Opinjoni | Il-Ftehim tal-Kunċizzjoni

Għal 8 snin wara Brexit, il-Qorti Ewropea se tibqa' b'ġurisdizzjoni fuq każijiet ta’ ċittadini Ewropej illi jibqgħu residenti fir-Renju Unit

Il-Ġimgħa li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea ħabbret ftit wara s-7am illi ser tagħti parir lill-Kunsill Ewropew illi ġie rreġistrat biżżejjed progress sabiex it-taħdidiet mar-Renju Unit jipproċedu għat-tieni fażi.

F’din it-tieni fażi hu mistenni illi jitfassal l-pjan ta’ transizzjoni illi r-Renju Unit qed jitlob wara li joħroġ mill-UE. Kemm ir-Renju United kif ukoll l-UE qed jipprospettaw perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn illi matulhom il-liġi komunitarja tibqa’ fis-seħħ.

Għal 8 snin wara Brexit, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ser ukoll jibqa’ ġurisdizzjoni fuq każijiet ta’ ċittadini Ewropej illi jibqgħu residenti fir-Renju Unit jekk issir talba għal interpretazzjoni minn qorti Brittanika.

Matul dan il-perjodu ta’ transizzjoni, hu mistenni illi ftit li xejn ser jinbidlu l-affarijiet għaċ-ċittadini u għan-negozji tar-Renju Unit. Il-pajjiż ser jibqa’ fl-għaqda doganali u s-suq waħdieni u ser ikollu jibqa’ jimplimenta regolamenti u direttivi Ewropej, anke dawk illi ser jiġu adottati fl-assenza tiegħu.

Li ser jinbidel hu illi r-Renju Unit m’hux ser jibqa' jkollu vuċi fil-varji istitituzzjonijiet Ewropej. U jista’ jkun illi effettivament dan il-perjodu ta’ transizzjoni ser ikun ferm itwal mis-sentejn li qed jissemew bħalissa kif qed jitlob il-partit Laburista illi jrid perjodu ta’ transizzjoni prattikament indefinit.

Imma l-aktar ħaġa importanti tat-tieni fażi ta’ taħdidiet, speċjalment għan-naħa Brittanika, hija l-adozzjoni ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-UE.

Il-ħtieġa ta’ dan il-ftehim poġġiet pressjoni enormi fuq in-naħa Brittanika sabiex tagħlaq l-ewwel fażi bil-mod kif xtaqet l-UE.

In-negozji tar-Renju Unit xebgħu ma jafux f’liema direzzjoni sejjer il-pajjiż u hemm min, speċjalment fil-qasam finanzjarju, illi diġà beda jċaqlaq parti mill-operazzjonijiet tiegħu mir-Renju Unit għall-kontinent.

Kieku ma ntlaħaqx il-ftehim ta’ nhar il-Ġimgħa, dik li llum hi nixxiegħa kienet ser tinbidel fi xmara enormi.

Il-Brittaniċi għandhom aspettattivi kbar għal dan il-ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-UE.

Qed jippretendu illi jibqa’ jkollhom aċċess għas-suq waħdieni speċjalment, fil-qasam finanzjarju. Mingħajr tali aċċess, il-pożizzjoni ta’ Londra bħala ċ-ċentru finanzjarju per eċċellenza ser tiġi imminata severament.

Diġà għandek lil Frankfurt, Dublin, Pariġi u Amsterdam jikkonkorru bis-serjetà għan-negozju illi Londra ser titlef minħabba l-Brexit. Tant illi Frankfurt qiegħda tippjana illi twaqqaf sezzjoni speċjali tal-qorti sabiex tisma’ kwistjonijiet kummerċjali bl-Ingliż!

Il-Brittaniċi probabilment ser jispiċċaw ferm diżappuntati. Uffiċjali tal-Kummissjoni diġa stqarrew illi l-U.E. għandha ftehim ma pajjiżi terzi bl-hekk imsejħa “most favoured nation clause”.

Dan ifisser illi jekk l-UE ser tikkonkludi ftehim mar-Renju Unit aktar vantaġġjuż minn dak li għandha ma’ dawn il-pajjiżi, l-UE jkollha tikkonċedi l-istess trattament lill-pajjiżi terzi.

Mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, minkejja l-volum tal-kummerċ bejn il-partijiet, minkejja r-rabtiet storiċi u minkejja illi r-Renju Unit hu tant qrib il-kontinent Ewropew, ir-Renju Unit xorta ser jibda jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz illi ma jistax ikollu privileġġi speċjali. Dan jidher li għadhom ma fehmuhx il-Brittaniċi.

Għaldaqstant, fit-taħdidiet interni tal-Kummissjoni flimkien mal-UE 27 intqal illi l-possibilitajiet miftuħin għar-Renju Unit huma ferm limitati. Ir-Renju Unit jista’ jkollu relazzjoni tat-tip li għandhom in-Norveġja u sa ċertu punt l-Iżvizzera.

