Opinjoni | L-aħħar ħarruba ġo Buleben u s-sens komun

Carmel Cacopardo jagħti ħarsa lejn it-theddida tal-art f'Buleben biex l-għelieqi jagħmlu l-wisgħa għal fabriki

Il-bdiewa ġo Buleben ġew ordnati jiżgumbraw għax l-art li ilhom jindukraw ġenerazzjoni wara l-oħra trid tagħmel il-wisgħa għal fabbriki ġodda. Għax qalulna li għandna bżonn il-fabbriki. Qisu m’għandniex bżonn ir-raba’ wkoll: il-ftit li baqa’!

Hi storja li ilha tirrepeti ruħha, kontinwament. Tomna wara l-oħra qed tinbela’ mill-konkos jew mit-tarmak. F’Buleben iridu jkabbru ż-żona industrijali. F’inħawi oħra jridu jgħaddu t-toroq jew jibnu d-djar jew xi lukanda, inkella joħolmu b’pompa tal-petrol, waħda wara l-oħra. Inkella nimlew lill-pajjiż bit-torrijiet, kompetizzjoni ta’ simboli falliċi, wieħed ikbar mill-ieħor.

L-attakk fuq l-art mhux żviluppata donnu li ma jistax jieqaf. L-iżviluppatur f’dan il-każ hu l-Gvern permezz tal-Malta Industrial Parks Limited. Anke l-Gvern qed jipprova jagħmel bħal uħud mill-iżviluppaturi: jipprova jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd.

L-iżviluppatur f’dan il-każ hu l-Gvern permezz tal-Malta Industrial Parks Limited. Anke l-Gvern qed jipprova jagħmel bħal uħud mill-iżviluppaturi: jipprova jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd

Dan xi progress hu? Għandna bżonn nieqfu naħsbu ftit dwar il-konsegwenzi ta’ dak li għaddej, tat-tħarbit li qiegħed jiġi ppjanat. Min qed iqis l-effett ta’ dan kollu?

Bla dubju l-espansjoni taż-żona industrijali ilha ppjanata żmien, snin kbar, sa minn meta tfassal għall-ewwel darba l-inħawi fis-snin sittin meta l-Korporazzjoni Maltija tal-Iżvilupp bdiet tiżviluppa l-ewwel żoni industrijali. Imma fortunatament dakinhar ma kienx hemm bżonn l-art kollha u ż-żona industrijali ma kinitx kbira daqs kemm kien ippjanat. Imma l-qbiela mingħand il-bdiewa ilha sa minn dakinhar ma tkun aċċettata. Issa tawhom ordni ta’ żgumbrament u għandhom xahar żmien biex joħorġu ’l barra.

Ta’ Buleben, dejjem kienet meqjusa bħala art mill-iktar għammiela, sakemm ħallewha bi kwieta. Fil-fatt Erin Serracino Inglott fil-Miklem Malti jfisser il-kelma Buleben bħala “sid l-imrieħel li jagħtu ħafna ħalib”. Kien għalhekk li meta l-agrikultura kellha importanza ekonomika ikbar li l-art ta’ Buleben kienet meqjusa bħala ta’ importanza għax kienet art li tirrendi. Min għandu Ta’ Buleben, jgħid wieħed mill-qwiel li ħolqu missierietna, id-dinja tagħtih widen. Għax agrikultura għammiela kienet tfisser ukoll saħħa ekonomika, meta l-agrikultura kellha importanza ċentrali fil-ħajja ta’ missierijietna.

L-art hi tal-Gvern li bla dubju issa ser jargumenta li ma baqax biżżejjed art fejn jikbru ż-żoni industrijali. Forsi jgħidilna wkoll li wieħed mill-oqsma industrijali li seta jintuża flok dak ta’ Buleben kien dak tar-Rikażli. Imma ż-żona industrijali tar-Rikażli sadanittant ingħatat għall-ispekulazzjoni minn Gvern ieħor li injora l-ħtieġa ta’ iktar spazju għall-fabbriki. Ikollu raġun jekk jgħid hekk il-Gvern. Imma mhux biżżejjed li nippuntaw subgħajna lejn l-iżbalji ħoxnin tal-bieraħ biex niġġustifikaw l-iżbalji tal-lum. Xorta jibqgħalna l-obbligu li llum nagħmlu ħilitna kollha biex nipproteġu l-ftit li baqa’.

