Opinjoni | Il-ġudizzju f’idejn il-poplu

Fil-Parlament Ewropew, il-Ministru Owen Bonnici kellu 10 minuti biex jirrispondi għall-mistqosijiet dwar is-saltna tad-dritt

Il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea huma r-rispett għad-dinjità umana u d-drittijiet umani, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u s-saltna tad-dritt. Dawn huma l-valuri li jgħaqqdu l-istati membri u dawn huma l-valuri li jagħmlu l-Unjoni Ewropea.

Dawn huma l-istess valuri u prinċipji li jsawru lilna l-Maltin u Għawdxin, imnaqqxa fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Mhumiex biss fuq il-karta imma narawhom fil-prattika fil-ġurnata ta’ kuljum. Naraw il-protezzjoni tal-aktar vulnerabbli fis-sistema tas-saħħa tagħna u s-sistema ta’ sapport soċjali; narawha fl-aċċess għall-edukazzjoni li jingħata lil kulħadd b’mod ugwali; narawha fl-għajnuna lin-nies li ma għandhomx saqaf fuq rashom jew li jinsabu fil-faqar jew li qegħdin fir-riskju ta’ esklużjoni soċjali.

Narawha fl-impenn biex niġġieldu l-abbużi, biex nindirizzaw l-inugwaljanzi, fil-liġijiet aktar b’saħħithom li jipproteġu vittmi minn kull tip ta’ vjolenza, ġejja minn fejn ġejja; narawha fl-implimentazzjoni ta’ libertajiet ġodda u fl-infurzar tal-liġijiet; fil-ħidma tal-Pulizija kontra t-traffikanti tad-droga; fir-riformi u fit-twettiq tal-leġiżlazzjoni li tagħmel lill-politiku responsabbli għall-għemil tiegħu, jgħaddi kemm jgħaddi żmien.

Narawha meta l-leġiżlatur jidħol fi djalogu biex jiġu aġġornati l-liġijiet u meta r-risposta għall-kritika tkun leġiżlazzjoni aktar b’saħħitha.

Huwa għalhekk ta’ diżappunt kbir mhux biss personali, imma anke fuq livell nazzjonali, meta nara Membri Parlamentari Ewropej, ipinġu stampa ta’ Malta li l-maġġoranza tagħna ma jidentifikawx ruħhom magħha.

Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew, waqt il-kumitat tal-libertaijiet ċivili, il-Ministru Owen Bonnici kellu 10 minuti biex jirrispondi għall-mistqosijiet ta’ madwar 13-il persuna, kollha bl-impressjoni li Malta huwa pajjiż fejn il-ġurnalisti huma mhedda; fejn ir-rule of law ma titħaddimx.

Ma stajtx nattendi għax bħalissa ninsab fl-Istati Uniti nsegwi programm organizzat mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan flimkien ma’ politiċi oħra, imma segwejt kif kien hemm min iddeskriva lil Malta bħalha ‘l-ħolqa dgħajfa’ tal-Unjoni Ewropea.

Kien hemm iżda wkoll min staqsa kemm ir-rapport li għamlet id-delegazzjoni li ġiet Malta seta’ jittieħed bis-serjetà meta d-delegazzjoni ma ltaqgħetx mal-midja kollha li topera f´Malta; meta kien hemm mistoqsijiet li ma ġewx imwieġba; meta n-nies li ltaqgħu magħhom kienu jinkludu kunsillier tal-Partit Nazzjonalista u eks assistent tal-eks Ministru Austin Gatt.

Kien hemm min qal li l-Gvern ipprova jixtri l-voti bit-tenders: ironikament, fl-istess ħin li l-Qorti f’Malta kkonfermat kif il-kumpaniji tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, ingħataw iktar minn €1,500,000 f’ ‘direct orders’ taħt amministrazzjonijiet preċedenti ta’ Gvern Nazzjonalista.

Il-Ministru Bonnici attenda għal-laqgħa tal-Parlament Ewropew għax b’mod ġenwin jinteressah jiddiskuti mal-Membri Parlamentari Ewropej. L-istess ġenwinità mhijiex riflessa f’ċertu Membri Parlamentari Ewropej li kkritikaw lil Bonnici b’diżrispett.

Għal dawn l-aħħar xhur, il-ħidma tiegħi u tal-kollegi kienet iffukata fuq li nuri l-istampa reali ta’ dak li qed jiġri f´Malta. Kienet ħidma kontinwa biex niltaqa’ ma’ Membri Parlamentari Ewropej, inkluż mill-grupp politiku tas-Soċjalisti u Demokratiċi. Ir-realtà hi li min irid jattakka lil pajjiżna qed isib l-affarijiet ħarir. Il-propoganda kontra pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej u ’l barra minnhom hija waħda ppjanata fid-dettall u strateġika u dan qed jidher bl-aktar mod evidenti.

Qrajt b’interess dak li qal il-kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, meta mistoqsi mill-gazzetta MaltaToday dwar ir-riskju li Malta titlef id-dritt tal-vot fl-Unjoni Ewropea jekk jiskatta Artiklu 7. Skont Delia, il-Partit Nazzjonalista se jopponi kull forma ta’ talba mill-Unjoni Ewropea biex jiskatta Artiklu 7 kontra Malta. Interessanti issa li l-istess gazzetta wkoll qalet li sorsi fi ħdan il-kumitat PANA qalu li Casa wkoll irrakkomanda lill-kollegi tiegħu biex jiskattaw Artiklu 7 kontra Malta, xi ħaġa li Casa insista mal-midja li mhux minnu.

Sa Novembru li għadda, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, ikkwotati fil-midja, iddeskrivew s-sitwazzjoni f´Malta bħalha waħda fejn “ir-rule of law kienet qiegħda tiġi mdgħajfa b’mod intenzjonat u sistematiku, bil-kollass sussegwenti li beda numru ta’ snin ilu u issa waslet f’punt fejn il-kompjaċenza hija inaċċettabbli” ("The intentional, systematic weakening and subsequent collapse of the rule of law in Malta started a number of years ago and has now culminated to a point that renders complacency unacceptable.” Times of Malta, November 15, 2017).

Sa dil-ġimgħa stess, l-istess esponenti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew komplew ipinġu lil Malta bħala pajjiż mifni bil-korruzzjoni, b’kultura ta’ impunità u fejn il-vuċi taċ-ċittadini tiġi injorata.

Kien propju f’Diċembru li għadda stess, meta ċ-chairman tal-kumitat PANA Werner Langen - li ġej mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew - hedded li l-kumitat PANA, irid jara li jkompli jiżdied l-moniteraġġ fuq Malta, jekk hemm bżonn anke permezz ta’ Artiklu 7.

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jinsabu wara l-bieb, u kulħadd kapaci jiġġudika meta jasal il-mument. L-importanti li ma nħallux lil min ikissirna bħala pajjiż għax jinteressah biss il-poter.

More in Blogs