Opinjoni | L-istorja ta’ taħt fuq

'Ir-riforma kostituzzjonali u tal-ġustizzja ilha formulata sa mill-2011. Hemm kollox fil-Parlament u wara l-2013 bdiet tiġi implimentata. Kieku l-PN fil-Gvern ta widen lil deputat tiegħu stess ilha implimentata' - Franco Debono

Il-Main Guard, fejn hemm l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
Il-Main Guard, fejn hemm l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

La r-riforma tal-ġustizzja u lanqas r-riforma kostituzzjonali ma huma marbuta mal-Pilatus Bank jew mal-qtil ta' Daphne, daqs kemm huma konsegwenza tal-inkompetenza, letarġija u traskuraġni ta' żewġ ministri tal-ġustizzja u intern Carm Mifsud Bonnici u Tonio Borg.

U anke jekk stess huma relatati xorta Carm u Tonio jaħtu b'xi mod għax kienu huma li ħallew l-istituzzjonijiet verament jikkrollaw tant li filfatt kien bħala reazzjoni għal dik s-sitwazzjoni li fl-2011/2012  fformulajt u preżentajt fil-Parlament r-riforma ħolistika tal-Ġustizzja u kostituzzjonali -  www.riformagustizzja.com - inkluż Liġi tal-Finanzjament tal-Partitit, liema riformi ġew konfermati mir-Rapport Bonello (2013)- ħafna qabel Pilatus u l-qtil ta' Daphne!

Ħażin jekk inbellgħuha lilna nfusna li r-riforma tal-Ġustizzja hija marbuta mal-Pilatus jew ma’ Daphne pereżempju bħalma hu ħażin naħsbu li twieldet fir-Rapport Bonello mhux biss għax wieħed ikun qed jigdeb lilu nnifsu iżda wkoll għax ikun qed jisnatura l-kuntest reali tar-riforma nfisha Franco Debono

Kien ukoll bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni Carm/Tonio li fl-2011/2012 kont ħadt pożizzjonijiet fil-Parlament favur l-irfigħ ta' responsabbilità politika u li jirriflettu dak li għandu verament ikun r-rwol ta' deputat fil-kuntest ta' riforma kostituzzjonali u tisħiħ tal-istituzzjonijiet.

Ir-riformi mhux biss ifformulajthom iżda għexthom fil-prattika u mxejt bħala eżempju meta fil-Parlament kelli kuraġġ nivvota biex jitneħħa l-persuna li kien qed jimblokka tant riformi - Carm Mifsud Bonnici, meta imbottajt u sfurzajt biex jinqasmu l-ministeri tal-Ġustizzja u Intern, qasma li mingħajrha ma setgħux isiru r-riformi l-oħra u tant pożizzjonijet oħrajn li ħadt.

Għaliex qed ngħid dan?

L-ewwel nett għax m'hemm xejn agħar milli poplu jigdeb lilu nnifsu. L-memorja kollettiva ta' nazzjon hija dik li ssawru u tiddistingwih minn popli oħra. Bħal- lingwa, l-istorja ta' nazzjon hija waħda, jekk mhux l-akbar identità li tagħġnu u tagħmlu dak li hu. Li poplu jgħid l-verità lilu nnifsu fiha valur intrinsiku fiha nfisha.

Jekk hu importanti li storiċi jistudjaw x'ġara verament mijiet jekk mhux eluf ta' snin ilu, fi żmien il-Kavallieri jew ir-Rumani, kemm hu aktar importanti ngħidu l-verità lilna nfusna fuq dak li qed jiġri llum?

It-tieni għax ebda riforma ma tista’ ssir kif jixraq jekk tiġi snaturata u mneżża' mill-kuntest vera tagħha. Ir-riformi proponejthom bħala sistema, għall-ewwel darba fil-Parlament.

Ħażin jekk inbellgħuha lilna nfusna li r-riforma tal-Ġustizzja hija marbuta mal-Pilatus jew ma’ Daphne pereżempju bħalma hu ħażin naħsbu li twieldet fir-Rapport Bonello mhux biss għax wieħed ikun qed jigdeb lilu nnifsu iżda wkoll għax ikun qed jisnatura l-kuntest reali tar-riforma nfisha b'disservizz kbir lejn l-istess riforma. Ir-riforma hija intiża bħal sistema, din hija s-saħħa tagħha u ħażin jekk tiġi spezzettata jew mneżża' mill-kuntest vera tagħha.

It-tielet għaliex wieħed mill-aspetti tal-ġustizzja nfisha huwa li kulħadd jieħu li ħaqqu.

