ta’ serħan fejn naqtgħu ftit mir-rutina u l-ġenn tal-ħajja ta’ kuljum. Dan kollu jikkontribwixxi għal kwalità ta’ ħajja aħjar, fattur li kulma jmur kulħadd qed ifittex dejjem aktar.   

L-isfidi ambjentali ta’ pajjiżna għadhom fil-bidu u ma nsibuhomx biss fejn jidħol bini

Għal ħafna żmien l-ambjent ftit li xejn kien jingħata importanza. Tant hu hekk li anke minn ħafna politiċi, il-kuxjenza ambjentali kienet tkun meqjusa bħala xi ħaġa ta’ xi grupp ta’ attivisti jew organizazzjonijiet mhux governattivi. Iżda matul dawn is-snin qed naraw aktar ċittadini konxji tal-importanza li nipproteġu l-ambjent ta’ madwarna kemm dak naturali u anke l-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Madanakollu, l-hekk imsejjaħ ‘construction boom’ ma bediex issa: skont statistika maħruġa mill-Bank Ċentrali juri li n-numru ta’ permessi għall-żvilupp maħruġa bejn l-2005 u l-2008 kienu ogħla minn dawk maħruġa bejn 2012 u 2016.

Id-differenza hi li fuq in-naħa l-oħra illum hemm politiċi li lesti jagħtu widen għax-xewqa taċ-ċittadini li jkollhom aktar spazji miftuħa u li l-ambjent ikun prottett fuq diversi livelli. Qed naraw mhux biss attivisti, imma residenti u Kunsilli Lokali magħqudin wara għan wieħed - li ma neqirdux l-ambjent naturali u nispiċċaw ngħixu f’ġungla ta’ konkrit- u Gvern li jagħraf l-importanza ta’ dan.

F’dawn l-aħħar snin rajna diversi inizjattivi li żgur jistgħu jitqiesu bħala pass pożittiv lejn aktar ħarsien ambjentali, inkluż fin-naħa t’isfel ta’ Malta li għal żmien twil kien bħal donnu intesa. Biżżejjed insemmu l-Park tal-Inwadar li ngħata madwar 30,000 metru kwadru iktar milli kien ippjanat oriġinarjament u Wied iż-Żrinġ f’Bulebel li se jiġi ppreservat u mhux se jgħaddi għall-żvillup industrijali. L-istess huma pożittivi l-policies li ġew irranġati sabiex high rises ma jkunux jistgħu jsiru madwar Malta u Għawdex kollha imma jkunu limitati għal ftit lokalitajiet. Fl-aħħar mill-aħħar nieħu gost nara s-sens komun jirbaħ u applikazzjonijiet għal żvillup f’postijiet bħal Wied Għomor u Ħondoq ir-Rummien jiġu miċħuda.

Riċenti kien hemm ukoll il-ftehim milħuq dwar Manoel Island li żgur huwa rebħa għall-ambjent, għall-wirt kulturali, għall-familji tagħna… u iva anke għall-iżviluppatur. Il-kontroversja madwar il-konċessjoni li ngħatat lill-Konsorzju tal-MIDI kienet illi bil-ftehim li kien sar, Manoel Island kienet ingħatat bi frazzjoni żgħira. Meta l-konsorzju ħareġ bil-pjan oriġinali biex jinbnew lukanda, każinò, ċentru kummerċjali u appartamenti ta’ lussu fuq Manoel Island, ir-rabja tan-nies kienet ġustifikata.

Dawn kienu proposti li kienu se jwasslu biex il-komunità tkun imċaħħda minn pulmun naturali tant bżonjuż qalb lokalitajiet żvilluppati u fejn l-ispazji miftuħa huma ftit li xejn.

Bdew il-protesti min-naħa tar-residenti, tal-attivisti, tal-għaqdiet ambjentali, inkluż is-sindku Laburista tal-Gżira Conrad Borg Manche. U għax il-Gvern ta widen, imbuttata mis-soċjetà ċivili, rajna kif kapaċi naslu għal riżultati pożittivi.

