Opinjoni | Sena ġdida hija paġna ġdida.

Il-Ministru Owen Bonnici jitkellem fuq is-sena l-ġdida, żviluppi politiċi fil-Liberja u l-V18

George Weah il-President il-ġdid tal-Liberja
George Weah il-President il-ġdid tal-Liberja

Fil-verità, meta toqgħod tqis, ‘is-sena ġdida’ hi biss arranġament li ħolqu bniedem biex jorganizza ftit aħjar l-immaniġġjar tal-ħin. Il-31 ta' Diċembru seta' faċilment ġie identifikat bħala l-31 ta' Novembru kieku l-mexxejja li twieldu sekli ilu riedu jagħmlu hekk.

Biss, hemm element ta' maġija u fantasija li jiġi biss mad-dati tal-31 ta' Diċembru u l-1 ta' Jannar.

Ma' dan l-element ta' maġija jiġi wkoll element ta' bidu ġdid fejn wieħed ikun jista' jindirizza u jagħmel aħjar dak li seta' sar aħjar u jkompli jtejjeb u jsaħħaħ dak li sar tajjeb.

M'għandix dubju li jekk ikollok tagħmel stħarriġ fuq x'jiġi fl-ewwel post f'din il-lista ta' affarijiet li wieħed irid itejjeb fost il-poplu Malti ssib l-ikel fuq nett. Nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet mingħajr ebda ordni partikolari.

L-ikel

 

Bħala poplu aħna nħobbu nieklu, u nieklu ħafna. Anke meta wieħed imur f'restorant, dak li jkun jikkummenta dwar it-tjubija tal-ikel u l-porzjonijiet.

Dejjem għoġbitni l-frażi ‘xbajt’.  Waqt l-ikel dak li jkun tgħidlu: xbajt?  Bl-Ingliż jgħidu: ‘are you full’?   Issa l-frażi ‘are you full’ nifhimha għaliex qed tirreferi għall-ikel li jimla' ż-żaqq. Imma l-frażi bil-Malti ‘xbajt’ hija iktar diretta u timplika li nibqa' niekol mhux sakemm żaqqi tgħidli ‘stop’ imma sa meta jien irrid nagħmel ‘stop’!

Naħseb bħala poplu aħna wkoll konxji ħafna tas-saħħa tagħna u ta' dak kollu li hu tajjeb għalina u ħażin għalina.

Jien taffaxxinani ħafna x-xjenza tal-ikel u bħala bniedem li qattajt ħajti niġġieled mal-miżien għax kif nittraskura naqra nimbaram f'ħakka t'għajn, nieħu gost insegwi kif l-ikel jiġi użat mill-ġisem meta jiġi digerit, kif l-ikel jinqasam f'kategoriji u xi rridu nagħmlu biex ngħixu ħajja aħjar u iktar sana.

Ftit ilu qrajt dwar ċittadin Awstrijakk li bl-eżerċizzju u attenzjoni niżżel il-‘body fat’ tiegħu għal 3%.  Affarijiet tal-inkredibbli. L-ikla t-tajba lil kulħadd.

George Weah

Il-ġenerazzjoni tiegħi hija l-ġenerazzjoni ta' Matthew Le Tissier, Maldini, Baggio, Ravanelli (bix-xagħar abjad b'kollox), Attilo Lombardo (b'dik ir-ras tleqq)… u George Weah. Se tkun sena mill-aqwa għal George Weah li ftit tal-jiem ilu ġie elett President tal-Liberja, pajjiż fl-Afrika.

L-istorja ta' George Weah hija affaxxinanti ħafna. Twieled f'faqar akut imma rnexxilu jagħmel karriera fil-futbol li għamlitu l-aqwa fid-dinja fejn lagħab fi Franza, l-Italja u l-Ingilterra.  Hu jgħid li kien Arsene Wenger, il-famuż kowċ ta' Arsenal li ma jixjieħ qatt, li emmen fih u tah ċans. U ċ-ċans ħadu u f'kemm ili ngħidlek sar l-aqwa striker fid-dinja kalcistika.

Il-Liberja huwa pajjiż pjuttost partikolari għaliex qatt ma pproduċa futbolers ta' klassi u bħala pajjiż jafu t-twelid tagħhom minn grupp ta' Amerikani suwed li ddeċidew li jwettqu l-ħolma tagħhom f'pajjiż ġdid. Weah ilu jaħdem fil-kamp politiku… wara żewġ telfiet f'elezzjonijiet rebaħ it-tielet waħda.

Berlusconi

Ma tistax tiftakar f’Weah u ma tiftakarx f'Berlusconi. Berlusconi kien il-President tal-Milan fi żmien li Weah rebaħ għadd ta' skudetti (ħamsa jidhirli) ma' dan it-tim. Weah sar President f'elezzjoni li għadha kemm saret. Fl-Italja wkoll se jkun hemm elezzjoni. Li hu ċert li Berlusconi mhuwiex se jsir Prim Ministru għaliex għandu ostakolu legali quddiemu minħabba sentenzi tal-Qrati kontra tiegħu.  Imma li Berlusconi huwa forza relevanti fil-politika tal-lum huwa fatt.

Naturalment il-ġibda tiegħi hija lejn il-Partit Demokratiku li mal-membri tal-Kabinett tagħhom ħdimna tajjeb ħafna fl-aħħar legizlatura. Jiena nfaħħar lill-Partit Demokratiku għaliex minkejja l-bidla fil-Prim Ministri (Letta-Renżi-Gentiloni) rnexxielhom jagħtu stabbilità f'pajjiż fejn konna nisimgħu b'elezzjonijiet spissi.

