Opinjoni | Toroq iktar siguri għall-ġid tal-familji tagħna

Nhar il-Ġimgħa se jidħlu fis-seħħ ir-riformi dwar il-liġijiet tat-traffiku

Mill-ewwel ta’ Diċembru li ġej se jiddaħħal fis-seħħ pakkett ta’ liġijiet li għandu l-għan li jagħmel it-toroq iktar siguri għall-ġid tal-familji tagħna.  Dan il-pakkett ta’ liġijiet se jidħol fis-seħħ wara konsultazzjoni vasta li baqgħet għaddejja matul dan iż-żmien kollu.

Jiena personalment, kif jaf kulħadd, kont involut f’inċident sfortunat tat-traffiku li nirringrazzja ’l Alla ma kellux konsegwenzi iktar serji u kull min xi darba għadda minn inċident ta’ traffiku jħossu sensittiv għall-ħtiġijiet li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex it-toroq ta’ pajjiżna jkunu iktar siguri. 

Minn esperjenza diffiċli u qarsa provajt nislet silver lining u nikkontribwixxi dak kollu li naf biex it-toroq ikunu iktar siguri u tiżdied id-dixxiplina.

Irrid nirringrazzja żewġ Ministri li ħdimt magħhom matul dan il-vjaġġ – il-Ministru Joe Mizzi u l-Ministru Ian Borg li fl-istili differenti tagħhom sibt kollegi ddedikati għal iktar sigurtà fit-toroq.  Sintendi jien bħala Ministru għall-Ġustizzja nista’ nara l-affarijiet minn lenti legali u kien ma’ Joe u Ian li flimkien wettaqna pakkett li kiseb il-kunsens unanimu fil-Parlament (Att XIV tal-2017) u nemmen ukoll fis-soċjetà ċivili.

Bidla fil-kultura

Din ir-riforma trid iġġib magħha bidla fil-kultura. Li ssuq il-karozza u tilgħab bil-mobile trid issir xi ħaġa tal-passat. Li tmur il-każin jew f’bar u tixrob kemm Alla ħalaq vodka jew birra u mbagħad ssuq bil-karozza trid issir xi ħaġa tal-passat.  Kulħadd irid jagħti sehmu mill-kbir saż-żgħir biex inbiddlu l-kultura tagħna.

Aħjar uff milli aħħ

M’għandix dubju li kif tidħol fis-seħħ ir-riforma minn nhar il-Ġimgħa li ġej se ngħaddu minn perjodu ta’ aġġustament fejn dak li jkun se jgħid uff.  U sintendi meta wieħed jgħid uff imbagħad jipprova jaqbad il-pakkett legiżlattiv u jikkritikah minn rasu sa saqajh.  Jgħid li ħaġa missha saret mod u mhux ieħor.  Jgħid li dik il-kelma missha tneħħiet jew tħalliet. 

Jien għandi biżżejjed esperjenza fil-Gvern biex nifhem li meta tbiddel l-affarijiet, meta ċċaqlaq l-ilmijiet, se jkun hemm an equal and opposite reaction ta’ reżistenza li timmanifesta ruħha b’mod differenti.

U għandi biżżejjed esperjenza biex inżomm widnejja mal-art u nsegwi b’attenzjoni. Il-punt kardinali hu li aħjar kaldarun uffijiet milli niskata aħħ.

Jien personalment xbajt nara stejjer ta’ nies iweġġgħu jew jimmankaw irwieħhom wara inċidenti tat-traffiku. 

Tlift anke studenti milli ngħallem l-Università li jkunu tilfu ħajjithom f’inċident tat-traffiku. U r-realizzazzjoni hi waħda u b’saħħitha- jista’ jkun li dak li allaħares qatt iweġġa’ jkun xi ħadd għażiż għalik jew membru tal-familja. Mela ejja naqblu li aħjar naqra uff milli aħħ.
 
L-emendi li se nimplimentaw

Imħatra li nsejt x’se jinbidel mill-1 ta’ Diċembru li ġej?