Meta poplu jigdeb lilu nnifsu ftit jimporta li dawk responsabbli ta' nuqqasijiet jiskappaw, iżda agħar minn hekk jiġu kkundannati nies bla ħtija intortament u dan iħalli feriti u tensjonijiet bla bżonn speċjalment f'soċjetà żgħira bħal tagħna.

mhux sewwa li xi ħadd jippoża u jilgħabha tal-pampalun tar-Rule of Law meta mhux biss dejjem traskura dan kollu talli meta xi ħadd fi ħdanu stess fformula r-riformi nfushom ra kif għamel u warrbu Franco Debono

Ir-raba' għax mhux sewwa li xi ħadd jippoża u jilgħabha tal-pampalun tar-Rule of Law meta mhux biss dejjem traskura dan kollu talli meta xi ħadd fi ħdanu stess fformula r-riformi nfushom ra kif għamel u warrbu.

Se nagħti eżempju bir-Riformi dwar l-Avukat Ġenerali, li jekk wieħed ma jkunx jaf jaħseb li x-xemx telgħet dawn l-aħħar ftit xhur. Illum kulħadd jitkellem dwar l-Avukat Ġenerali u kulħadd qisu sar espert, sfortunatament uħud ifajru bl-addoċċ mingħajr ma jafu fuq xiex qed jitkellmu iżda mbagħad oħrajn li minkejja li infurmati dwar is-suġġett, jew qatt ma ħadmu l-Qorti jew ilhom neqsin mill-Qorti snin twal u allura mhux fl-aħjar pożizzjoni jikkummentaw fuq suġġett tant delikat.

U din hija raġuni oħra, il-ħames, għaliex ir-riformi m'għandhomx ikunu snaturati mill-kuntest vera tagħhom tal-2011/2012, għaliex huma riformi prattiċi li ġew imfassla minni frott esperjeza diretta fil-Qorti u fil-Parlament, huma soluzzjonijiet prattiċi għal problemi reali.

Wieħed jista’ jagħmel ħafna rapporti b'soluzzjonijiet li fuq il-karta u fit-teorija jidhru sbieħ ħafna iżda fil-prattika ma jaħdmux. U hawn naqbel perfettament ma’ Vanni Bonello. Għandna bżonn soluzzjonijet prattiċi, tailor made għalina u li jindirizzaw ir-realtajiet ta’ pajjiżna.

U lura għall-eżempju tar-riformi fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dawn huma siltiet minn diskorsi tiegħi lura fl-2011/2012 (www.riformagustizzja.com) -

1)''The role and powers of the Attorney Ġeneral, counsel to government and chief prosecutor, should be analysed, re-examining his latitude of discretion, in certain cases without the duty to give reasons.” - Franco Debono, “Vision for Justice”, Times of Malta, September 11th 2011;

(2)-''Jeħtieġ reviżjoni estensiva tar-rwol tal-Avukat Ġenerali fis-sistema legali tagħna u tal-poteri diskrezzjonali tiegħu. Fis-sistema legali tagħna l-Avukat Ġenerali huwa ftit minn kollox kullimkien. Huwa jfassal il-liġijiet, huwa prosekutur, jagħti pariri lill-Gvern, ifassal l-istess liġijiet li mbagħad huwa stess ikun parti fihom quddiem il-qrati u jieħu ħsieb l-inkjesti. Kollox ħallata ballata!” - Seduta 439 - Parlament ta’ Malta - 25 ta’ Jannar 2012 - Onor Franco Debono;

(3)“Irrid ngħix f’pajjiż fejn l-Avukat Ġenerali jkollu l-poteri, ir-rwol u l-funzjonijiet tiegħu riveduti għax fis-sistema tagħna li hija hybrid system għax ħadna parti mis-sistema kontinentali u... parti mis-sistema Brittanika, dan huwa l-Avukat tal-Gvern, Prosekutur Pubbliku u xi kultant jabbozza liġijiet li hu stess ikun parti fihom. Hemm bżonn reviżjoni kompleta tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u jien nixtieq ngħix f’pajjiż fejn din ir-riforma saret snin ilu.” - Aġġornamenti Onor.Franco Debono - seduta Numru 474 - Parlament ta’ Malta - 16 ta’ Mejju 2012;

(4)''Is-seba’ punt: ir-reviżjoni u ridefinizzjoni ta’ ċerti poteri tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll id-dover li jagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tiegħu f’ċerti ċirkostanzi. Kif għidt, hawnhekk huwa wieħed mill-oqsma fejn l-Avukat Ġenerali huwa riżultat ta’ din is-sistema mista li għandna, u naħseb li wasal iż-żmien li nanalizzaw il-poteri, ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Ġenerali qiegħed ftit kullimkien...

Però hemm bżonn ukoll ridefinizzjoni tal-poteri tiegħu. Dan qed jagħmel drafting tal-liġijiet, liġijiet li mbagħad ikun parti fihom huwa stess. Huwa public prosecutor, counsel to government, għandu rwol fl-inkjesti u fil-kumpilazzjonijiet, qiegħed ftit kullimkien.

