Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Grazzi Ryan. Grazzi Clayton.

Fost il-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar hemm żewġ Membri Parlamentari: Ryan Callus għall-PN u Clayton Bartolo għall-PL.  It-tnejn li huma jaqblu li hu deżiderabbli li jkollna iktar pompi tal-petrol

Carmel Cacopardo / 20 ta' Jannar 2018 18:39
Kont preżenti għaż-żewġ sessjonijiet pubbliċi tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar meta dan iddiskuta l-applikazzjoni ta’ żvilupp għal 'petrol station' fi Triq is-Salini l-Magħtab.

Fl-ewwel laqgħa li saret nhar is-7 ta’ Diċembru, kienu tmienja l-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li attendew. Imma nhar il-11 ta’ Jannar, għat-tieni laqgħa, ħames membri oħra għamlu sforz u attendew ukoll!.  

Dawn il-ħames membri addizzjonali lkoll ivvutaw favur l-applikazzjoni, imma l-ebda wieħed jew waħda minnhom ma segwa jew segwiet id-diskussjoni dettaljata fis-sessjoni pubblika li saret nhar is-7 ta’ Jannar, kif kellhom l-obbligu li jagħmlu.

Tnejn mill-membri tal-Bord, wara li fl-ewwel laqgħa indikaw b’mod pubbliku li kellhom l-intenzjoni li jivvutaw kontra l-applikazzjoni bidlu l-fehma tagħhom fit-tieni laqgħa u ddeċidew li jivvutaw favur. Imma l-ebda wieħed minnhom ma ħass il-ħtieġa li jagħti spjegazzjoni pubblika dwar x’wassalhom għal dan il-pass li jibdlu l-fehma tagħhom.

Fost il-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar hemm żewġ Membri Parlamentari: Ryan Callus għall-PN u Clayton Bartolo għall-PL.  It-tnejn li huma jaqblu li hu deżiderabbli li jkollna iktar pompi tal-petrol.

Bħala riżultat ta’ dan it-tnejn li huma ivvutaw favur il-pompa tal-petrol tal-Magħtab. Ryan Callus kien osservat kemm kemm jgħolli jdejh meta saret it-talba għall-voti favur l-applikazzjoni ta’ żvilupp. Donnu ried li dawk preżenti jifhmu li ma kienx żgur dwar dak li kien qed jagħmel!

Iktar inkwetanti kienet l-imġiba ta’ Clayton Bartolo. Nhar is-7 ta’ Diċembru kien diġà ddikjara pubblikament li hu kien qed jopponi l-ħruġ tal-permess ta’ żvilupp għall-pompa tal-petrol tal-Magħtab.

Imma nhar il-Ħamis li għadda bidel fehmtu u minflok ivvota favur. Hu ovvju li kellu kull dritt li jagħżel hu kif kellu jivvota, imma kellu responsabbiltà li jispjega fil-pubbliku r-raġunijiet għaliex bidel fehmtu. Dan m’għamlux.   

Mill-14-il membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, tlettax huma membri regolari. L-erbatax-il membru huwa membru ad hoc li jirrappreżenta lill-Kunsill Lokali tal-lokalità effettwata, f’dan il-każ in-Naxxar. Tmien membri tal-Bord kienu preżenti għaż-żewġ laqgħat filwaqt li ħames membri attendew biss għat-tieni laqgħa.

L-erbatax-il membru tal-Bord, għalkemm kien preżenti għaż-żewġ laqgħat telaq il-barra mill-kamra hekk kif bdiet id-diskussjoni dwar il-pompa tal-petrol f’kull waħda miż-żewġ laqgħat. Qiesu ma riedx jipparteċipa f’din l-aħħar farsa tal-ippjanar.

Din hi t-tielet pompa tal-petrol ġdida approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar fi żmien qasir. L-approvazzjoni tal-pompa tal-petrol tal-Magħtab ġiet immedjatament wara l-approvazzjoni ta’ dawk għal Marsaskala u Burmarrad fil-ġimgħat li għaddew.

Xi bżonn għandna ta’ dawn il-pompi tal-petrol kollha?

F’Settembru li għadda, il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern dalwaqt ser jibda eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika biex ikun deċiż minn meta ma jkunx possibli li jinxtraw iktar karozzi li jaħdmu bid-diesel jew bil-petrol. Dan ifisser ħaġa waħda: li dalwaqt ser nibdew it-triq li twassalna biex, darba għal dejjem, neħilsu mill-karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-diesel mit-toroq tagħna.

Fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru hemm mistoqsija waħda li teħtieġ li tkun imwieġba: xi bżonn għandna ta’ iktar pompi tal-petrol ġodda? Kull pompa tal-petrol ġdida tibla’ 3000 metru kwadru ta’ art.

Ryan u Clayton jixirqilhom grazzi.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook