Opinjoni | Ma nifhimx... Għalhekk nistaqsi

F’dawn l-aħħar xhur kellna l-aħbar uffiċjali li bħalissa iżjed minn nofs il-popolazzjoni Maltija qed tilgħab għall-flus

Ngħid għalija, f’ċerti oqsma tas-soċjeta Maltija ma nifhem xejn. Għalhekk meta xi drabi naqra jew nisma’ b’ċerti aħbarijiet inħoss il-ħtieġa li nistaqsi. Il-logħob tal-flus hu wieħed minn dawn l-oqsma. F’dawn l-aħħar snin il-logħob tal-flus beda jissejjaħ industrija u beda jingħad li l-Gvern qed idaħħal miljuni ta’ ewro minnu.

F’dawn l-aħħar xhur kellna l-aħbar uffiċjali li bħalissa iżjed minn nofs il-popolazzjoni Maltija qed tilgħab għall-flus. B’din l-aħbar għokritni għajni u ħassejt il-ħtieġa ta’ diversi mistoqsijiet.

Din l-aħbar ħassejtha allarmanti u xtaqt inkun naf iżjed dwarha: dan l-ammont ta’ Maltin jilagħbu għall-flus ifisser żieda fit-total tan-nies jilgħabu għall-flus? Min ippubblika l-aħbar messu għamel paragun bejn l-ammont ta’ lagħba pereżempju, paragun bejn 10 snin ilu u llum. Aħna jimpurtana jekk il-logħob tal-flus hux jiżdied jew jonqos, imma t-tagħrif ma deher imkien.

Il-Gvern jidher li jaf tajjeb bis-sogru li hemm f’din l-industrija msejħa tal-“Gaming”, tant li jisħaq sikwit fuq il-ħtieġa li dan il-logħob ikun logħob “responsabbli” għax hu ftit magħruf li f’dan il-qasam hemm is-sogru li l-logħob isir vizzju u jkun ifisser rovina fi ħdan il-familji.

Imma issa li l-logħob għall-flus sar industrija hemm sogru ieħor. Hemm is-sogru li f’dan il-qasam tinħass l-infiltrazzjoni tal-mafja. Saħansitra diġà dehru rapporti fil-mezzi ta’ komunikazzjoni li organizzazzjonijiet kriminali Taljani qed jużaw l-industrija tal-logħob f’Malta biex jinvestu fiha il-qligħ kriminali tagħhom.

Fil-fehma tiegħi l-fatt li iktar minn nofs il-popolazzjoni ta’ Malta qed tilgħab għall-flus huwa sinjal allarmanti u jeħtieġ tinħoloq opinjoni pubblika kontra dan il-vizzju li qed jinħass mhux biss fost l-irġiel imma wkoll fost in-nisa.

Ta min jistaqsi: mhux allarmanti l-fatt li l-indiċi tat-Trasparenza li juri l-livell ta’ korruzzjoni li jeżisti fid-diversi pajjiżi tad-dinja, fl-aħħar edizzjoni tiegħu Malta waqgħet ħafna ’l isfel? Mhux allarmanti li bqajna mingħajr ebda spjegazzjoni tagħha?

Hemm aħjar mis-surrogazija.

F’parti oħra tal-istampa lokali qed issir propaganda għas-surrogazija jew bi kliem sempliċi l-idea li tikri l-ġuf ta’ ħaddieħor biex twelled tarbija. Qed jingħad u jinkiteb li fejn il-metodu IVF mhux applikabbli, l-unika alternattiva hi li jinkera l-ġuf ta’ mara oħra.

Dan mhux minnu. Apparti l-flejjes li teħtieġ biex tagħmel dan, l-esperjenza għallmitna li ġieli nqalgħu kumplikazzjonijiet meta jinkera l-ġuf ta’ ħaddieħor. Ġieli l-mara li tikri ġufha tant tintrabat mat-tarbija li tkun welldet li żżommha għaliha u tirrifjuta li sempliċiment tagħtiha lil min kriha!

Imma flok IVF, in vitro fertilization, hawn metodu ieħor, iżjed żgur mill-IVF u iżjed jirnexxi minnu.

Dan il-metodu jissejjaħ Na Pro Technology.

Tiskanta bir-rata ta’ suċċess tal-metodu Na Pro Technology imqabbel ma’ dak tal-IVF. Huma biss 25% tal-ġenituri li jirnexxilhom ikollhom tarbija bil-metodu IVF. Waqt li bil-metodu Na Pro Technology mhux inqas minn 80% ta’ min japplika dan il-metodu jirnexxilha toħroġ tqila b’mod naturali.

Hemm differenza kbira bejn IVF u Na Pro Technology. L-akbar differenza din: l-IVF ma tinvestigax x’inhu jwassal għall-infertilità fil-pazjenti, waqt li t-Teknoloġija Na Pro b’tekniki dijanjostiċi differenti biex tidentifika x’qed iwassal għall-infertilità.

Etikament dan il-metodu huwa aċċettabbli għal kulħadd mill-aspett etiku. Sirt naf li anke hawn Malta hawn min hu informat tajjeb dwar il-metodu Na Pro u għalhekk tista’ tinbeda t-triq biex dan il-metodu jnissel tama ġdida lid-diversi koppji li jixtiequ u le ma jistgħu jsiru ġenituri. Nittama li l-awtoritajiet tas-saħħa jistudjaw dan il-metodu u jagħmluh disponibbli għall-ġenituri Maltin. Ikun ferm aħjar milli ssir pubbliċità għall-kiri tal-ġuf!

More in Blogs