Dawn jaċċettaw l-acquis komunitarju u jippermettu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema mill-UE minkejja illi mhumiex membri tal-UE. Possibilità oħra hi illi r-Renju Unit ikollu ftehim simili għal dak li għadu kemm ġie konkluż mal-Kanada illi hu l-aktar wieħed ambizzjuż s’issa imma ftit li xejn ikopri s-servizzi, settur illi fih ir-Renju Unit hu ferm b’saħħtu.

Dan kollu ġie preċipitat mid-deċiżjoni tar-Renju Unit illi mhux biss joħroġ mill-UE imma anke mis-suq waħdieni u l-għaqda doganali. Issa tassew illi l-elettorat Brittaniku vvota sabiex il-pajjiż joħroġ mill-UE, imma kif qal editorjal ta’ The Guardian din l-ġimgħa, id-deċiżjoni sabiex il-pajjiż joħroġ mis-suq waħdieni u l-għaqda doganali ttieħdet biss minn May u l-eks chief of staff tagħha. U hi din id-deċiżjoni illi ħolqot l-aktar problemi u għal ftit ma għarqetx il-possibbilità ta’ ftehim din il-ġimgħa.

Dana minħabba l-problema Irlandiża illi awtomatikament inħolqot il-mument illi r-Renju Unit iddeċieda illi ma jibqax fl-għaqda doganali u fis-suq waħdieni.

L-unika fruntiera illi r-Renju Unit għandu hu mar-Repubblika Irlandiża, liema fruntiera tneħħiet wara l-ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-1998.

Dan il-ftehim ġab il-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq wara snin twal imdemmija. Il-fatt illi l-gżira Irlandiża kollha tinsab fl-istess spazju ekonomiku għen m’hux ftit għas-suċċess tiegħu. Biex ma nsemmux il-miljuni ta’ ewro li ġew ippumpjati mill-UE fl-ekonomija depressa tal-Irlanda ta’ Fuq f’inizjattivi sabiex tressaq iż-żewġ komunitajiet lejn xulxin.

Illum din ir-ripaċifikazzjoni hija mhedda bil-Brexit imma ħadd ma jrid illi jerġa’ jkun hemm fruntiera fiżika bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża.

Il-kwistjoni Irlandiża kienet l-aħħar waħda li ġiet solvuta mit-tlieta illi fuqhom kellu jiġu ġġudikat jekk twettaqx progress biżżejjed sabiex wieħed jipproċedi għat-tieni fażi tat-taħdidiet.

Kif semmejna drabi oħra, iż-żewġ kwistjonijiet l-oħra kienu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u l-ħlasijiet illi r-Renju Unit irid iwettaq sabiex jonora l-impenji li ħa bħala parti mill-UE28.

Jidher illi r-Renju Unit issottovaluta l-kumplessità tal-kwistjoni Irlandiża mentri r-Repubblika Irlandiża, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u l-appoġġ sħiħ tal-pajjiżi membri l-oħra, tniffsu fil-mument li fih ir-Renju Unit kien l-aktar taħt pressjoni u kellu joħroġ b’soluzzjoni.

Jekk wieħed iħares lura lejn l-evoluzzjoni tat-taħdidiet s’issa, wieħed jara kemm ir-Renju Unit qiegħed f’qagħda dgħajfa. Wara r-referendum, għamel minn kollox sabiex jiftaħ id-diskussjonijiet qabel ma jivoka l-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona.

Ir-risposta soda tal-Kummissjoni u tal-pajjiżi membri l-oħra kienet dejjem u bla eċċezzjoni illi l-ebda taħdidiet ma jistgħu jinbdew qabel ma jiġi invokat l-artiklu 50.

Meta l-artiklu 50 ġie invokat fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ried illi mill-ewwel jibda jiddiskuti l-ftehim ta’ kummerċ ħieles imma l-Kummissjoni, kif awtorizzata mill-UE27, insistiet illi l-ewwel isir progress suffiċjenti fit-tliet materji li semmejna qabel sabiex wieħed ikun jista’ jipproċedi għad-diskussjoni ta’ tali ftehim.

Fil-bidu l-gvern tar-Renju Unit ma aċċettax is-sekwenza tat-taħdidiet kif proposta mill-Kummissjoni. David Davis, is-segretarju tal-istat għal Brexit ftaħar illi din kienet ser tkun il-kwistjoni tas-sajf.

Meta l-ewwel darba ltaqa’ ma’ Michel Barnier fi Brussel f’Lulju li għadda, aċċetta l-proposta tal-Kummissjoni mingħajr l-anqas nissel kelma.

U l-istess tista’ tgħid għal dak kollu li ġie diskuss. Ir-Renju Unit kellu jagħmel konċessjoni wara l-oħra kemm fuq id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit kif ukoll fuq il-ħlasijiet li jrid iwettaq sabiex jonora l-obbligi li daħal għalihom bħala parti mill-UE28.