Madanakollu, l-hekk imsejjaħ ‘construction boom’ ma bediex issa: skont statistika maħruġa mill-Bank Ċentrali juri li n-numru ta’ permessi għall-żvilupp maħruġa bejn l-2005 u l-2008 kienu ogħla minn dawk maħruġa bejn 2012 u 2016

Għalija huwa ta’ sodisfazzjon kbir nara li Manoel Island se tingħata lura lill-poplu Malti u Għawdxi bi ftehim li se jwaqqaf ukoll il-Fondazzjoni Manoel Island.

Is-sena l-oħra kont semmajt il-vuċi tal-poplu fil-Parlament Ewropew dwar kif bil-liġijiet Ewropej nistgħu nħarsu wirt storiku bħalma hu l-Forti Manoel.

Illum, għandna l-akbar pass pożittiv li l-investitur mhux se jkun qed jagħlaq il-Forti f’lukanda jew xi forma ta’ akkomodazzjoni residenzjali. Minflok il-Forti se ssir ċentru ta’ Arti u Kultura, b’mużewijiet, spazju għall-arti, ħwienet u restoranti kif ukoll l-ispazju miftuħ ġewwa l-Forti stess se jkun totalment aċċessibbli għall-pubbliku.

Il-pubbliku se jkollu aċċess għal Manoel Island u jista’ jagħmel użu miż-żona għal rikreazzjoni u għall-għawm.

Qed nitkellmu fuq 80,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa li se jagħmel minn din iż-żona park pubbliku, f’nofs żona ta’ Malta tant maħkuma minn konġestjoni tat-traffiku.

Nemmen li l-akbar tagħlima minn dan il-proġett huwa l-guardianship agreement, instrument li bih il-Kunsill Lokali tal-Gżira se jkun qed jiżgura li l-Forti Manoel jibqa’ miftuħ għall-pubbliku.

Huwa ftehim li qed jirrikonoxxi l-bżonn li jkollna aktar spazji miftuħa u li nkunu mdawra b’aktar ambjent naturali li kulħadd jista’ jgawdi fil-ħin liberu tiegħu. Bħalma qalet l-avukat u attivista ambjentali Claire Bonello, Chairperson tal-Fondazzjoni ta’ Manoel Island, dan il-ftehim jirrikonoxxi l-bżonn li jkollna waqfa mill-kummerċjalizzazzjoni intensiva tal-ispazji miftuħa.

Fuq kollox, dan huwa mudell ċar ta’ kif investiment jista’ jsir b’mod sostennibli id f’id mal-wirt kulturali u ambjentali. Il-ftehim fih innifsu huwa milestone, li għandu jservi bħala mudell għall-proġetti futuri. Iżda wkoll, dan il-ftehim għandu jservi biex ifakkar li biex ninvestu u niżviluppaw m’hemmx bżonn li neqirdu dak li għandu jkun għażiż għalina.

L-isfidi ambjentali ta’ pajjiżna għadhom fil-bidu u ma nsibuhomx biss fejn jidħol bini. Però, ċertament nistgħu ngħidu li għall-ewwel darba, wara ħafna amministrazzjonijiet differenti, qed naraw rieda ċara biex verament nibdew nipproteġu l-ambjent u ntaffu ftit mill-isfreġji passati.

Fuq kollox irridu nistaqsu lilna nfusna x’ambjent irridu lit-tfal tagħna u l-ġenerazzjonijiet futuri tagħna jikbru fih. Jiena ċerta li lkoll kemm aħna nixtiequhom jikbru b’saħħithom u dan ma jiġix mix-xejn. Irridu nħalluhom igawdu ambjent fejn, filwaqt li jibqa’ għaddej l-iżvillup ekonomiku, dan l-istess żvillupp ikun sostennibli b’tali mod li l-ambjent naturali jkun protett u fejn l-ispazji miftuħa jkunu n-norma, minkejja l-limitazzjonijiet u l-isfidi li għandna. 

More in Blogs