Opinjoni | Partita miftuħa

Minkejja illi Renzi mhux għaddej minn fażi tajba, ħadd m’għandu jarmih għax żgur għandu l-forza illi jiġġieled u jirkupra

Ftit qabel l-aħħar tas-sena, il-President Taljan, Sergio Mattarella xolja l-Kmamar tal-Parlament u sejjaħ elezzjoni għal 4 ta’ Marzu li ġej. 

B’hekk, ser tintemm is-sbatax-il leġislatura tar-Repubblika Taljana li ser tkun damet b’kollox 1833 ġurnata, waħda mill-itwal fl-istorja ta’ wara l-gwerra Taljana.  Meta wieħed iħares lura, verament wieħed ma kienx jistenna illi dina l-leġislatura jirnexxielha tkompli sal-aħħar.

Wara l-elezzjoni ta’ Frar 2013, il-prospetti ma tantx kienu tajbin. Il-Partit Demokratiku mmexxi minn Pier Luigi Bersani kien favorit li jirbaħ. Tassew rebaħ maġġoranza fil-Kamra tad-Deputati fejn bis-sistema elettorali illi kellha l-Italja, l-hekk imsejħa porcellum, partit illi jkollu maġġoranza relattiva jakkwista maġġoranza tas-siġġijiet.

Imma fis-Senat taħdem sistema elettorali differenti fejn il-premju ta’ maġġoranza hu fuq bażi reġjonali. Il-Partit Demokratiku ma rnexxielux jakkwista maġġoranza fis-Senat u peress illi l-Italja għandha kostituzzjoni unika fejn iż-żewġt ikmamar tal-Parlament għandhom l-istess poter, il-PD ma setax jiggverna waħdu.

Il-problema ta’ Bersani kienet fuq min ser jaqa’ sabiex ikun f’pożizzjoni illi jifforma gvern. Ma kienx possibli illi wieħed idur fuq l-koalizzjoni taċ-ċentru lemin għall-appoġġ. Seta’ jkollu l-appoġġ ta’ Scelta Civica illi kien waqqaf Mario Monti, l-eks Prim Ministru u eks kummissarju illi kien mexxa gvern tekniku f’mument ta’ kriżi kbira wara r-riżenja ta’ Silvio Berlusconi. 

Madankollu,  Bersani xorta ma kellux in-numri meħtieġa sabiex iwaqqaf gvern. Għaldaqstant, Bersani dar fuq il-Moviment Cinque Stelle illi kellhom suċċess elettorali kbir u attwalment ġabu ftit aktar voti mill-PD fil-Kamra tad-Deputati.

L-attentati ta’ Bersani sabiex jikkonvinċi liċ-Cinque Stelle jidħlu f’koalizzjoni mal-PD ma rnexxewx minkejja illi Bersani aċċetta illi l-laqgħa ta’ bejniethom tiġi strijmjata fuq l-internet.  U b’hekk Bersani, bin mekanik u sid ta’ pompa tal-petrol u persuna mill-aktar diċenti li wettqet diversi riformi  importanti fi żmien li kienet ministru fil-gvern ta’ Prodi tilef iċ-ċans li jkun Prim Ministru. 

Minħabba l-qagħda politika ferm delikata, il-President Giorgio Napolitano aċċetta illi jerġa’ jilħaq President tar-Repubblika għall-ewwel darba fl-istorja Taljana. Fl-aħħar ta’ April, Napolitano inkariga lill-viċi segretarju tal-PD, Enrico Letta sabiex jifforma gvern.

Letta rnexxielu jwaqqaf gvern illi kellu l-appoġġ tal-Popolo della Libertà ta’ Silvio Berlusconi u fil-fatt, il-viċi Prim Ministru kien l-istess segretarju tal-PdL, Angelino Alfano, is-suċċessur diżinjat ta’ Berlusconi. 

Bersani rriżenja minn segretarju tal-PD wara illi fl-elezzjoni għall-president, numru kbir ta’ eletturi tal-PD ma segwewx il-linja tal-partit.  Minfloku laħaq, Matteo Renzi illi kien tilef ftit xhur qabel fit-tellieqa ma Bersani.

Il-gvern ta’ Letta ma tantx kellu ħajja twila. L-ewwel spiċċa mingħajr l-appoġġ ta’ Berlusconi illi ordna lin-nies tiegħu biex ma jibqgħux jappoġġjawh.

Dawn mhux kollha obdewh u deher illi l-ħajja politika ta’ Berlusconi kienet qiegħda tittramonta. Imma d-daqqa tal-mewt lil Letta ngħatat mill-partit tiegħu stess illi fuq istigazzjoni ta’ Matteo Renzi sfiduċjawh waqt laqgħa tad-direzzjoni tal-partit. Letta ma kellux triq oħra ħlief li jirriżenja minn Prim Ministru u eventwalment, telaq anke l-politika biex jiddedika ruħu għall-ħajja akkademika.

Postu ħadu l-istess Matteo Renzi illi sa ftit qabel kien qed iserraħ ras Letta illi postu ma kienx mhedded. Renzi saħħaħ il-posizzjoni tiegħu billi barra mill-appoġġ ta’ grupp ta’ deputati u senaturi mmexxija minn Angelino Alfano li telqu lil Berlusconi sabiex iffurmaw in-Nuovo Centro Destra ta’ ispirazzjoni demokristjana, kiseb l-appoġġ ta’ grupp ieħor li ħareġ mill-PdL immexxi minn wieħed mill-akbar logutenti ta’ Berlusconi, Dennis Verdini.

Verdini huwa Toskan bħal Renzi u ferm kontroversjali b’diversi kawżi l-qorti li jistgħu jitfgħuh il-ħabs. Imma l-voti tiegħu fis-senat kienu prezjużi biex jitwieled il-gvern ta’ Renzi.

Renzi pprova jingrana l-ekonomija Taljana illi kienet għaddejja minn perjodu ferm ikrah. Wettaq diversi riformi fosthom dik ferm importanti tas-suq tax-xogħol. 

Minkejja l-oppożizzjoni tat-trejd unjons illi tradizjonalment appoġġjaw lil PD jew il-predeċessuri tiegħu fosthom il-Partit Komunista,  il-parlament approva liġi ġdida li tlaqmet il-Jobs Act.  Permezz tagħha sar aktar faċli illi sid ikeċċi ħaddiem jekk m’għandhux xogħol għalih.  Din ir-riforma kienet waħda mir-raġunijiet illi bil-mod il-mod l-ekonomija Taljana  bdiet tistejqer u n-numru ta’ nies qiegħda jonqos.

L-iżball il-kbir li wettaq Renzi kien illi rabat il-futur tiegħu mal-eżitu tar-referendum kostituzzjonali illi permezz tiegħu pprova jirriforma s-senat. Is-senat dejjem kien il-mira ta’ min jipprova jirriforma s-sistema politika Taljana minħabba t-tul sabiex wieħed jirnexxielu jgħaddi liġijiet kif ukoll l-ispiża sabiex iżżomm 315-il senatur. 

Ir-riforma kienet tipprevedi t-tnaqqis tan-numru tas-senaturi għal mija li ma kinux ser jibqgħu jiġu eletti direttament imma magħżulin mir-reġjuni. Is-senat kien ukoll ser ikollu ferm anqas poteri milli għandu llum u ma setax jisfiduċja l-gvern. Kien hemm min kien kontra din ir-riforma u argumenta illi aħjar jitneħħa għalkollox. Madankollu, dina r-riforma ma ġietx aċċettata mit-Taljani bil-kbir fir-referendum tal-4 ta’ Diċembru 2016.

B’hekk, Renzi wkoll kellu jirriżenja għalkemm baqa’ segretarju tal-PD. Postu ħadu l-eks ministru tal-affarijiet barranin, Paolo Gentiloni.  Gentiloni m’għandux il-kariżma ta’ Renzi imma huwa anqas abrassiv minnu. Fis-sena u fuqhom li mexxa l-Italja, ġie mfaħħar minn bosta. Fl-istess ħin, l-ekonomija Taljana baqgħet titjieb u l-qagħadkompla jonqos.

Skont l-Istat, l-istitut statistiku Taljan, il-Prodott Gross Domestiku Taljan  fit-tielet kwart tas-sena kien 1.7% aktar milli kien sena qabel, figura li mhix ta’ barra minn hawn imma ħadd ma kien joħlomha ftit snin ilu.

Fl-istess ħin, il-figuri tan-nies li jaħdmu wkoll qed juru xejra pożittiva.  Ir-rata tan-nies fl-impjieg f’Novembru 2017 kienet 58.4%, 0.2 % aktar mix-xahar ta’ qabel mentri l-qagħad nieżel marġinalment b’0.1% għal 11%. Il-qagħad  fost iż-żgħażagħ ukoll nieżel b’1.3% fuq ix-xahar ta’ qabel imma għadu ferm għoli (34.3%) li jispjega għala hawn daqshekk  żgħażagħ Taljani f'pajjiżna jfittxu  x-xogħol.

Għaldaqstant l-Italja sejra għall-elezzjoni f’qagħda ferm aħjar milli kienet ħames snin ilu.  Imma ċertament ħadd ma jista’ jgħid illi m’għadhiex taffaċja perikli ekonomiċi kbar. 

Biss biss id-dejn pubbliku jammonta għal 160% tal-PGD li hu ċertament proporzjon ferm għoli.  Il-fatt illi d-dejn tal-gvern kull sena mhux jaqbeż it-3% tal-PGD mhux biżżejjed sabiex inaqqas dan id-dejn meta l-gvern m’għadx fadallu daqshekk assi x’jipprivatizza.  Imma jkun ġust illi wieħed jgħid illi l-Italja ħarġet mill-emerġenza ekonomika illi welldet il-gvern ta’ Monti.

L-istħarriġ tal-opinjoni ma tantx qed iqawwi qalb Renzi bil-PD dejjem inaqqas dejjem l-appoġġ li bħalissa bil-kemm kemm jaqbeż l-20%. L-eks allejati tax-xellug illi jinkludu lil Bersani jidhru li għandhom l-appoġġ ta’ 7% tal-elettorat. 

Għalhekk, anke jekk ikun hemm alleanza bejn il-PD u dawk li ħarġu minnu, proposta illi tidher improbabbli fil-preżent, Renzi ma jistax ikun f’qagħda li jmexxi.  Mill-banda l-oħra, iċ-ċentru lemin tiela’ dejjem ’il fuq fl-istħarriġ tal-opinjoni u qed kważi jilħaq 40% li għandu jkun biżżejjed sabiex imexxi waħdu bis-sistema elettorali l-ġdida.

Madankollu, iċ-ċentru lemin għandu bosta problemi fosthom ir-rapport xejn faċli tajjeb bejn Berlusconi illi hu interdett u ma jistax ikun elett u l-kap tal-Lega Nord, Matteo Salvini.  Berlusconi u Salvini spiss jadottaw pożizzjoni diametrikament ferm differenti bħal pereżempju, dwar il-vaċċinazzjoni u l-ewro.

Salvini jrid illi l-Italja toħroġ mill-ewro imma Berlusconi ma jridx. Iċ-ċentru lemin qed jipproponi illi l-Italja tabbanduna s-sistema progressiva ta’ tassazzjoni u minflok tadotta flat tax.  Mhuwiex ċar kif l-Italja tista’ tagħmel dan bid-dejn enormi li għandha imma Berlusconi jgħid illi b’din il-miżura, tonqos l-evażjoni tat-taxxa.

Fil-partita hemm element ieħor: il-moviment Cinque Stelle illi skont l-istess stħarriġ tal-opinjoni qed igawdi mill-appoġġ ta’ 28% tal-elettorat u għalhekk, jista’ jkun l-akbar partit fil-parlament il-ġdid. 

Madankollu, iċ-Cinque Stelle ma jridux jiffurmaw koalizzjoni ma’ ħadd u hu wisq probabbli illi l-kandidat premier tagħhom, Luigi DiMaio m’hux ser jirfes l-għatba ta’ palazzo Chigi.  Meta wieħed jara l-popularità tagħhom minkejja t-tmexxija xejn brillanti tas-sindku ta’ Ruma, Virginia Raggi, wieħed jinduna kemm hija wiesgħa l-faxxa tal-elettorat Taljan illi m’għandhiex fiduċja fil-partiti tradizzjonali.  Cinque Stelle jippruvaw jisfruttaw din l-iskuntentezza b’politika li la tista’ ssejħilha tal-lemin u l-anqas tax-xellug. DiMaio pprova jsaħħaħ il-kredenzjali tiegħu bħala Prim Ministru bi żjajjar f’ bosta bliet barranin u dan l-aħħar anke stqarr illi l-Italja ma tabbandunax l-ewro jekk mhux f’każ estrem.

L-Italja teħtieġ illi min imexxiha wara Marzu li ġej ikollu saqajh mal-art u ma joħlomx bil-ftajjar.  Jekk l-Italja titlaq mill-ewro, l-ispiża biex tħallas l-imgħax fuq id-dejn tispara bil-kbir u tista’ jkun insostenibbli. Il-lira żgur tiżvaluta ruħha bil-kbir u l-ħajja togħla ferm għalkemm l-esportazzjoni ssir aktar kompetittiva.  Ikun avveniment li faċilment jitfa’ l-arloġġ lura b’ħafna u ħafna snin u jikkawża ħsara li l-ekonomija Taljana mhux la kemm tissupera.

Jekk jirbaħ iċ-ċentru lemin, wieħed irid jara min ser imexxi l-koalizzjoni rebbieħa. Waqt li Berlusconi mhux eliġibbli illi jmexxi l-gvern, kandidat possibli hu Roberto Maroni, il-gvernatur tal-Lombardija illi din il-ġimgħa ħabbar bla mistenni illi mhux ser jerġa’ joħroġ għal gvernatur fl-elezzjonijiet ta’ Marzu li ġej.  Hu mil-Lega Nord imma ma tantx għandu rapport tajjeb ma’ Matteo Salvini.

Il-politika Taljana qatt mhu faċli li tifhimha  bil-personalitajiet spiss aktar importanti mill-partiti tagħhom. 

Minkejja illi Renzi mhux għaddej minn fażi tajba, ħadd m’għandu jarmih għax żgur għandu l-forza illi jiġġieled u jirkupra. Il-partita għadha ferm miftuħa u kollox hu possibli. Ħadd m’għandu jeskludi illi eventwalment il-gvern jiġi ffurmat mill-PD u minn Forza Italia u li jkun l-istess Renzi li jmexxieh jew xi ħadd qrib tiegħu.

Ċertament spiss jidher illi aktar jaqblu flimkien Berlusconi u Renzi milli l-alleati uffiċjali tagħhom. Minkejja kollox, Grosse Koalition oħra tidher illi għadha possibilità konkreta għall-Italja.

More in Blogs