Hawnhekk se nipprova nirrifriskalek il-memorja:
 

  • Se tiżdied il-piena għal min isuq bla liċenzja;
  • Se tiżdied il-piena għal min juża numri ta’ reġistrazzjoni li ma jappartjenux għall-vettura;
  • Il-gwardjani lokali se jingħataw dritt ġdid li jassistu lill-Pulizija fejn jidħlu testijiet tal-breathalyser. It-test irid isir dejjem u f’kull ħin mill-Pulizija imma l-gwardjani se jkollhom dritt iżommu xi ħadd xurban sakemm jiġu l-Pulizija;
  • Se jkun hemm żieda fil-piena għal min isuq taħt l-influwenza tax-xorb jew drogi.  Min jeħel dawn il-pieni issa se jkun jista’ jiġu soġġettat għal ordni ta’ probation jew/u programm ta’ riabilitazzjoni mill-problema tax-xorb;
  • Il-limiti tal-alkoħol permessibbli se jiġu konformi ma’ dak li nsibu fl-Ewropa. Se ssir distinzjoni bejn min isuq għal għanijiet privati jew għanijiet kummerċjali fejn min isuq għal għanijiet ta’ ġarr tan-nies jew tfal se jkun mistenni minnu li ma jixrob assolutament xejn jekk se jkun se jsuq;
  • Kull min għandu liċenzja issa se jkun suġġett hu wkoll għal sistema tal-punti;
  • Jekk wieħed jeħel 12-il punt fi 12-il xahar se titteħidlu l-liċenzja u jeħodha lura biss skont regoli ċari li jiddistingwu jekk ir-revoka saritx għall-ewwel darba jew it-tieni, tielet jew raba’ f’perjodu partikolari ta’ snin;
  • Mhux kull ċitazzjoni twassal biex wieħed jeħel il-punti imma huma biss dawk li huma meqjusa l-iktar serji li jwasslu biex wieħed jeħel il-punti u l-ammont ta’ punti jvarja skont il-gravità. Jekk tipparkja barra mill-kaxxa jew fuq l-isfar ma jwassalx biex wieħed jeħel il-punti pereżempju, imma jekk ittajjar lil xi ħadd iva;
  • Il-punti jinżammu biss għal perjodu ta’ sena.  Li jfisser li jekk pereżempju fl-1 ta’ Jannar, 2018 is-sur X weħel 5 punti, fl-1 ta’ Jannar, 2019 is-sur X jeħles minn dawn il-punti sakemm ma jkunx weħel ammont ieħor ta’ punti li jwasslu għal total ta’ 12-il punt. Jekk is-sur X weħel 5 punti fl-1 ta’ Jannar, 2018 u 4 punti oħra fl-1 ta’ Marzu, 2018 u xejn iktar, huwa jeħles mill-5 punti fl-1 ta’ Jannar, 2019 u mill-4 punti fl-1 ta’ Marzu 2019;
  • Il-punti jistgħu jitnaqqsu jekk wieħed imur għal kors awtorizzat mill-Awtoritajiet relattivi skont regoli ċari li jassiguraw serjetà.
  • Is-sistema tal-punti tiġi imposta fuq il-persuna li jkun qed isuq u mhux fuq is-sid. Id-dritt li wieħed jagħmel petizzjoni fir-rigward ta’ offiżi tat-traffiku li jinstemgħu quddiem Kummissarju għall-Ġustizzja japplika biss sakemm il-każ jiġi deċiż minn Kummissarju għall-Ġustizzja jew, f’każ ta’ Appell, minn Maġistrat.

L-istaġun tal-festi
Aħna ridna li dawn ir-riformi jidħlu fis-seħħ qabel jibda l-istaġun tal-festi biex nibagħtu messaġġ b’saħħtu favur iktar serjetà, dixxiplina u attenzjoni.

Konvint li se nsib ħafna nies li se jħarsulna bl-ikrah iżda konvint li hemm maġġoranza silenzjuża li se jgħidu – fl-aħħar hawn Gvern li kellu l-kuraġġ itejjeb l-affarijiet fejn tidħol is-sigurtà fit-triq.

More in Blogs