Opinjoni | Tama ġdida fl-Afrika

Zuma kien anke akkużat illi stupra t-tifla ta’ ħabib tiegħu illi miegħu kien qatta’ għaxar snin il-ħabs f’Robbin Island

Meta x-xahar l-ieħor il-Parlament Taljan approva missjoni ġdida ta’ 470 suldat fin-Niġer, il-kwistjoni qajla qajmet kontroversja minkejja illi l-qiegħa qiegħda tisħon sew qabel l-elezzjoni tal-4 ta’ Marzu li ġej. Anke partiti fl-oppożizzjoni bħal Forza Italia fehmu l-ħtieġa illi t-Taljani jibgħatu t-truppi tagħhom sabiex tinżamm l-ordni fit-territorji vasti sub-Saħarani u jkun hemm kontroll aħjar fuq it-toroq li jintużaw għall-immigrazzjoni llegali. It-Taljani ser jingħaqdu mal-Amerikani u l-Franċiżi li wkoll għandhom truppi fin-Niġer.

Minkejja li qegħdin fix-xifer tagħha, ftit huma dawk il-Maltin illi jagħrfu l-importanza tat-tieni l-akbar kontinent li għandu populazzjoni ta’ 1.2 bn jiġifieri 16% tal-populazzjoni dinjija u jkopri 20% tal-art kollha tad-dinja. Imma l-potenzi l-kbar ilkoll jagħrfu l-importanza ta’ dan il-kontinent.  L-aktar li qed turi interess fl-Afrika u qed tinvesti kapital kbir f’dan il-kontinent hija ċ-Ċina.  Tant kemm qiegħda ssir importanti ċ-Ċina f’diversi pajjiżi illi huwa ferm verosimili illi qabel ma l-armata taż-Zimbabwe daret dan l-aħħar kontra l-President Robert Mugabe li kien ilu fil-poter 37 sena, il-kap tal-armata għamel żjara ċ-Ċina fejn presubilment ġab l-approvazzjoni tal-awtoritajiet Ċiniżi qabel ma ħa dan il-pass.

Anke bosta imprendituri Maltin qed juri interess kbir fl-Afrika u l-investiment Malti f’dan il-kontinent qed dejjem jiżdied.  Bosta imprendituri illi qabel kellhom interessi kummerċjali fil-Libja issa dawru l-interessi tagħhom għal pajjiżi oħra fil-kontinent bħal Ghana u l-Etjopja.  U bir-raġun għax dawn il-pajjiżi qed ikollhom rata impressjonanti ta’ tkabbir ekonomiku.  L-Etjopja huwa l- pajjiż Afrikan bit-tieni l-akbar populazzjoni (wara n-Niġerja) ta’ 100 miljun.  Fis-sena 2000, il-populazzjoni kienet 65 miljun u l-pajjiż kien it-tielet l-ifqar fid-dinja bi Prodott Gross Domestiku ta’ xi $ 650. Aktar min-nofs il-populazzjoni kienet taħt il-linja tal-faqar, l-ogħla rata ta’ faqar, fid-dinja.  Skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, mill-2000 sal-2016, l-Etjopja kienet it-tielet l-aktar pajjiż illi kellu tkabbir fil-PGD ras imb’ras. It-tkabbir ekononiku kien għas-snin bejn l-2005/2006 u l-2015/2016 medja ta’ 10.5% fis-sena u r-rata ta’ faqar niżlet għal 31%.  Id-dħul ras imb’ras għadu baxx imma żdied għal $ 1608 fl-2016.  L-Etjopja għandu prospetti ekonomiċi ferm tajbin minkejja illi kellu gvern ferm repressiv matul dawn l-aħħar snin.

