Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Malta l-ewwel u qabel kollox

Malta f’kulma nagħmlu għandha tiġi l-ewwel, u qabel kollox.

Ministru Owen Bonnici / 1 ta' Frar 2018 20:30
Qabel ma inti membru ta’ xi partit, ta’ xi assoċjazzjoni jew ta’ xi organizzazzjoni, inti Malti jew Maltija.

Malta f’kulma nagħmlu għandha tiġi l-ewwel, u qabel kollox.

Kull min jingħata kariga importanti f’dan il-pajjiż, jieħu ġurament fejn jaħlef li se jkun fidil u leali lejn il-poplu Malti u l-Kostituzzjoni.

Dan il-ġurament mhuwiex sempliċi ħela ta’ żmien. Altru. Ġurament hi azzjoni fejn inti qed tagħti kelma quddiem Alla u quddiem il-bniedem li se tagħmel xi ħaġa. U meta nieħdu ġurament li nkunu fidili u leali lejn il-poplu Malti u l-Kostituzzjoni tagħha aħna għandna obbligu li nagħmlu dan, dejjem.

Kritika fuq Malta

Il-kritika u d-dibattitu huma s-sisien ta’ kull demokrazija.  Il-kritika u d-dibatittu huma importanti li jsiru – mhux biss fil-Parlament, imma anke internament fi ħdan partit, assoċjazzjoni jew organizzazzjoni. Dik hija d-demokrazija. U Gvern għaqli huwa Gvern li jkun kapaċi li jgħarbel il-kritika, jifred il-kritika kostruttiva minn dik negattiva u jaġixxi fejn iħoss il-bżonn li jaġixxi.

U għalhekk hu dmir l-Oppożizzjoni li tippreżenta alternattivi lill-Gvern u tagħmel kritika serja u tal-aqwa livell.

Dik hija d-demokrazija.

Biss inħoss li hemm linja ħamra li m’għandhiex tinqabeż.

Il-linja tinqabeż meta flok kritika u dibattitu kostruttiv isir attentat ta’ impożizzjoni ta’ ħsara lil pajjiżna mal-barranin.

Dik hija linja li ma għandha qatt tinqabeż. Fil-fehma tiegħi qed jiżbaljaw bil-kbir Metsola, Casa u issa anke – simpatiku kemm hu simpatiku - Zammit Dimech li qed jużaw fora Ewropej u barranin biex isawtu kemm jifilħu lil Malta.

Il-familja Caruana Galizia

Jien għandi kull rispett u sogħba lejn dak li għaddiet minnu l-familja Caruana Galizia bil-qtil makabru ta’ mara u omm. Meta wlied Caruana Galizia jitkellmu jien nifhem li dawn għaddew minn trawma indeskrivibbli li kapaċi tkisser lil kull persuna. Li ommok tispiċċa maqtula bil-mod kif sfat maqtula hija xi ħaġa li taħseb biss fuqha titwerwer, aħseb ara meta nafu li seħħet fir-realtà.

Jiena qatt m’jien se nasal biex ngħid nofs ta’ kelma kontra l-familja Caruana Galizia, tkun kemm tkun qawwija jew inġusta l-kritika li tista’ ssir anke jekk fil-konfront tal-Gvern u esponenti tiegħu, jiena inkluż.  Ir-rabja u d-dispjaċir huma evidenti u probabli, kieku jien għaddejt mill-istess esperjenza, kont nagħmel agħar.

Bħala stat ta’ fatt, kull persuna barranija li se tiltaqa’ mal-familja Caruana Galizia se tisma’ x’għandha xi tgħid il-familja u se tagħtiha piż kbir. Inġusta kemm hi inġusta l-kritika, kull kelma li toħroġ għandha piż kbir u jien konxju ta’ dan il-fatt.

Għalhekk nemmen li rridu nidħlu fi djalogu kostruttiv u miftuħ ma’ kull min għandu interess fis-saltna tad-dritt f’pajjiżna. U nidħlu fi djalogu għax għamilna ħafna u għandna ħafna x’ngħidu dwar dak li effettivament sar.

Artiklu 7

Jien miftuħ beraħ għal kwalunkwe kritika kostruttiva li tista’ ssaħħaħ bil-fatti s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Għamilna ħafna u rridu nkomplu nwettqu.  Biss, jien assolutament ma nistax naċċetta min irid ipengi stampa li f’Malta għandha xi kollass tas-saltna tad-dritt fejn kulħadd jagħmel li jrid u li hawn xi Wild West jew abbandun tar-regoli.

Kull min direttament jew indirettament qed jagħti x’jifhem li f’pajjiżna hawn riskju ta’ ksur tal-valuri Ewropej jew tas-saltna tad-dritt assolutament m’huwiex fuq in-naħa tas-sewwa.  Il-barranin li qed jgħidu hekk qed jgħidu hekk jew għax ġew mitmugħa informazzjoni ħażina jew esaġerata, jew għax għandu interess – senjatament dak fiskali – li jfixklu l-pajjiżna biex il-ġid flok jiġi Malta jmur pajjiżhom.  Il-politiċi Maltin li qed jingħaqdu magħhom min b’mod u min b’ieħor frankament imisshom jistħu.