Huwa għalhekk floku dak li qed tagħmel l-għaqda Żejtunija Wirt iż-Żejtun, immexxija mill-Perit Żejtuni Reuben Abela. Għax anke iż-Żejtun, jeħtieġ u jixraqlu l-protezzjoni. Huwa pass ’il quddiem li n-nies, huma għajnejhom miftuħin beraħ biex, sa fejn hu possibli, huma wkoll iħarsu wirt missirijietna.

Hu possibli, kif qalet l-assoċjazzjoni Wirt iż-Żejtun li jintuża spazju fiż-żona industrijali mingħajr ma tintmiss iktar raba’. Ikun floku wkoll li niftakru li l-Pjan Lokali għan-Nofsinhar, approvat tnax-il sena ilu, jinkludi dikjarazzjoni dwar il-ħtieġa li jkun imħares il-valur agrikolu tal-art fl-inħawi li fiha kwantità mhux żgħira ta’ siġar tal-ħarrub li huma f’saħħithom u li ilhom hemm mijiet ta’ snin.

Tajjeb li niftakru wkoll li fl-inħawi f’dawn l-aħħar snin instabu fdalijiet Puniċi u li jekk iktar art ser tkun disturbata probabbilment jinstabu bosta iktar fdalijiet arkeoloġiċi.

Hu inutli li nilmentaw kemm il-ġenerazzjoni żagħżugħa ftit hi interessat fil-biedja jekk Gvern wara l-ieħor jibqa’ jittratta lill-bdiewa daqstant ħażin

Hemm imbagħad konsiderazzjoni oħra. Il-binja tal-estensjoni taż-żona industrjali ser tqarreb il-fabbriki lejn iż-żona residenzjali ta’ Ġebel San Martin fiż-Żejtun. Il-fabbriki l-ġodda jidher li ser jiġu viċin wisq tar-residenzi. Il-pjanti proposti jiena ma rajthomx, ma jidhirx li huma pubbliċi s’issa. Imma l-għaqda Wirt iż-Żejtun tgħid li ser ikun hemm biss ftit għexieren ta’ metri li jifred iż-żona residenzjali minn dik industrijali.

Issa meta tqis li diġà hemm inkonvenjent prinċipalment ikkawżat minn ħsejjes f’kull ħin tal-jum, dan ifisser li l-inkonvenjent ser jikber u ser ikun iktar qrib ukoll.

Waqt li qed nikteb ħarġet l-aħbar li diversi Membri Parlamentari li jiġu eletti f’isem il-Partit Laburista mit-tielet distrett elettorali (li jinkludi ż-Żejtun) qed jgħidu li l-Gvern qiegħed jisma’ dak li qiegħed jingħad u qed jikkunsidra siti alternattivi. Dan hu pass tajjeb. Għax hu dejjem tajjeb li s-sens komun jingħata ftit ċans. Imma dan ifisser ukoll li l-proposta ma kinitx studjata sewwa qabel ma tħejjew il-pjani għal iżjed fabbriki.

Jekk il-proposta ma tinbidilx ser ikun ifisser li ser noqtlu pulmun ieħor din id-darba dak ta’ madwar iż-Żejtun. Hu inutli li nilmentaw kemm il-ġenerazzjoni żagħżugħa ftit hi interessat fil-biedja jekk Gvern wara l-ieħor jibqa’ jittratta lill-bdiewa daqstant ħażin.

Inħarsu l-art mill-esaġerazzjonijiet ta’ żvilupp. Din il-proposta għal Buleben teħtieġ li titwarrab minnufih. Jekk le daqt inkunu nistgħu ngħidu li rajna l-aħħar ħarruba!

More in Blogs