Opinjoni | Vot 16

Rosianne Cutajar, l-iżgħar Deputat, titkellem dwar il-vot liż-żgħażagħ ta' 16-il sena

Għall-ewwel darba li tlajt Sindku, fl-età żagħżugħa ta’ 23 sena, fraħt li l-poplu Qormi fdani b’din ir-responsabilità kbira iżda niftakar ħassejt id-dinja taqa’ fuqi, daħlu fija elementi ta’ biża li dlonk neħħejt meta rrealizzat li hemm bosta nies ġenwini lesti biex jagħtuni l-appoġġ meħtieġ.

Iżda kien hemm ukoll min prova jfixkilni, prova jagħmilli l-ħsara. Kien hemm min saħansitra għamel imħatri li ma ndumx ma nitkisser għaliex skonthom tfajla ta’ 23 sena “hija żgħira wisq biex tmexxi lokalità daqstant kbira’’.

Iż-żgħażagħ mhux se jibqgħu biss qishom ornament sabiħ li jitpoġġa bilqiegħda wara l-kapijiet fid-diskorsi jew f’xi slots pubbliċitarji f’kampanja elettorali iżda protagonisti fl-għażla importanti ta’ min se jmexxi lil pajjiżna.

In-nuqqas ta’ fiduċja mingħand xi wħud imlieni b’enerġija biex inkun xprun ta’ ideat innovattivi għal-lokalità tiegħi, insemmi l-proġett tal-ewwel book box fil-pajjiż, l-ewwel bandli totalment aċċessibbli minn persuni bi bżonnijiet speċjali, u l-introduzzjoni tal-kunċett  tal-parking availability sensors, l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’pajjiżna u li se jiġi estiż fuq livell nazzjonali.

Dan hu eżempju ċar ta’ kif żagħżugħ jista’ jkun proattiv, joħroġ b’ideat innovattivi u jekk jingħata fiduċja u sapport, il-ħolm li jkollu fuq karta jsir realtà!

Għall-kuntrarju ta’ xi tbassir, sitt snin wara mhux talli ma tkissirtx, talli qed nikkontribwixxi bl-ideat tiegħi fuq pjattaforma aktar għolja, fl-ogħla istituzzuzjoni tal-pajjiż bħala l-iżgħar membru parlamentari tal-Kamra u l-iżgħar mara eletta f’70 sena.  Flimkien miegħi fuq il-bank tal-Parlament għandi wkoll kollegi tal-età tiegħi li bħali bdew fil-politika ta’ età żgħira. Ilkoll kemm aħna ħdimna u stinkajna għal-lokalitajiet tagħna iżda wkoll biex biss inkissru x-xettiċiżmu fil-konfront taż-żgħażagħ. Kburija li konna ta’ ispirazzjoni u li frixna t-tapit għal aktar żgħażagħ biex fl-elezzjonijiet ta’ wara, aktar żgħażagħ jersqu ’l quddiem u suċċessivament jiġu eletti.

Iżda niġi għas-suġġett tal-vot sittax.

Nemmen li b’dan id-dritt il-ġdid, aħna il-politiċi se npoġġu aktar fiċ-ċentru tal-politika tagħna liż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ mhux se jibqgħu biss qishom ornament sabiħ li jitpoġġa bilqiegħda wara l-kapijiet fid-diskorsi jew f’xi slots pubbliċitarji f’kampanja elettorali iżda protagonisti fl-għażla importanti ta’ min se jmexxi lil pajjiżna.

Dan id-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ sittax il-sena m’għandux ikun però dritt iżolat, għandu jkun dritt li jingħata b’għarfien biex proprju jiġi eżerċitat b’serjetà. U allura huwa kruċjali  f’dan kollu l-iskejjel tagħna, dak li l-istudenti tagħna jitgħallmu fis-sekondarja. Irid ikun hemm mhux biss lezzjonijiet dwar l-istorja politika lokali, Ewropea u internazzjonali iżda wkoll lezzjonijiet prattiċi dwar xi jfisser id-dritt tal-vot u l-politika bħala strument ta’ progress. Għaliex l-għan edukattiv m’għandux biss ikun id-dritt innifsu tal-vot imma li jiġi magħġun fl-istudenti tagħna l-interess fil-ħajja politika.

Ħafna jargumentaw li żgħażagħ ta’ sittax–il sena jkunu wisq moħħ ir-riħ biex jivvutaw u li ma tinteressahomx il-politika. Iżda jien naħseb li f’Malta hawn kultura fejn il-politika hija segwita u din hija xi ħaġa sabiħa, allura hu diffiċli biex iż-żgħażagħ ta’ sittax ma jkunux jafu x’inhu għaddej!

Nemmen li ġaladarba jkollhom dan id-dritt se jinteressaw irwieħhom awtomatikament fil-politika u se jirrealizzaw li bil-vot tagħhom jistgħu jagħmlu differenza. Huwa vera li jkun għad hemm min hu xi moħħ ir-riħ imma la ġejna f’dan hawn min għandu 55 sena u huwa moħħ ir-riħ!

Din tan-nuqqas ta’ maturità m’għandhiex allura tkun skuża biex ma nagħmlux dan il-pass importanti. Din għandna nħarsu lejha bħala opportunità biex il-pajjiż ikollu jkattar il-fiduċja tiegħu fil-ġenerazzjoni żagħżugħa u nneħħu kull forma ta’ xettiċiżmu li jista’ jeżisti fil-konfront taż-żgħażagħ, l-istess xettiċiżmu li kien hem fil-konfront tiegħi u ta’ żgħażagħ oħra li dħalna fil-politika ta’ età żagħżugħa.

Dawn mhumiex bidliet ta’ konvenjenza iżda għax b’konvinzjoni nemmnu fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ tagħna u nemmnu li l-pajjiż għandu x’jiggwadanja minn din id-deċiżjoni.

Ħafna argumentaw u qalu fid-diskorsi tagħhom li dan l-abbozz huwa pass kuraġġuż, fl-opinjoni tiegħi, aktar milli kuraġġuż dan huwa l-pass naturali li jmiss. It-tibdil fil-liġi li se nimplimentaw huwa jekk xejn turija ta’ kemm qed ngħixu f’pajjiż b’demokrazija b’saħħitha li issa ħa jkun qed iwessgha l-liġijiet biex jagħti l-opportunità lil aktar minn tmint elef żagħżugħ jeżerċita l-preferenza elettorali tiegħu.

Inweġġa’ meta nisma’ lil min jargumenta illi l-Gvern qed iressaq dan l-abbozz biex niġbdu s-simpatija taż-żgħażagħ. Is-simpatija tiġbidha bir-riżultati li tikseb, jum wara jum. Dawn il-kummenti juru kif sfortunatament fl-2018 għad hawn min jaħseb li ż-żgħażagħ m’għandhomx moħħ biex jagħrfu t-tajjeb minn dak li hu inqas tajjeb u biex jagħżlu lil min jixtiequ li jmexxi lil pajjiżna.

Dawn mhumiex bidliet ta’ konvenjenza iżda għax b’konvinzjoni nemmnu fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ tagħna u nemmnu li l-pajjiż għandu x’jiggwadanja minn din id-deċiżjoni.

Dan il-pajjiż għandu bżonn politiċi li jisfidaw is-sistema u mhux li jinġarru mal-kurrent u jirriċiklaw l-ideat.

Nieħu l-okkażjoni li nawgura l-isbaħ xewqat liż-żgħażagħ kollha li dalwaqt jibdew bl-eżamijiet.

More in Blogs