Irrid nesprimi sodisfazzjon li jeżisti kunsens bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni li l-Artiklu 7 (jiġifieri l-buttuna li tingħafas meta jiġi aċċertat li jeżisti riskju ta’ ksur ta’ valuri Ewropej jew tas-saltna tad-dritt) ma għandux jiġi applikat fil-konfront ta’ Malta u li din il-ħaġa tkun ta’ ħsara kbira għal pajjiżna.  Dan il-kunsens hu kruċjali u essenzjali.

Issa jiena naf li ġurnata u nofs wara li jien irrapportajt dwar dan il-kunsens fil-Parlament Ewropew, Adrian Delia qal kliem fis-sens li jien għidt ħaġa b’oħra jew għawwiġt il-fatti.  Jekk dan id-diskors iservi biex Adrian Delia jkun jista’ jikkalma l-estremisti fi ħdan il-Partit tiegħu, jagħmel hu. Nilqa’ l-isfida, fl-interess nazzjonali. Il-kruċjali hu li jeżisti kunsens bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni li l-impożizzjoni tal-Artiklu 7 fuq Malta hija xi ħaġa li m’għandhiex tkun akkost ta’ kollox.

Jien se nagħmel ħilti kollha biex dan il-kunsens li għandna f’Malta nieħdu fl-Ewropa.

Inġust

Għax din il-kritika li qed nirċievu hi inġusta għall-aħħar.  Għax il-fatt li Daphne Caruana Galizia nqatlet b’mod makabru u inaċċettabbli għall-aħħar – b’mod li xxokkja lil kulħadd mill-ġewwieni tiegħu – ma jfissirx li kulma kitbet sar f’daqqa waħda d-domma tal-verità u s-sewwa.

Bħal pereżempju dak li qed tgħid l-MEP - Soċjalista bħali għal ġieħna- Anna Gomes dwar l-eks Spettur Ferris u l-whistleblowers’ Act.  Żbaljata mill-bidu sal-aħħar. U dan għidtulha, b’kull rispett, f’wiċċha.

Nifhem li tieħu żball għax tant kemm m’hawnx liġijiet ta’ Whistleblowers fl-Ewropa li bilfors ma tantx għandha familjarità mas-sistema.

Il-proċedura hija kif ġej:

Whistleblower ġenwin meta jgħaddi informazzjoni dwar għemil ħażin li seta’ sar jieħu protezzjoni b’mod awtomatiku.  Mhux il-Prim Ministru jew il-Gvern jagħtihielu imma ssir b’mod awtomatiku.  U l-protezzjoni essenzjalment tkun li dan ma jistax ibati minn diskriminazzjoni jew trattament ħażin minħabba l-fatt li żvela l-informazzjoni.  U jingħata l-għodod x’juża f’każ li xi ħadd xorta waħda jagħmillu trattament ħażin. Anke jekk il-whistleblower ikun ta informazzjoni li wara tirriżulta li tkun ħażina – jibqa’ protett xorta waħda basta jkun in bona fide.

Issa aħna tant kemm ridna niġġieldu l-korruzzjoni, li fil-liġi għamilna li jekk whistleblower jagħti informazzjoni dwar għemil ħażin li jkun ukoll reat kriminali u dan il-whistleblower ikun imdeffes hu wkoll bħala awtur jew kompliċi fir-reat kriminali, dan il-whistleblower ikun jista’ jibbenefika jew minn tnaqqis fil-piena (b’poteri speċjali li tajna l-Qorti) jew saħansitra minn ċertifikat ta’ immunità li joħroġulu l-Avukat Ġenerali wara li jikkonsulta Imħallef.

Issa fil-każ ta’ Ferris hu ċar li dan mhux każ fejn irid jagħti informazzjoni dwar għemil ħażin li hu reat kriminali u li fih hu mdeffes bħala awtur jew kompliċi fir-reat.  Allura l-Avukat Ġenerali fiex jidħol?  Allura Gomes għala qed iddeffes l-awtoritajiet fl-istorja? Mhux aħjar tiċċekkja ftit il-liġi?

Jien iktar naħseb li Ferris irid jevita liġi (li saret fi żmien Gvern Nazzjonalista) li tgħid li l-informazzjoni tal-FIAU ma tistax tiġi ppubblikata. Dan hu prinċipju li ssibu fil-liġijiet ewlenin tal-FIAUs u skont il-prinċipji ewlenin internazzjonali (ara pereżempju l-Egmont Charter) f’dan ir-rigward.  Il-Whistleblowers’ Act ma għandha x’taqsam xejn ma dan li qed jipprova jagħmel Ferris u anke student tal-ewwel sena tal-kors tal-liġi jkun jista’ jagħti parir lil Gomes biex tara ftit l-affarijiet sew qabel ma taqbad u tieħu dak li jgħidulha l-fazzjoni estremista tal-PN bħala vanġelu.

Kburi li jiena Malti

Jiena kburi li jiena Malti u għax kburi li jiena Malti lest li nitkellem ma’ kulħadd biex inwassal il-fatti veri dwar pajjiżna.

Kulħadd għandu dan l-obbligu u kulħadd għandu dover li jwettqu.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook