Ittri Il-punt Blogs

Editorjal | Hashem-Tumulur-Efimova

Aħna vera, ma ndunajniex għax lil dan ħallejnieh jitlaq, jibqa’ u jagħmel li jrid ( u allaħares tkellmu għax inkella int traditur, ġurnalist mixtri...) imma l-Amerikani ndunaw u arrestawh

Albert Gauci Cunningham / 31 ta' Marzu 2018 10:56
Bħal ġimagħtejn ilu llum eżatt, il-midja soċjali kienet mifqugħa b’kummenti dispreġġjattivi u ħafna minnhom razzisti dwar żagħżugħ Bulgaru li kien allegat li ta daqqa ta’ ponn lil Zach Meli u ħallieh għall-mewt (niċċaraw li l-illum.com.mt ma ppubblikatx ir-ritratt tal-Bulgaru). Min jgħajru ‘żibel’,  min jistaqsi x’qed jidħol f’pajjiżna, min jgħidlu biex imur lura minn fejn ġie u min saħansitra jheddu pubblikament. Wara t-tħaġġira virtwali, irriżulta li dan it-tifel ma kien akkużat ta’ xejn u kulħadd kellu jibla’ kliemu, inkluż dawk il-ftit li saħansitra użaw lil dan il-Bulgaru innoċenti biex jipprotestaw, mhux għax fil-fatt għamel xi ħaġa ħażina, imma sempliċiment għax Bulgaru.

Filwaqt li din il-gazzetta tikkundanna kull forma ta’ razziżmu, ma nistgħux imma ma  ninnotawx l-ipokrezija grassa ta’ kif min hu patrijott għal pajjiżu u kien lest b’tant ħeġġa biex joħroġ għonqu kontra żagħżugħ innoċenti u bla leħen, imbagħad bela’ lsienu meta kellna każi ta’ nies li sfaċċatament ġew pajjiżna, mexxew proġett li falla u li għadu taħt mantell ta’ dubji u mistoqsijiet u biex tgħaxxaq kellu sentenza ta’ Qorti kontrih. Dawk kollha li dejjem lesti biex jikkundannaw lill-ewwel iswed mill-Afrika għax imqar jitfewwaq fil-pubbliku, donnu belgħu lsienhom reġgħu meta persuna li fetħet bank f’Malta, li għal xi wħud sar qisu l-oraklu li ma tistax tikkritikah, kien arrestat mhux fuq akkuża waħda, anqas tnejn imma sitta. U jekk ħati ta’ akkużi kollha jista’ jeħel għomor ħabs.

"ma nistgħux imma ma ninnotawx l-ipokrezija grassa ta’ kif min hu patrijott għal pajjiżu u kien lest b’tant ħeġġa biex joħroġ għonqu kontra żagħżugħ innoċenti u bla leħen, imbagħad bela’ lsienu meta kellna każi ta’ nies li sfaċċatament ġew pajjiżna, mexxew proġett li falla u li għadu taħt mantell ta’ dubji u mistoqsijiet u biex tgħaxxaq kellu sentenza ta’ Qorti kontrih"
Imma forsi dawn għax huma miljunarji u għax hawn min trattahom ta’ untouchables, lil dawn ħadd ma jmisshom.

Mhux qed ngħidu dan, biex nimplikaw li Ali Sadr Hasheminejad jew Ram Tumuluri għandhom ikunu ġġudikati jew ikkritikati fuq il-bażi li huma barranin. Altru milli! Qed nikxfu biss l-ipokrezija ta’ pajjiż, li jsawwat immigrant batut u bil-ġuħ b’ilsienu imma mbagħad fl-istess ħin ħalla lil investitur (jekk tista’ ssejjaħlu hekk) jitlaq minn pajjiżna, mingħajr ma tana rendikont ta’ fejn marru l-flus tal-proġett ta’ tliet sptarijiet u mingħajr imqar ma kellna l-opportunità li nistaqsu għaliex min kellu jagħmlu d-due diligence m’għamlux. L-aqwa li ġie u telaq inkiss, inkiss dan. U l-poplu baqa’ b’li kien.