Ejja naraw daqsxejn hemmx xi rwoli tal-Avukat Ġenerali li jistgħu jgħaddu lil ħaddieħor u ejja naraw ir-rwol ta’ maġistrat inkwerenti li jikkonċentra esklussivament fuq l-inkjesti jistax imbagħad jistabbilixxi ruħu wkoll fis-set-up tal-Avukat Ġenerali.

Din tista’ tkun riforma maġġuri, u hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq din ir-ridefinizzjoni, reviżjoni u analiżi tal-poteri, il-funzjonijiet u r-rwol tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fis-sistema legali tagħna.

L-Avukat Ġenerali għandu rwol fundamentali, għandu status ta’ Mħallef tal-Qrati Superjuri, skont il-Kostituzzjoni – sezzjoni 90, jekk m’iniex sejjer żball – u jieħu deċiżjonijiet kważi ġudizzjarji għalkemm huma amministrattivi! Waħda mill-ikbar problemi li nara fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, apparti l-istruttura, hija li ma jagħtix raġunijiet għad-deċiżjonijiet tiegħu.

Dan huwa punt li ċertament irid jiġi indirizzat u jrid jiġi emendat. Pereżempju jiddeċiedi li lil wieħed jibagħtu ġuri u lill-ieħor jibagħtu quddiem il-maġistrat. Mhux qed ngħid li ssir kapriċċożament jew bi skop, però jkollok kwestjonijiet ta’ diskriminazzjoni, anke jekk ma jridx, għax bl-istess każ wieħed bagħtu ġuri, ħariġlu l-att tal-akkuża, u lill-ieħor ħariġlu l-artikolu u bagħtu quddiem il-maġistrat.

Għandu jkun hemm id-dover li l-Avukat Ġenerali jagħti r-raġunijiet biex jekk jien inħoss li ġejt diskriminat, ovvjament nista’ nissindika dik id-deċiżjoni. Il-pożizzjoni llum hija li ma tistax tissindika deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali. Se nsemmiha partikolarment, biex ma nirrepetix, meta niġi biex nindirizza r-riforma tal-liġijiet tad-drogi. '' - Private Members’ Motion - Mozzjoni 260 - Mozzjoni Dwar il-Qasam tal-Ġustizzja – Mozzjoni tal-Onor Franco Debono, 12 ta' Ġunju 2012.

Min illum qed jippoża tal-paladin ta' dawn r-riformi mhux talli ma fformulahomx jew implimentahom meta kien fil-gvern talli warrab lil min kien ipproponiehom. Dak li qed jiġri llum mhu xejn għajr sforz biex l-istorja tinqaleb ta' taħt fuq Franco Debono

Ir-Rapport Bonello (2013) mbagħad ma jżid xejn mas-sustanza ta' dawn l-proposti li għamilt jien ħlief ovvjament jimla ftit aktar dettall fuq l-istess struttura proposta minni, però l-ħsieb huwa perfettament identiku u jikkonferma l-analiżi u proposti li kont għamilt jien.

Min illum qed jippoża tal-paladin ta' dawn r-riformi mhux talli ma fformulahomx jew implimentahom meta kien fil-gvern talli warrab lil min kien ipproponiehom. Dak li qed jiġri llum mhu xejn għajr sforz biex l-istorja tinqaleb ta' taħt fuq, huwa disrispett u disservizz lejn ir-riformi nfushom. Min qed tant jimbuttahom illum qed jipprova jnessi li hu jaħti li ma sarux meta seta' għamilhom, u mhux għax vera jemmen fihom.

Ir-riforma kostituzzjonali u tal-ġustizzja ilha formulata sa mill-2011. Hemm kollox fil-Parlament u wara l-2013 bdiet tiġi implimentata. Kieku l-PN fil-Gvern ta widen lil deputat tiegħu stess ilha implimentata iżda intilef ħin prezzjuż qabel l-2013.

Nikkonkludi b'silta minn diskors li għamilt fil-Parlament lura f'Lulju 2012. Għax s-sejħa għal riforma kostituzzjonali bdiet ħafna qabel Pilatus u l-qtil ta' Daphne -  “ ...Wasal iż-żmien għal riformi politiċi ta’ ċerta entità f’din is-soċjetà li qed tinbidel.

Wasal iż-żmien li titwieled il-Kostituzzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, ta’ Malta Ewropea, li tirrifletti l-istadju tal-iżvilupp demokratiku f’pajjiżna.

Wasal iż-żmien li nidfnu għal kollox il-mudell taż-żewġ tribuijiet li jokkupaw territorju wieħed u nsaħħu l-identità ta’ poplu wieħed b’fehmiet differenti.

Wasal iż-żmien li titwieled il-Kostituzzjoni ta’ Malta Ewropea b’istituzzjonjiet iktar b’saħħithom u iktar sodi li jissombilizzaw lil dan l-Istat."

Fil-protesti organizzati mis-Civil Society Network bosta ħeġġew għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali | James Bianchi
Fil-protesti organizzati mis-Civil Society Network bosta ħeġġew għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali | James Bianchi

More in Blogs