Sintendi l-poplu Taljan se jagħżel skont min fil-fehma tiegħu se jwettaq bl-aħjar mod l-aspirazzjonijiet tiegħu.  Jien konvint li jirbaħ min jirbaħ, pajjiżna se jkollu sieħeb eċċezzjonali f'dak li minn nofs l-2018 se jkun il-Prim Ministru tal-Italja.

Reġina Eliżabetta II

Meta ma kontx attiv daqshekk fil-politika kont nieħu gost ħafna nsegwi serje fuq it-TV. Il-ħidma politika ma ħallitnix inkompli dan id-delizzju imma f'dawn il-jiem tal-Milied irnexxili nisraq ftit ħin u fuq suġġeriment ta' Janice bdejt nara serje fuq Netflix li jisimha The Crown.  Essenzjalment din hija bijografija tar-Reġina Elizabetta II u hija bijografija eċċezzjonali.

In-narrattiva ewlenija hija li ħadd mill-familja Rjali ma jara l-fatt li tkun Re jew Regina bħala xi premju… anzi. In-narrattiva tagħtik x'tifhem li min jilħaq Re jew Regina jkun xorob kalċi ta' sagrifiċċji, dover u impenn.

Aħna fil-politika niġu u mmorru… għasafar tal-passa. Ir-Reġina hija reġina għall-kumplament ta' ħajjitha.

Huwa eċċezzjonali l-mod ta' kif din is-serje fl-ewwel staġun tagħha tinseġ ix-xjuħija stupenda u eċċentrika ta' Winston Churchill maż-żgħożija sabiħa ta' Elizabetta. U huwa wkoll eċċezzjonali l-enfasi li jintefa fuq is-skiet bħala pożizzjoni, fuq l-użu tal-bilanċ u ekwivibriju tar-relazzjoni bejn ir-Reġina u l-Eżekuttiv. Ovvjament ma rnexxilix insegwi wisq episodji minn din is-serje imma mill-ftit li rajt għoġbitni ħafna. Qaluli li House of Cards huwa terġa' isbaħ… ma nafx.

Valletta 2018

F'bijografija dwar ir-Reġina Eliżabetta II naturalment tissemma Malta diversi drabi. U Malta s-sena d-dieħla se jkollha t-titlu tal-Belt kapitali kulturali Ewropea. Ħallejt dan il-punt għall-aħħar propju biex nenfasizza l-importanza tiegħu.

Ma' Jason Micallef u issa Deo Debattista ilna naħdmu biex infasslu programm kulturali t'eċċellenza.  Jien m'għandix dubju li s-sena 2018 se tkun festa sabiħa li bħalha qatt ma rajna… għall-Belt Valletta u għal Malta.

Fl-aħħar snin il-Fondazzjoni 2018 għamlet biċċa xogħol tajba immens u matul is-sena d-dieħla se naraw ir-riżultat ta' dan ix-xogħol.

Kif dejjem ngħidu u nirrepetu u se nerġa' nirrepeti issa- is-sena 2018 trid tkun ukoll dwar legat - dwar dak li se nħallu warajna hekk kif id-dwal jintfew fil-31 ta' Diċembru 2018 u nilqgħu s-sena 2019.

Fl-aħħar jiem diġà tajna togħma tax-xogħol infrastrutturali enormi li wettaqna fl-aħħar xhur skont baġits li jagħmlu sens u b'xogħol ta' kwalità. Fil-jiem li ġejjin se ninawguraw iktar u iktar proġetti sa ma fl-20 ta' Jannar ikollna l-ewwel festa kbira li tagħti bidu għal Valletta 2018.

Ftit kliem dwar Deo u Jason. Deo jħobb il-Belt b'qalbu kollha, ruħu kollha u ġismu kollu.  Huwa t-tabib tal-Beltin u punt ta' referenza għan-nies tal-Belt.  Din l-imħabba eċċezzjonali għall-Belt se tassigura li Valletta 2018 se tkun ukoll esperjenza għall-Beltin u għall-kommunità.

Jason huwa bniedem ta' riżorsi kbar. Jaħdem b'intelliġenza kbira u għandu attenzjoni għad-dettall li qatt ma rajt bħalha f'nies oħra. Ftit nies jafu li Jason kien ‘tani l-ewwel ċans’ meta fl-2004 mix-xejn kien ħajjarni nikkontesta għall-elezzjonijiet Ewropej ta' dik is-sena li servewni bħala pjattaforma tremenda li abbażi tagħha komplejt fil-karriera politika tiegħi.  Dik hi ħaġa li ma ninsihiex u qatt ma nsejtha.  Veru li Jason – bħali – ġej minn partit politiku u allura meta wieħed jarah bla ma jrid jiftakar f'Partit politiku però nemmen li fl-aħħar ħames snin wera kif wieħed jista' jinfatam mir-rabtiet politiċi u jkun Chairperson ta' kulħadd kif fil-fatt kien.

Grazzi minn qalbi.  Grazzi lill-bqija tat-tim tal-Fondazzjoni 2018, lis-Sindku tal-Belt Valletta u lill-istakeholders kollha tal-ħidma splendida li qed iwettqu.

Awguri

Nieħu l-opportunità biex nawgura s-sena 2018 t-tajba lill-editur ta' dan il-ġurnal, lill-impjegati u lill-qarrejja kollha.

More in Blogs