Fil-bidu, ma riedx jaċċetta li għandu jagħti xi flus. Meta tkellmet May ġo Firenze f’Settembru li għadda offriet xi €20bn. Issa bil-formula li ġiet aċċettata biex jinħadem l-ammont dovut sar magħruf illi r-Renju Unit irid iħallas tal-anqas € 40 bn għall-privileġġ illi jitlaq mill-UE u jkollu ftehim kummerċjali ferm inferjuri għal dak attwali.

Meta ġew sorvolati dawn l-ostakli kollha, kien baqa’ l-kwistjoni irlandiża illi f’daqqa waħda ħadet importanza primarja. Il-gvern irlandiż indika illi mhux ser iħalli r-Renju Unit jipproċedi għat-tieni fażi qabel ma jingħata assigurazzjoni illi mhux ser jerġa’ jkun hemm fruntiera fiżika mal-Irlanda ta’ Fuq.

Sabiex dan iseħħ, ir-Renju Unit kellu jimpenja ruħu illi sakemm ma jintlaħaqx ftehim xorta oħra, iż-żewġ partijiet tal-gżira Irlandiża jibqgħu f’dak illi ssejjaħ “alinjeament regolatorju.” Għal David Davis, dan ma jfissirx illi ż-żewġ naħat ikollhom l-istess liġijiet imma li jilħqu l-istess għan b’metodi differenti.

Għalfejn David Davis irid jilħaq l-istess għan b’mod differenti mill-kumplament tal-Ewropa, hu biss jaf. Imma uffiċjal anonimu fi Brussel qal lil The Guardian illi dan ifisser illi r-Renju Unit ser ikun “protettorat regulatorju” tal-UE, bl-UE tgħaddi l-liġijiet illi r-Renju Unit ikollu jimplimenta.

Kif inhu l-każ tan-Norveġja llum. Li jfisser ukoll illi r-Renju Unit ser jitlaq l-għaqda doganali fl-isem biss u r-Renju Unit ma tantx ser ikun jista’ jikkonkludi ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi oħra b’termini differenti ma’ dak li ser ikollu mal-UE.

Meta l-aħbar faqqgħet nhar it-Tnejn waqt illi May kienet tippranza ma’ Juncker, qamu l-irwiefen kollu speċjalment da parti tal-Partit Unjonista Demokratiku tal-Irlanda ta’ Fuq li qed isostni l-gvern ta’ minoranza ta’ May bl-għaxar deputati tiegħu.

Dlonk l-Iskoċċiżi, is-sindku ta’ Londra u anke Wales riedu l-istess status speċjali li ħasbu li ser ikollhom l-Irlandiżi ta’ Fuq.

Min-naħa tagħhom, l-unjonisti ta’ Arlene Foster ma ridux illi jkun hemm xi differenza ekonomika jew kostituzzjonali bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-kumplament tar-Renju Unit. U May kellha tirritorna Londra umiljata u miżmuma milli tikkonkludi l-ftehim mixtieq mal-Kummissjoni.

David Davis ma damx ma ħabbar illi mhux ser ikun hemm differenza bejn in-nazzjonijiet differenti tar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq mhu ser ikollu l-ebda status speċjali.

Il-ftehim aħħari illi ntlaħaq ma’ Foster fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa jassigura dan bir-riżultat illi issa r-Renju Unit kollu ser jibqa’ f”allinejament regolatorju” mas-suq waħdieni f’każ illi ma jintlaħaqx ftehim ieħor li żgur irid snin twal biex jintlaħaq.

Wara li laħqet il-ftehim ma’ Foster fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa, May raqdet sagħtejn u fit-3.30 a.m. telqet lejn Brussell fejn din id-darba kellha kolazzjon fis-7a.m. ma’ Juncker u dritt wara laqgħa ma’ Donald Tusk illi ppospona t-tluq tiegħu lejn l-Ungerija. Il-ftehim li ntlaħaq fih 15-il paġna.

Kif stqarrew l-Irlandiżi, il-paragrafu 49 baqa’ l-istess bħalma kien it-Tnejn li għadda imma żdied il-paragrafu 50 sabiex iserraħ ras l-unjonisti. Jidher ukoll ċar illi r-Renju Unit abbanduna l-possibilità ta’ “hard brexit” u ser iżomm qrib kemm jista’ mas-suq waħdieni, dak li jissejjaħ “soft brexit”..

Kos, meta twelidt jien ir-Renju Unit kien jiddetta l-liġi f’pajjiżi imma ftit snin oħra, jekk ma jkunx hemm xi ripensament straordinarju da parti tal-elettorat brittaniku, pajjiżi jista’ jkun qed jiddetta l-liġi fir-Renju Unit. Tassew qed ngħixu fi żminijiet straordinarji.

More in Blogs