L-Etjopja hija l-unika pajjiż afrikan li ma ġiex ikkolonizzat ħlief għall-interludju qasir Taljan.  Fl-1975, l-imperatur Haile Selassie ġie mneħħi f’kolp ta’ stat militari u t-tmexxija tal-pajjiż waqgħet f’idejn ir-reġim militari repressiv ta’ Mengistu Haile Mariam illi qatel eluf ta’ opposituri.  Dan ir-reġim militari tilef il-poter fl-1991 meta tneħħa minn koalizzjoni ta’ ribelli li kienu mmexxijin minn Meles Zelawi illi eventwalment sar Prim Ministru.  Minn mindu miet Zelawi fl-2012, fil-pajjiż kien hemm bosta protesti minn gruppi etniċi diversi bir-riżultat illi ħafna spiċċaw il-ħabs u mijiet inqatlu.  Il-gvern iddikjara stat ta’ emerġenza imma dina d-dikjarazzjoni ma solvietx il-problemi tar-reġim.  F’Jannar li għadda, il-gvern ħeles il-priġunieri politiċi ħalli illi l-protesti fil-pajjiż jieqfu.  Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Hailemariam Desalegn irriżenja bit-tama illi r-riżenja tiegħu sservi sabiex il-pajjiż jikkalma u titjieb il-klima politika.   

Ftit sigħat qabel kien irriżenja president ta’ pajjiż afrikan ieħor, l-Afrika t’Isfel. Pajjiż ta’ 54 miljun b’riżorsi naturali bla rażan, it-tmiem tal-apartheid 23 sena ilu ma ġabx emanċipazzjoni ekonomika għal maġġiorparti tal-populazzjoni sewda. Wara s-snin ta’ tama taħt Nelson Mandela u l-interludju tal-presidenza ta’ Thabo Mbeki, l-aħħar disa’ snin tal-presidenza ta’ Jacob Zuma kienu kkaratterizzati b’deklin ekonomiku, stanjazzjoni u korruzzjoni kbira. Zuma pprova jikkompensa għat-tkabbir ekonomiku ferm baxx billi espanda s-settur pubbliku u taħt il-presidenza tiegħu, il-klijentaliżmu żdied ferm.  Matul l-aħħar għaxar snin, it-tkabbir ekonomiku kien medja ta’ 1.4 % u l-qagħad illum hu ta’ 27%.  L-Afrika t’Isfel hu wieħed mill-aktar pajjiżi illi għandu disugwaljanzi ekonomiċi, frott l-era tal-apartheid. Imma 23 sena ta’ tmexxija mill-Kungress Nazzjonali Afrikan ma rnexxielhiex tnaqqas tali disugwaljanza. L-infrastruttura għadha ferm batuta u s-sistema edukattiva hija ferm defiċjenti. Studju riċenti wera illi l-Afrika t’Isfel hija l-pajjiż bl-ogħla rata ta’ illiteriżmu b’78% tal-istudenti fi Grade 4 Mhumiex kapaċi jiktbu u jaqraw. Fl-Ingilterra r-rata hi 3% mentri fiċ-Ċili hi 13%.

Zuma huwa persuna kontroversjali ferm: kien anke akkużat illi stupra t-tifla ta’

ħabib tiegħu illi miegħu kien qatta’ għaxar snin il-ħabs f’Robbin Island fejn anke kien inżamm Mandela.  F’Robbin Island, Zuma ġie edukat mill-ħabsin sħabu u wara li ħareġ il-ħabs, mar fl-eżilju fil-Mozambique fejn bil-mod il-mod tela l-ġerarkija tal-Kungress Nazzjonali Afrikan. Il-presidenza ta’ Zuma kienet ikkaraterizzata b’episodji spissi ta’ korruzzjoni. Bena palazz presidenzjali enormi u l-Ombudsman tal-pajjiż ordnalu jirrifondi parti mill-ispejjeż li nefaq f’ din il-propjetà minħabba li kienet għal użu strettament personali. Il-Qorti Kostituzzjonali tal-pajjiż kienet unanimament ordnatlu jirrifondi € 230,000 lill-Istat. Dwar dan kont ktibt f’dan il-ġurnal fit-3 t’April 2016 (“Lezzjonijiet min-Nofsinhar”).

Ir-rabtiet tiegħu mal-familja ta’ oriġini asjatika Gupta, waħda mill-aktar familji sinjuri tal-pajjiż qanqlu ħafna tħassib.  Din il-familja ġawdiet ferm mill-kuntratti tal-gvern u ngħad li anke kellha s-saħħa tneħħi l-ministru tal-finanzi.  L-ekonomija tant iddeterjorat illi żewġ aġenziji tar-rating iqisu d-dejn tal-pajjiż bħala junk.  Wara illi fl-elezzjonijiet muniċipali ta’ Awwissu 2016 il-perċentwal ta’ voti li ġab il-Kungress Nazzjonali Afrikan niżel għal 53% u l-oppożizzjoni rebħet il-kontroll ta’ bosta bliet fosthom Johannesburg, il-pressjoni sabiex l-affarijiet fi ħdan il-Kungress Nazzjonali Afrikan jinbidlu kibret sew.

Fil-kungress ta’ Diċembru li għadda saret l-elezzjoni sabiex jinħatar is-suċċessur ta’ Zuma. Iż-żewġ kontendenti kienu l-eks mara ta’ Zuma u ex ministru tas-saħħa u tal-affarijiet barranin kif ukoll kap tal-Unjoni Afrikana, Nkosana Diamini Zuma u l viċi-president Cyril Ramphosa. Ramphosa kien il-favorit ta’ Mandela biex jilħaq warajh imma tilef it-tellieqa tas-suċċessjoni. Imwieled f’Soweto, laħaq avukat imma taha għat-trejdunjoniżmu u organizza l-ħaddiema tal-minjieri illi għadha trejdunjon ferm f’saħħietha fil-pajjiż. Magħruf bħala negozjatur ferm abbli, kien ferm involut fit-trattattivi sabiex jispiċċa r-reġim tal-apartheid.  Meta tilef it-tellieqa għas-suċċessjoni ta’ Mandela, taha għan-negozju u akkumula fortuna diskreta.

Zuma pprefera illi tintgħażel Diamini Zuma imma din tilfet b’xi 179 vot.  Id-destin ta’ Zuma kien issiġġilat u minkejja illi rreżista kemm felaħ il-pressjoni illi beda jagħmillu l-partit tiegħu stess sabiex jirriżenja, fl-aħħar kellu jirrassenja ruħu għad-destin flok ma jaffaċja vot ta’ sfiduċja.  B’hekk Ramphosa ġie kkonfermat President unanimament mill-Parlament u issa jrid jipprepara għall-elezzjoni presidenzjali tas-sena d-dieħla illi huma mistennija illi jkunu ferm diffiċli għall-Kungress Nazzjonali Afrikan.

Din il-ġimgħa wkoll miet il-mexxej tal-opposizzjoni taż-Zimbabwe, Morgan Tvazigarai b’kanċer. Anke ż-Zimbabwe mistennija elezzjonijiet presidenzjali dalwaqt u wieħed jittama illi l-ekonomija taż-Zimbabwe titjieb wara d-diżastru tal-era ta’ Mugabe. Il-prospetti għal Zimbabwe tjiebu wara illi l-armata keċċiet lil Mugabe mill-poter imma żammet lura milli tieħu l-poter f’idejha.

Meta jkun hemm bidla paċifika tal-poter, it-tama hi illi pajjiż akkwista l-istabbilità mixtieqa sabiex il-qagħda ekonomika titjieb. L-istabbilità fl-Afrika kienet ferm rari fis-snin wara t-tmiem il-kolonjaliżmu imma avvenimenti riċenti qed jagħtu lok għal tama ġdida.   L-Afrika mhijiex kontinent tal-iddisprati imma kontinent fejn hemm ħafna prospetti illi jeħtieġ illi jiġu realizzati.  Għandna nibqgħu attenti u ninvolvu ruħna aktar. Jagħmel sew il-gvern Malti illi jkabbar il-preżenza diplomatika tagħna fl-Afrika u jgħin dawk l-imprendituri li qed jinvestu f’dan il-kontinent vast.  It-titjib ekonomiku fl-Afrika hu l-aħjar rimedju għall-immigrazzjoni illegali u kulħadd igawdi minn aktar integrazzjoni ekonomika bejn l-Ewropa u l-Afrika.

[email protected]

More in Blogs