Imbagħad il-ġimgħa l-oħra kellna l-każ tal-arrest ta’ Hasheminejad, ċermen ta’ bank f’nofs l-agħar kontroversji li ffaċċja dan il-pajjiż fl-aħħar ħames snin. Huwa veru li ħadd minn Malta mhux involut u veru wkoll li l-Bank Pilatus għadu mhux imdaħħal fil-balbuljata ta’ allegat frodi u ħasil ta’ flus ta’ Hasheminejad, imma bir-rispett kollu ta! Min tah il-liċenzja dan ma ċċekkjax? Fejn hi d-due diligence? Kif qed naċċertaw li min qed jiġi jiftaħ negozju hawn qed jagħmel dan b’intenzjonijiet tajbin u bi flus nodfa?

"Imma bir-rispett kollu ta! Min tah il-liċenzja dan ma ċċekkjax? Fejn hi d-due diligence? Kif qed naċċertaw li min qed jiġi jiftaħ negozju hawn qed jagħmel dan b’intenzjonijiet tajbin u bi flus nodfa?"
Issa jkun hemm min jgħid ‘u iva kif tridna nindunaw’. Aħna vera, ma ndunajniex għax lil dan ħallejnieh jitlaq, jibqa’ u jagħmel li jrid ( u allaħares tkellmu għax inkella int traditur, ġurnalist mixtri...) imma l-Amerikani ndunaw u arrestawh u akkuzawh u jista’ jkun li jqatta’ ħajtu maqful f’ċella. Veru każ u ta’ ‘ejja come on!’

Għax filwaqt li moħħna biex virtwalment inħaġġru li dak l-Afrikan li “ħadilna xogħolna” u qed jitħallas erba’ ċiċri, bla vuċi u bla drittijiet qed inħallu lil min jidħol hawn għat-taparsi investitur, jagħmel li jrid, probabilment jagħmel xi kemxa flus, imbagħad jisparixxi.

U sadanittant isem pajjiżna dejjem fuq il-midja internazzjonali. Daqqa dwar qtil ta’ ġurnalista, issa dwar l-arrest ta’ raġel li fetaħ bank hawn u biex tgħaxxaq isem pajjiżna spiċċa f’tiżliġa ħmieġ minħabba l-każ ta’ Maria Efimova.

Jaqbek il-biki taqra artikli jpinġu lil pajjiżna qisu xi stat tal-banana, b’mara tgħid li jekk tiġi hawn tista’ tinqatel, eks Spettur tal-Pulizija jgħid l-istess mal-BBC u issa biex tgħaxxaq ċermen ta’ bank irreġistrat Malta arrestat.

"Hemm bżonn inkunu aktar iddixiplinati bħala pajjiż. U anke, il-Gvern bir-rispett kollu. Mhux kull min idendel il-flus quddiem għajnejna niftħulu l-bieb beraħ, għax pro-business"
Hemm bżonn inkunu aktar iddixiplinati bħala pajjiż. U anke, il-Gvern bir-rispett kollu. Mhux kull min idendel il-flus quddiem għajnejna niftħulu l-bieb beraħ, għax pro-business. Hemm bżonn inkunu aktar attenti li la nkunu aħna u lanqas nattiraw nies lejna li se jħammru wiċċ Malta.

Il-Malti bieżel u l-barrani bieżel miegħu, fil-kwiet u mingħajr wisq pompa bena u mexxa Università, Power Station, Freeport, Sptar Ġenerali, ajruport, linja tal-ajru, patafjun fabbriki, skejjel b’xejn f’kull lokalità u ħafna iktar.

Min mhux ta’ rieda tajba jew min irid juża lil pajjiżna bħala baqra li teħlibha sakemm tinxef, m’għandniex xi rriduh hawn.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook