Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Is-snin tal-ottimiżmu

Dan huwa żmien ta’ kontradizzjonijiet u dilemmi kbar li ħafna drabi hija tassew biċċa xogħol iebsa biex tirrisolvihom

Immanuel Mifsud / 12 ta' Jannar 2018 18:53
Qatt ma fhimt eżattament għala l-bidu ta’ sena ġdida jġib miegħu tant emozzjonijiet. Ġieli nissuspetta li l-għagħa kollha b’din id-data hija sforz ieħor mill-forzi tal-kummerċ biex jagħmlu aktar flus mill-bejgħ tax-xampanja, xorb ieħor, ilbiesi speċjali, logħob tan-nar u vjaġġi lejn Vjenna.

Forsi m’għandix raġun u forsi għandi nagħmel riżoluzzjoni li minn din is-sena ’l quddiem insum ftit sew mix-xettiċiżmu li d-dinja tiegħi ġġegħelni nogħdos u nindafar fih. 

Wara kollox qegħdin ngħixu fi żminijiet mill-aqwa: tkabbir ekonomiku, surplus, drittijiet ċivili li lanqas fl-aktar ħolm sabiħ ma kienu jfeġġu, supermarkets, minimarkets, ħwienet tal-merċa ġodda f’kull kantuniera, ħwienet tal-ġelati, ristoranti kull fejn tħares bi platti skwiżiti mis-Siċilja u la Bella Napoli, Ewropa li fl-aħħar se teħles mir-Renju Unit, ir-Renju Unit li x’aktarx mhuwiex se jeħles mill-Ewropa, u l-wegħda li l-kbir għadu ġej. U ma rridux ninsew: lukandi ġodda, aktar sulari lil-lukandi mhux ġodda, pompi tal-petrol kull ftit metri, imqar fil-baħħ tal-kampanja mbiegħda miċ-ċiviltà, kampus universitarji jmissu mal-baħar, siġar li jagħmlu l-wisa’ għat-toroq u l-pjazez, u dan kollu għadu mhu xejn.

Dan huwa żmien ta’ kontradizzjonijiet u dilemmi kbar li ħafna drabi hija tassew biċċa xogħol iebsa biex tirrisolvihom. Ngħidu aħna huwa żmien li xejn affattu mhi moda li tkun pessimist jew xettiku, inkella tissejjaħ negattiv. Għax dawn huma żminijiet pożittivi ħafna. L-ideoloġija (anki jekk konfuża) neoliberali tħeġġiġna nħarsu lejn l-issa u lejn ’il quddiem b’ottimiżmu kbir u jekk xi ħadd ifettillu jsib traba jew xagħra fl-għaġina jissejjaħ ‘negattiv’. M’għadhiex moda tkun negattiv kif forsi kienet xi darba. 

Li tkun negattiv ifisser li tkun qiegħed tittradixxi l-ispirtu tal-mument. Issa ħalli ninsew il-maltempati strambi minħabba l-bdil mhux aċċidentali tal-klima. U ħalli ninsew id-diżastri ambjentali li mqar l-aktar rapporti negattivi kienu qegħdin ibassru li se jseħħu ħafna aktar tard milli fil-fatt qegħdin iseħħu. U ħalli ninsew li hemm żewġ imġienen li qegħdin jikkustinjaw bejniethom ta’ min hu l-akbar zalzett tal-azzar li jtir u jispoldi u jtajjar atomi qerrieda. U ħalli ninsew ukoll il-ġirja lejn il-lemin f’pajjiżi bħall-Polonja (!) u l-Ungerija u pajjiżi oħrajn postkomunisti u Ewropej. L-importanti huwa li nkunu pożittivi u li nemmnu li xejn mhu xejn ħdejn il-progress kbir li qiegħed isir mad-dinja. L-Afrika mhemmx għalfejn insemmuha, lanqas il-pajjiżi ‘sottożviluppati’ l-oħrajn.

Fost id-dilemmi kbar tad-dinja tagħna hemm il-kwistjoni tal-privatezza. Tul il-festi – aktar minn perjodi oħrajn – intellgħu ħajjitna fl-immaġnijiet fuq facebook u siti oħrajn. Mhux biss insiru nafu min miet u min twieled, min sar papà u min sar zija u min romol u min iżżewweġ, imma nsiru nafu saħansitra l-marka tal-ilbies ta’ taħt favorita ta’ dak li jkun. Ngħixu fi żmien konfessjonali li huwa kkaraterizzat bit-tberriħ ta’ ħafna ħwejjeġ li qabel kienu meqjusin privati jekk mhux ukoll intimi. 

Fl-istess waqt ngħixu fi żmien meta t-taqtiq fuq in-nies, ir-rivelazzjonijiet dwar il-ħajja privata ta’ dak li jkun huma parti mid-dieta ta’ kuljum. Imma sadattant ngħixu wkoll fl-era tal-liġijiet li qegħdin hemm biex iħarsu l-privatezza taċ-ċittadin komuni. Minn banda ngħixu f’dinja li tinkoraġġina niftħu u nperrċu u minn banda, l-istess dinja, qiegħda tgħdilna li bħala ċittadini għandna d-dritt għall-privatezza tagħna. Jien niftakar żmien meta fuq il-liċenzja tal-karozza kien ikun hemm anki l-indirizz postali tas-sewwieq, u ma kienx permissibbli li ismek, l-indirizz u n-numru tat-telefon ma jkununx inklużi fid-direttorju.

Imbagħad hemm il-famuża dilemma tal-libertà tal-espressjoni u l-korrettezza politika. Huwa ċar li ħafna minna għadna m’aħniex nifhmu eżattament x’inhija l-libertà tal-espressjoni u x’implikazzjonijiet iġġorr magħha. Proprju bħal-lum tliet snin ilu kien sar dak l-attakk qattiel fuq il-karikaturisti tal-pubblikazzjoni Franċiża Charlie Hebdo. Ġustament ħafna xxukkjaw ruħhom b’dak li ġara u tellgħu stampi u libsu flokkijiet b’jesuischarliehebdo bajda fuq l-iswed. 

Ħafna ħarġu fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-forzi malinni li riedu joħonqu l-libertà tal-kelma (inkluż f’Tas-Sliema). Sadattant, iżda, ħafna mis-simpatizzanti ta’ Charlie Hebdo qatt ma kienu fetħu kopja tal-ġurnal u qatt ma raw kemm kien politikament skorrett il-materjal ippubblikat. U fuq kollox, persważ, li ħafna minn dawk li ssimpatizzaw kienu jiddejqu jekk mhux ukoll jirrabjaw u jiskruplaw b’dak li kien jippubblika Charlie Hebdo.

Terġa’, filwaqt li llum nemmnu bil-libertà tal-espressjoni, fostna hemm min wasal f’estremitajiet li jikkoreġik jekk titlob “kafè iswed”. Mill-banda l-oħra hemm min, bħalma kellna każ lokali ftit tax-xhur ilu, li jekk tikkritikah għall-mod kif esprima ruħu, jeħodha li qed tipprova tagħlaqlu ħalqu, li jista’ jkompli jgħid li jrid mingħajr ma jkun hemm id-dritt għall-kontrostqarrija.

Bla ebda dubju, huma żminijiet interessanti dawn, anki jekk skomdi. Żminijiet mimlijin kuntradizzjonijiet li l-2018 mhijiex biħsiebha li twaqqaf. U aħna rridu naraw kif se nkampaw mad-dilemmi li mhux dejjem inkunu konxji li qegħdin ningħafsu bejniethom.

Bilħaqq, l-applikazzjonijiet għall-palestri fejn tmur biex terġa’ tikseb il-figura miftuħin għal kulħadd. Wara li ġejt ibbumbardjat għal ġimgħat sħaħ biex tixtri ċ-ċikkulata u l-panettone, issa tibda l-offensiva kuntrarja li x’aktarx, fl-aħħar mill-aħħar ikollha l-istess par idejn moħbija.

Is-sena t-tajba.

Immanuel Mifsud twieled f'Malta fl-1967. Beda jikteb il-poeżija u l-proża meta kellu 16-il sena u beda jaħdem ukoll ma' gruppi teatrali esperimentali. Kien jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu stess u iktar tard xogħlijiet ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet, Harold Pinter u Alfred Buttigieg. Diversi xogħlijiet ta' Immanuel Mifsud kienu tradotti u ppubblikati f'ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Il-proża ta' Mifsud mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-kritiċi Maltin u rebaħ l-unur Maltese Generation-X writer. Il-ġabra ta' stejjer qosra fl-2005 'Kimika' qajmu kontroversja u ntqal li kienu 'letteratura pornografika' u l-pubblikatur oriġinali waqqaf l-istampar ta' dan ix-xogħol. Iżda mbagħad dil-ġabra ġiet ippubblikata iktar tard f'dar tal-pubblikazzjoni oħra. Ironikament 'Kimika' spiċċa fit-tieni post fl-Unuri tal-Ktieb Nazzjonali tal-2005. Immanuel Mifsud jikteb ukoll għat-tfal, u ppubblika ġabra ta' stejjer qosra għat-tfal u ktieb bit-taħniniet. Fl-2002, il-ġabra ta' stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali u fl-2011 Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook