Opinjoni | Inkomplu nimxu ’l quddiem

"Jista’ jkun li lill-Gvern tikkritikah però nemmen li kulħadd jaqbel li r-rotta ekonomika hi waħda li qatt ma rajna bħalha qabel..."

L-2013 m’ilux wisq żmien li għadda.  Għal ħafna minna, qisu lbieraħ.

Jien m’iniex xi wieħed li npenġi kollox ħażin jew kollox tajjeb.  B’mod partikolari fejn jidħol Dr Lawrence Gonzi jien għandi stima lejh u ninsab konvint li prova jagħti l-massimu tiegħu biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem.

Biss bħala stat ta’ fatt fl-2013 l-ekonomija kienet iġġammjata.  Jien kont naħdem Avukat il-Qorti u kont nagħmilha ma’ kull tip ta’ nies – mill-aqwa negozjanti sal-iktar ħaddiem umli li kien qed jaħdem f’kondizzjonijiet ta’ prekarjat.

Il-garr kien kullimkien.  Anke l-iktar partitarju Nazzjonalist kien jammetti li l-ekonomija kienet sejra lura.  L-argument kien ikun biss jekk kienx tort ta’ dak li qed jiġri barra minn Malta jew inkella tort tal-policies ħżiena tal-Gvern.

Jien għalija llum, with the benefit of hindsight, huwa ċar li t-tort kien ftit tat-tnejn

+ + +

Joseph Muscat huwa bla dubju ta’ xejn suċċess ekonomiku enormi.

Fuq din m’hemm ebda dubju. Anke l-iktar partitarju Nazzjonalist akkanit jaqbel li Joseph Muscat huwa mexxej tajjeb fejn tidħol l-ekonomija. Jista’ jkun li lill-Gvern tikkritikah left, right and centre però nemmen li kulħadd jaqbel li r-rotta ekonomika hi waħda li qatt ma rajna bħalha qabel.

Id-differenza hi li hawn min jaħseb li dawn ir-riżultati jiġu billi wieħed joqgħod bilqiegħda jixrob il-kafè u jaqra l-gazzetta.  Dawn ir-riżultati jiġu frott ħafna sagrifiċċju, xogħol ma jaqta’ xejn u teħid tad-deċiżjonijiet.  Naf x’qed ngħid għax dan il-Gvern għextu mill-ewwel ġurnata.

+  + +

Żewġ aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, Moody’s u DBRS, taw upgrade fl-outlook u fir-rating ekonomiku ta’ pajjiżna, f’rapporti separati li ħarġu nhar il-Ġimgħa filgħaxija. Wara li f’Awwissu li għadda l-aġenzija DBRS tejbet l-outlook għar-rating ta’ pajjiżna, l-esperti ta’ din l-aġenzija issa għażlu li jgħollu r-rating ta’ Malta minn ‘A’ għal ‘A High’. Dan huwa l-ogħla rating li qatt tat din l-aġenzija lil pajjiżna.

Dan ma kienx biżżejjed.  B’mod separat, fl-istess ġurnata, l-aġenzija Moody’s irrevediet l-outlook għar-rating ta’ pajjiżna minn ‘A3 stable’ għal ‘A3 positive’. Dan huwa l-ewwel moviment pożittiv fir-rating ta’ pajjiżna minn din l-aġenzija minn Ottubru tal-2013 lil hawn. Ta’ min ifakkar li bejn l-2008 u l-2013 din l-aġenzija kienet naqqset ir-rating ta’ pajjiżna darbtejn.

L-upgrade fir-rating mid-DBRS jirrifletti t-titjib sostanzjali li seħħ fil-finanzi pubbliċi. L-esperti tad-DBRS irrimarkaw “since DBRS’s latest review, the projection of the general government debt ratio has been materially revised downwards due to more favourable growth prospects and stronger primary balances in coming years”. Tant li issa d-DBRS qed tbassar li d-dejn ta’ pajjiżna ser jonqos għal 41% tal-ġid nazzjonali sal-2022, jew 7 punti perċentwali anqas mit-tbassir preċedenti. Id-DBRS issostni li “the general government is expected to have over-achieved its fiscal targets in 2017”.

‘The Maltese economy continues to power ahead’, qalulna. Huma sostnew li l-andament ekonomiku qed ikompli jissorprendi u li pajjiżna “remains one of the top performers in the euro area”. Ir-rapport jiddeskrivi r-riżultati riċenti bħala “remarkable”, u juri li bejn l-2013 u l-2017, il-ġid nazzjonali kiber bi tliet darbiet ir-rata ta’ tkabbir ta’ bejn l-2004 u l-2012. L-analisti tad-DBRS innutaw ukoll li filwaqt li s-settur tal-gaming għandu rwol importanti, huma diversi s-setturi li qed jiġġeneraw dan ir-riżultat.

B’kuntrast ma’ dawk li qed imexxu kampanja kontra l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-esperti barranin tad-DBRS jgħidu li “Malta’s political environment is broadly stable”. Skont id-DBRS “the government is making additional efforts to improve governance and strengthen its institutional framework”.

Fl-istqarrija tagħha, l-aġenzija Moody’s spjegat li d-deċiżjoni li ttejjeb l-outlook għar-rating ta’ pajjiżna kienet dovuta għal żewġ fatturi. L-ewwel fattur kien li “Malta’s improving fiscal strength, due to a sustained pace of public sector debt reduction supported by prudent fiscal policy and containment of contingent liabilities”. Dan imur għal kollox kontra d-diskors tal-Oppożizzjoni li jgħid li mhux veru li sar titjib fil-qagħda finanzjarja tal-Gvern u l-aġenziji tiegħu.

Il-Moody’s qed isostnu li s-sena li għaddiet, il-Gvern laħaq surplus ta’ 1.5% tal-ġid nazzjonali, kontra defiċit ta’ 3.5% fl-2012. Filwaqt li nnuttaw li parti mit-titjib kien dovut għad-dħul mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, l-akbar parti kienet ġejja minn “fiscal consolidation efforts and sustainably strong economic performance”, tant li l-analisti tal-Moody’s sostnew li “if sustained, the improvement in fiscal strength will support the assignment of an A2 rating.”

It-tieni fattur li wassal għal titjib fl-outlook tar-rating ta’ pajjiżna kien “robust medium-term growth prospects supportive of further improvements in fiscal metrics in future.” Fil-fatt, l-analisti tal-Moody’s jgħidu li kkumparat mat-tbassir tagħhom sena qabel, fl-2017 l-ekonomija Maltija kibret bi tliet punti perċentwali aktar milli mistenni. Il-Moody’s innotat ukoll ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna naqset għal livell rekord. Fost l-iżviluppi pożittivi li nnuttaw l-esperti tal-Moody’s jispikkaw “measures implemented in recent years targeting the labour market”, kif ukoll “substantial progress has been made in diversifying Malta’s energy sources and increasing energy efficiency.”

Aħna nilqgħu dawn l-aħħar ċertifikati pożittivi għal pajjiżna, magħmula minn osservaturi indipendenti. It-titjib fil-finanzi pubbliċi, fil-qagħda ekonomika, u fil-governanza li jinnutaw l-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali huwa inkoraġġanti, u l-Gvern jara dan bħala bażi soda għal aktar titjib fiż-żmen li ġej.

+ + +

Intant, id-dejn tal-pajjiż kompla jonqos.

Fl-ewwel xahar tas-sena kompla jiġi rreġistrat titjib fil-qagħda finanzarja tal-Fond Konsolidat tal-Gvern bl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jgħid li fl-ewwel xahar tas-sena, id-defiċit fil-kaxxa ta’ Malta kien ta’ ftit aktar minn tlettax-il miljun ewro.

Kien hemm xi kummentaturi oħra li fuq facebook u media oħra qabdu u fajru kummenti xejn pjaċevoli fil-konfront tiegħi

Dan ifisser kważi tliet miljun ewro inqas milli kien f’Jannar tas-sena l-oħra.  L-Uffiċċju tal-Istatistika qal li dan it-titjib kien dovut l-aktar għaliex id-dħul tal-Gvern żdied bi kważi 22 miljun ewro u fl-istess waqt in-nefqa tal-Gvern żdiedet b’dsatax-il miljun ewro fi żmien fejn ma żdiedet ebda taxxa.

Għalhekk f’Jannar, id-dejn tal-Gvern kien ta’ kważi 5,386 miljun ewro, €112 miljun anqas meta mqabbel ma’ Jannar tas-sena l-oħra.

Kemm jien kburi bir-riżultati li qed jinkisbu mill-poplu Malti u Għawdxi li tant jaħdem u tant hu bieżel.

+ + +

Bħalissa għaddej dibattitu f’ċertu postijiet dwar il-każ ta’ Christopher Bartolo, iż-żagħżugħ li sfortunatament tilef il-kliewi tiegħu u li ntbagħat il-ħabs mill-Qorti Kriminali wara sejbin ta’ ħtija fuq reati kriminali relatati ma’ 167.52 grammi tad-droga kannabis u recidivita’.

Fil-5 ta’ Ottubru 2016 huwa  fetaħ kawża kostituzzjonali wara din is-sentenza tas-sejbin ta’ ħtija).  Fl-ewwel istanza huwa rebaħ din il-kawża Kostituzzjonali b’sentenza tat-23 ta’ Novembru, 2017 u l-Avukat Ġenerali appella fil-5 ta’ Diċembru 2017.  L-Appell hu differit għal 11 il-jum ieħor fejn fit-8 ta’ Marzu se jsiru s-sottomissjonijiet mill-Avukati rispettivi.

Irrid ngħid mill-bidu nett li l-familjari u l-qraba tas-Sur Bartolo huma nies serji u li wrew prudenza u serjetà kbira fil-mod kif tkellmu fil-pubbliku dwar il-każ u dwar il-Gvern.  Ta’ dan nirringrazzjahom.

Kien hemm kummentaturi fuq facebook, bħal sieħbi Bjorn, li tkellmu minn qalbhom u b’mod ġenwin.  Rajt ukoll il-kumment, għaldaqstant ġenwin, fuq facebook minn Christopher stess li kitbu kif jgħid hu stess waqt li kien qiegħed l-Isptar jieħu s-servizzi mediċi li għandu bżonn.

Kien hemm xi kummentaturi oħra li fuq facebook u media oħra qabdu u fajru kummenti xejn pjaċevoli fil-konfront tiegħi.

Jien m’iniex se nikkommenta pubblikament dwar il-każ tas-Sur Bartolo għaliex kull ħaġa li nista’ ngħid tista’ tippreġudika l-każ li huwa għadu għaddej fil-Qorti Kostituzzjonali.  Qatt m’jien se ngħid nofs ta’ kelma li tajjeb jew ħażin tista’ ttellef mid-dritt assolut ta’ dritt xieraq li għandu Christopher. Naf li din tirrendini a sitting duck, kif jgħidu u mira komda u faċli imma jien irrid nirrispetta d-drittijiet kollha ta’ Christopher bi sħiħ.

Li nista’ ngħid hu li qed nieħdu t-talba tiegħu għal rilaxx u ħelsien mill-arrest minħabba raġunijiet eċċezzjonali b’serjetà sħiħa, kif dejjem ħadt kull każ.

More in Blogs